LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 6/1 pp. 12-13
  • Iċ-Ċirkonċiżjoni—Sinjal taʼ Rġulija?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iċ-Ċirkonċiżjoni—Sinjal taʼ Rġulija?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħarsa t’Alla Lejn iċ-​Ċirkonċiżjoni
  • Xi Ngħidu għall-​“Iskejjel taċ-​Ċirkonċiżjoni”?
  • X’Jagħmlu Raġel lill-​Kristjan?
  • “Ma Qablux maʼ Dan”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Il-Kristjani tal-Bidu u l-Liġi Mosajka
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 6/1 pp. 12-13

Iċ-​Ċirkonċiżjoni—Sinjal taʼ Rġulija?

F’ĦAFNA partijiet tad-​dinja, iċ-​ċirkonċiżjoni ssir fuq trabi subien bħala prekawzjoni għas-​saħħa. F’partijiet oħrajn tad-​dinja, hija d-​drawwa li l-​irġiel jibqgħu mhux ċirkonċiżi għal ħajjithom kollha. Għal xi wħud, bħal-​Lhud u l-​Musulmani, iċ-​ċirkonċiżjoni m’hijiex sempliċi prekawzjoni għas-​saħħa; din għandha tifsir reliġjuż.

Però, f’ċerti pajjiżi, ir-​ritwal taċ-​ċirkonċiżjoni jsir meta tifel isir raġel. Dan ġeneralment jinvolvi li t-​tifel jintbagħat fi skola tradizzjonali, fejn jiġi ċirkonċiż u jinżamm apparti mill-​komunità għal numru taʼ ġimgħat sakemm jirkupra mill-​operazzjoni. Matul dan iż-​żmien, it-​tifel irid isegwi ritwali speċifiċi u jiġi mgħallem ikun raġel. Huwa dan it-​tip taʼ ċirkonċiżjoni neċessarju biex tingħata prova li tifel sar raġel? Ejja nikkunsidraw x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​ħarsa t’Alla lejn il-​kwistjoni.​—Proverbji 3:​5, 6.

Il-​Ħarsa t’Alla Lejn iċ-​Ċirkonċiżjoni

Xi nies fi żmien il-​qedem, bħall-​Eġizzjani, kienu jipprattikaw iċ-​ċirkonċiżjoni, jiġifieri kienu jaqtgħu barra l-​prepuzju taʼ l-​organu sesswali tar-​raġel. Madankollu, Abraham ma twilidx f’kultura bħal din. Fil-​fatt, għall-​maġġorparti taʼ ħajtu Abraham ma kienx ċirkonċiż. Iktar minn hekk, fl-​istat mhux ċirkonċiż tiegħu, Abraham wera li kien raġel taʼ ħila. B’armata żgħira taʼ rġiel, hu ġera wara l-​armati t’erbaʼ slaten li kienu ħatfu lil neputih Lot u għelibhom. (Ġenesi 14:​8-​16) Xi erbatax-il sena wara, Alla kkmanda lil Abraham biex jiġi ċirkonċiż u jara li l-​irġiel kollha taʼ daru jiġu ċirkonċiżi. Alla għala għamel dan?

Żgur li dan ma kienx sinjal li minn tifel Abraham kien sar raġel. Dan ma jistax ikun, għaliex hu diġà kellu 99 sena! (Ġenesi 17:​1, 26, 27) Alla tah ir-​raġuni għal dan il-​kmand, billi qallu: “Intom tkunu maħtuna [jew, ċirkonċiżi] fil-​laħam taʼ ġisimkom, u dan ikun sinjal bejni u bejnkom.” (Ġenesi 17:11) Il-​patt Abrahamiku inkluda l-​wegħda t’Alla li permezz t’Abraham, eventwalment kellhom jiġu msawba barkiet kbar fuq it-​“tribujiet kollha taʼ l-​art.” (Ġenesi 12:​2-4 [12:​2, 3, NW]) Għalhekk, mill-​ħarsa t’Alla, iċ-​ċirkonċiżjoni ma kellha ebda konnessjoni maʼ li dak li jkun isir raġel. Din kienet issir biex tindika li individwu kien jappartjeni lid-​dixxendenti Iżraelin t’Abraham, li kellhom il-​privileġġ li jiġu “fdati bid-​dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.”​—Rumani 3:​1, 2.

Maż-żmien, il-​ġens taʼ Iżrael wera li ma kienx jistħoqqlu li jiġi fdat b’dan il-​mod minħabba li ċaħad lil Ġesù Kristu, in-​Nisel veru t’Abraham. Għalhekk, huma ġew miċħudin minn Alla, u l-​fatt li huma jkunu ċirkonċiżi ma baqaʼ jkollu ebda sinifikat mill-​ħarsa t’Alla. Madankollu, xi Kristjani fl-​ewwel seklu E.K. insistew li ċ-​ċirkonċiżjoni kienet għadha ħtieġa minn Alla. (Atti 11:​2, 3; 15:5) Għal din ir-​raġuni, l-​appostlu Pawlu bagħat lil Titu biex ‘ikun jistaʼ jikkoreġi l-​affarijiet difettużi’ f’diversi kongregazzjonijiet. Pawlu kiteb lil Titu dwar difett wieħed: “Hemm ħafna li huma ribellużi, ilabalbu fil-​vojt, u jqarrqu bl-​imħuħ, speċjalment dawk li jżommu maċ-​ċirkonċiżjoni. Lil dawn hemm bżonn li nagħlqulhom ħalqhom, għax qegħdin jaqilbu familji sħaħ billi għal qligħ diżonest jgħallmu affarijiet li ma jmisshomx jgħallmu.”​—Titu 1:​5, 10, 11.

Il-parir taʼ Pawlu għadu japplika. Żgur li jkun kontra dak li tgħid l-​Iskrittura li kieku Kristjan veru kellu jħeġġeġ li t-​tifel taʼ ħaddieħor għandu jiġi ċirkonċiż. Minflok ma jkun “wieħed li jindaħal fi ħwejjeġ ħaddieħor,” Kristjan iħalli deċiżjonijiet persunali bħal dawn f’idejn il-​ġenituri tat-​tifel. (1 Pietru 4:​15) Iktar minn hekk, Pawlu ġie ispirat biex jikteb dwar iċ-​ċirkonċiżjoni skond il-​Liġi Mosajka: “Kien xi ħadd diġà ċirkonċiż meta ssejjaħ? Ħa jibqaʼ ċirkonċiż. Kien xi ħadd mhux ċirkonċiż meta ssejjaħ? Ħa ma jiġix ċirkonċiż. Iċ-​ċirkonċiżjoni ma tfisser xejn, u n-​nuqqas taʼ ċirkonċiżjoni ma jfisser xejn, imma li jgħodd hu l-​osservanza tal-​kmandamenti t’Alla. Ħa jibqaʼ kull wieħed fl-​istat li kien meta ssejjaħ, kien liema kien.”​—1 Korintin 7:​18-​20.

Xi Ngħidu għall-​“Iskejjel taċ-​Ċirkonċiżjoni”?

Xi ngħidu jekk xi ġenituri Kristjani jiddeċiedu li t-​tfal subien tagħhom għandhom jiġu ċirkonċiżi? Ikun fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja li kieku kellhom jibagħtu lit-​tfal subien tagħhom fl-​hekk imsejħin skejjel taċ-​ċirkonċiżjoni li tkellimna dwarhom qabel? Min imur fi skejjel bħal dawn ikollu jagħmel ħafna iktar milli sempliċement ineħħi l-​prepuzju permezz t’operazzjoni. Għal numru taʼ ġimgħat, il-​wieħed li jattendi l-​iskola se jgħix fi sħubija mill-​qrib maʼ subien u għalliema li m’humiex aduraturi taʼ Ġeħova. Ħafna affarijiet li jiġu mgħallmin f’dawn l-​iskejjel huma kuntrarji għal-​livelli morali għoljin tal-​Bibbja. Il-​Bibbja twissi: “Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.”​—1 Korintin 15:33.

Ukoll, qed jiżdied il-​periklu fiżiku involut f’li wieħed jattendi dawn l-​iskejjel. Fl-​2003, is-​South African Medical Journal wissa: “Din is-​sena reġgħu ġew notati riżultati tal-​biżaʼ minħabba ċ-​ċirkonċiżjoni, b’rapporti taʼ mwiet u mmankar li ġew reklamati madwar id-​dinja mis-​servizzi ewlenin kollha taʼ l-​aħbarijiet. . . . Biex niġbru kollox fil-​qosor, ħafna mill-​hekk imsejħin ‘skejjel taċ-​ċirkonċiżjoni’ taʼ llum m’għandhomx serjetà, u jwasslu għall-​mewt.”

Minbarra l-​ħsara li tistaʼ ssir lis-​saħħa fiżika taʼ żagħżugħ, hemm saħansitra periklu akbar spiritwalment. It-​tagħlim u l-​prattiki taʼ l-​iskejjel taċ-​ċirkonċiżjoni huma konnessi mill-​qrib maʼ l-​ispiritiżmu u l-​qima taʼ l-​antenati mejtin. Per eżempju, minflok ma jammettu li t-​tobba traskurati u l-​kundizzjonijiet neqsin mill-​iġjene huma responsabbli għall-​ħsara li ssir, ħafna jemmnu li s-​seħer jew id-​diżapprovazzjoni taʼ l-​antenati mejtin huma l-​kaġun taʼ dawn it-​traġedji. Dwar li jkollna kuntatt mar-​reliġjon falza, il-​Bibbja tikkmanda: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux. Għax xi sħubija hemm bejn il-​ġustizzja u l-​ksur tal-​liġi? Jew x’għandu x’jaqsam id-​dawl mad-​dlam? . . . ‘Għalhekk, oħorġu minn ġo nofshom, u infirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif’; ‘u jien nilqagħkom.’” (2 Korintin 6:​14-​17) Meta jqisu dan il-​parir, il-​ġenituri Kristjani jkunu tassew mhux għaqlin jekk jibagħtu lit-​tfal subien tagħhom fi skola taċ-​ċirkonċiżjoni.

X’Jagħmlu Raġel lill-​Kristjan?

Il-​fatt li raġel Kristjan ikun ċirkonċiż jew le ma jurix li huwa raġel. Dak li jikkonċerna l-​iktar lill-​Kristjani veri hu li jkunu jogħġbu lil Alla, mhux li “jingħoġbu fil-​laħam.”​—Galatin 6:​12.

Madankollu, biex jogħġob lil Alla, Kristjan irid ‘jaħten qalbu.’ (Dewteronomju 10:16; 30:6; Mattew 5:8) Dan isir mhux bil-​qtugħ taʼ xi sikkina, imma billi dak li jkun jiċħad xewqat ħżiena u ħsibijiet taʼ kburija, bħalma hu t-​twemmin li jekk wieħed ikun ċirkonċiż fil-​laħam ikun superjuri għal oħrajn. Billi jissaporti l-​provi u jibqaʼ “sod fil-​fidi,” Kristjan jistaʼ juri li hu raġel kemm jekk huwa ċirkonċiż u kemm jekk le.​—1 Korintin 16:13; Ġakbu 1:​12.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja