Meta Dak li Tistenna Ma Jitwettaqx
FI KWALUNKWE żwieġ jistaʼ jkun hemm xi diżappunti, anki jekk waqt l-għerusija koppja kellhom mnejn kienu jidhru li tassew jaqblu. Imma kif jistgħu tnejn min-nies li kienu jidhru magħmulin għal xulxin qabel ma żżewġu jispiċċaw daqshekk differenti wara ż-żwieġ?
Il-Bibbja tgħid li dawk li jiżżewġu se jesperjenzaw “uġigħ u niket.” (1 Korintin 7:28, The New English Bible) Spiss, parti minn din it-tribulazzjoni tkun minħabba l-imperfezzjoni umana. (Rumani 3:23) Barra minn hekk, jistaʼ jkun li wieħed mill-miżżewġin jew it-tnejn li huma ma jkunux qed japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja. (Isaija 48:17, 18) Però, kultant raġel jew mara tidħol għaż-żwieġ bi stennijiet li ma jkunux realistiċi. Meta jiġri hekk, in-nuqqas taʼ ftehim jistaʼ jwassal għal problemi serji.
Stennijiet Mhux Realistiċi
Jekk int raġel jew mara miżżewġa, x’aktarx li int dħalt għaż-żwieġ b’għadd taʼ stennijiet; ħafna nies hekk jagħmlu. Aħseb ftit dwar it-tip taʼ ħajja li ttamajt li jkollok. Huwa ż-żwieġ tiegħek differenti minn kif kont timmaġinah? Jekk iva, tikkonkludix li l-problemi ma jistgħux jiġu solvuti. Jekk tapplika l-prinċipji Bibliċi tistaʼ ssolvi l-problemi.a (2 Timotju 3:16) Sadanittant, tagħmel tajjeb jekk teżamina ftit mill-istennijiet li għandu mnejn kellek dwar iż-żwieġ.
Per eżempju, xi wħud ħasbu li l-ħajja miżżewġa kienet se tkun mimlija romantiċiżmu, bħalma jiddeskrivuha l-ħrejjef. Jew forsi ħsibt li int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ kontu se tqattgħu ħafna mill-ħin tagħkom flimkien jew li t-tnejn li intom kontu se tirranġaw kull nuqqas taʼ qbil bil-ħlewwa u bil-maturità. Ħafna kienu jaħsbu li ż-żwieġ kien se jelimina l-bżonn tar-rażna fi kwistjonijiet sesswali. Minħabba li dawn l-istennijiet komuni kollha huma kemxejn mhux realistiċi, dawn żgur li se jwasslu għal diżappunt għal xi wħud.—Ġenesi 3:16.
Stennija mhux realistika oħra hi li ż-żwieġ innifsu jagħmel lill-individwu hieni. M’għandniex xi ngħidu, li jkollok sieħeb jew sieħba għal ħajtek kollha jistaʼ jkun sors taʼ ferħ kbir. (Proverbji 18:22; 31:10; Koħèlet 4:9) Imma tistaʼ tistenna li ż-żwieġ ikun kura mirakoluża għal kull nuqqas taʼ qbil? Dawk li jaħsbu hekk ġeneralment ikollhom sorpriża kerha!
Stennijiet li Ma Jitkellmux Dwarhom
Mill-banda l-oħra hemm stennijiet li huma realistiċi. Xi wħud minnhom jinvolvu xewqat li huma validi. Però, jistgħu jinqalgħu l-problemi minħabba ċerti stennijiet. “Jien nara koppji miżżewġin jirrabjaw għal xulxin minħabba li persuna minnhom tkun qed tistenna li titwettaq ċerta xewqa, waqt li l-parti l-oħra qatt ma tkun taf eżattament b’din ix-xewqa,” josserva wieħed li jagħti l-pariri lill-miżżewġin. Biex nifhmu kif dan jistaʼ jseħħ, ikkunsidra l-eżempju li ġej.
Mary tiżżewweġ lil David, li jgħix mijiet taʼ kilometri ’l bogħod minfejn toqgħod hi. Qabel ma tiżżewweġ, Mary tirrealizza li jekk tmur tgħix f’post ġdid hi se tiffaċċja l-isfidi—speċjalment minħabba li għandha natural mistħi. Però, hi ħassitha kunfidenti li David kien se jgħinha tidra. Per eżempju, Mary stenniet li David kien se joqgħod maġenbha u jgħinha ssir taf lil sħabu. Però, dan mhux qed iseħħ. David jibda jkun medhi f’konversazzjonijiet mal-ħafna ħbieb tiegħu—u lil Mary, li tkun għadha ġdida fosthom, iħalliha waħedha. Mary tħoss li qed jittraskuraha, u tħossha kemxejn abbandunata. Hi taħseb, ‘Kif jistaʼ David ikun daqshekk insensittiv?’
Hija l-istennija taʼ Mary waħda mhux realistika? Ma tantx. Hi sempliċement trid li żewġha jgħinha tidra f’dan l-ambjent ġdid. Mary hi mistħija, u tħossha diffiċli li tiltaqaʼ maʼ dawn in-nies ġodda kollha. Però, il-fatt hu li Mary qatt ma qalet lil David kif tħossha. Għalhekk, David m’għandux l-iċken ħjiel dwar dak li qed tħoss Mary. X’jiġri jekk is-sitwazzjoni tibqaʼ sejra hekk? Ir-riżentiment taʼ Mary jistaʼ jiżdied, u maż-żmien, hi għandha mnejn taħseb li żewġha huwa totalment indifferenti għas-sentimenti tagħha.
Forsi int ukoll tħossok diżappuntat jew frustrat meta martek jew żewġek donnu ma jagħtix kas il-bżonnijiet tiegħek. Jekk dan hu l-każ, x’tistaʼ tagħmel?
Iftaħ Qalbek
Stennijiet li ma jitwettqux jistgħu jġibu niket kbir. (Proverbji 13:12) Xorta waħda, hemm xi ħaġa li tistaʼ tagħmel dwar is-sitwazzjoni. “Int tistaʼ tipperswadi lill-oħrajn jekk int għaref u titkellem bl-għaqal,” jgħid proverbju Bibliku. (Proverbji 16:23, Contemporary English Version) Għalhekk, jekk tħoss li għandek stennija raġunevoli li m’hijiex qed tiġi mwettqa, iddiskutiha mas-sieħeb jew mas-sieħba tiegħek.
Ipprova agħżel il-ħin, il-post, u l-kliem adattat biex tgħid kif qed tħossok. (Proverbji 25:11) Tkellem bil-kalma u bir-rispett. Żomm f’moħħok il-mira tiegħek—mhux li takkuża imma li tinforma lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek dwar dak li int tistenna u dwar is-sentimenti tiegħek.—Proverbji 15:1.
Għala għandek tagħmel dan kollu? M’għandux żewġek, jew martek, li juri konsiderazzjoni jinduna b’dak li għandek bżonn? Jistaʼ jkun li s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek sempliċement qed tara l-kwistjoni minn ħarsa differenti, imma forsi tkun kuntenta tikkunsidra l-bżonnijiet tiegħek jekk int tispjegalha x’inhuma. Ma jfissirx li ż-żwieġ tiegħek huwa dgħajjef jekk int tesprimi dak li trid jew għandek bżonn, lanqas ma jfisser li s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek hija insensittiva.
Għalhekk, toqgħodx lura milli tiddiskuti l-kwistjoni mas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. Per eżempju, fis-sitwazzjoni li spjegajna qabel, Mary setgħet tgħid lil David: “Nammetti li nħossha taʼ sfida li niltaqaʼ maʼ dawn in-nies ġodda kollha. Sakemm inħossni iktar komda, tistaʼ tgħinni nsir naf lil kulħadd?”
‘Kun Ħafif biex Tismaʼ’
Issa kkunsidra l-kwistjoni minn angolu differenti. Ejja ngħidu li l-parti l-oħra tiġi fuqek, u hu jew hi tħossha inkwetata minħabba li m’intix twettaq stennija raġunevoli li għandha. Jekk jiġri hekk, ismaʼ lis-sieħeb jew is-sieħba tiegħek! Ipprova toqgħodx tiddefendi lilek innifsek. Minflok, ‘kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ (Ġakbu 1:19; Proverbji 18:13) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani: “Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.”—1 Korintin 10:24.
Int tistaʼ tagħmel dan billi tipprova tpoġġi ruħek fis-sitwazzjoni tal-parti l-oħra. Il-Bibbja tgħid: “Intom l-irġiel miżżewġin komplu għammru man-nisa tagħkom skond l-għarfien,” jew, bħalma hi tradotta fit-traduzzjoni taʼ J.B. Phillip, “intom l-irġiel għandkom tipprovaw tifhmu lin-nisa li tgħixu magħhom.” (1 Pietru 3:7) M’għandniex xi ngħidu, in-nisa jagħmlu tajjeb jekk jagħmlu l-istess sforz għal żwieġhom.
Ftakar li minkejja kemm intom kompatibbli, intom m’għandkomx l-istess ħarsa dwar kollox. (Ara l-kaxxa “L-Istess Veduta, Opinjonijiet Differenti.”) Tabilħaqq, dan huwa taʼ benefiċċju, għaliex huwa tajjeb li tikkunsidra l-kwistjonijiet mill-ħarsa taʼ ħaddieħor. Int u żewġek jew martek it-tnejn li intom ġibtu fiż-żwieġ tagħkom stennijiet uniċi bbażati fuq affarijiet bħall-isfond tal-familja u l-kultura. Minħabba f’hekk, intom tistgħu tkunu tassew tħobbu lil xulxin imma ma jkollkomx stennijiet bħal taʼ xulxin.
Per eżempju, l-imseħbin Kristjani għandhom mnejn jafu sew il-prinċipju tal-Bibbja dwar l-istat taʼ kap. (Efesin 5:22, 23) Imma speċifikament kif se jiġi eżerċitat l-istat taʼ kap fil-familja tagħkom, u kif se tintwera s-sottomissjoni? Qegħdin intom it-tnejn tiġu gwidati minn dan il-prinċipju Bibliku, u qegħdin it-tnejn li intom tagħmlu sforzi ġenwini biex issegwuh?
Jistaʼ jkun ukoll li għandkom ideat differenti dwar kwistjonijiet oħrajn tal-ħajja taʼ kuljum. Min se jieħu ħsieb ċerti xogħlijiet tad-dar? Meta se tqattgħu l-ħin mal-qraba, u kemm ħin se tqattgħu magħhom? Il-koppji Kristjani kif juru li qed ipoġġu l-interessi tas-Saltna fl-ewwel post f’ħajjithom? (Mattew 6:33) Fejn jidħlu l-finanzi, huwa faċli li tispiċċaw fid-dejn, allura jiswa li ġġemmgħu l-flus u tużawhom bl-għaqal. Imma xi jfisser eżatt li ġġemmgħu l-flus u tużawhom bl-għaqal? Kwistjonijiet bħal dawn għandhom jiġu diskussi bis-sinċerità u bir-rispett, u l-benefiċċju se jkun kbir.
Diskussjonijiet bħal dawn jistgħu jgħinuk tikseb iktar sliem fiż-żwieġ tiegħek, anki jekk s’issa xi stennijiet ma ġewx imwettqin. Tabilħaqq, se tkunu tistgħu tapplikaw iktar it-twissija taʼ l-appostlu Pawlu: “Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.”—Kolossin 3:13.
[Nota taʼ taħt]
a Hemm bosta pariri tajbin għall-koppji fil-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]
L-ISTESS VEDUTA, OPINJONIJIET DIFFERENTI
“Immaġina folla turisti li qegħdin iħarsu lejn veduta pittoreska. Għalkemm il-grupp kollu kemm hu jara l-istess xena, kull persuna taraha b’mod differenti. Għala? Għaliex kull individwu jaraha minn angolu differenti. L-ebda żewġ persuni m’huma qegħdin bil-wieqfa preċiż fl-istess post. Iktar minn hekk, mhux kulħadd jiffoka fuq l-istess parti tax-xena. Kull individwu jkollu xi aspett differenti li jolqtu b’mod partikulari. L-istess ħaġa tiġri fiż-żwieġ. Saħansitra meta jkunu jaqblu ħafna, l-ebda żewġ imseħbin m’għandhom preċiż l-istess ħarsa lejn l-affarijiet. . . . Il-komunikazzjoni tinkludi l-isforz biex jitħalltu dawn id-differenzi f’relazzjoni taʼ [ġisem] wieħed. Dan jirrikjedi li ssib il-ħin biex titkellem.”—It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Novembru, 1993, paġna 4.
[Kaxxa f’paġna 11]
X’TISTAʼ TAGĦMEL ISSA
• Erġaʼ eżamina l-istennijiet tiegħek. Huma dawn realistiċi? Qed tistenna żżejjed mis-sieħeb jew mis-sieħba tiegħek, iktar minn dak li hu raġunevoli?—Filippin 2:4; 4:5.
• Ipprova aġġusta kwalunkwe stennija li m’hijiex realistika. Per eżempju, minflok ma tgħid, “Qatt ma se jkollna nuqqas taʼ qbil,” kun determinat li se taħdem biex tirranġa l-kwistjoni b’mod paċifiku.—Efesin 4:32.
• Iddiskuti l-istennijiet tiegħek. Pass importanti biex titgħallmu kif turu l-imħabba u r-rispett lejn xulxin hu li tiftħu qalbkom.—Efesin 5:33.
[Stampa f’paġna 9]
Kun ‘ħafif biex tismaʼ’ dak li jinkwieta lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek