Mistoqsijiet mill-Qarrejja
X’ġara waqt il-ġrajja dokumentata f’Eżodu 4:24-26, u l-ħajja taʼ min kienet fil-periklu?
Mosè kien fi triqtu lejn l-Eġittu maʼ Siffora, il-mara tiegħu, flimkien maʼ Gersun u Eligħeżer, uliedu, meta ġara dan li ġej: “Ġara li fit-triq fejn waqaf biex jgħaddi l-lejl iltaqaʼ miegħu Jehovah u baqaʼ jfittex mod kif joqtlu. Fl-aħħar Siffora ħadet ġebla taż-żnied u qatgħet il-prepuzju taʼ binha u messitlu saqajh biha u qalet: ‘Għax għarus id-demm int għalija.’ Għalhekk ħallieh. Dakinhar hi qalet, ‘Għarus id-demm,’ minħabba ċ-ċirkonċiżjoni.” (Eżodu 4:20, 24-26, NW) Għalkemm dan ir-rakkont ma tantx huwa ċar u ma nistgħux inkunu ċerti dwar xi jfisser eżattament, l-Iskrittura titfaʼ ftit dawl fuq dawn il-versi.
Ir-rakkont ma jispeċifikax ħajjet min kienet fil-periklu. Madankollu, b’mod loġiku nistgħu nikkonkludu li ma kinitx ħajjet Mosè li kienet fil-periklu, għax hu kien għadu kif irċieva inkarigu divin sabiex jiggwida lill-Iżraelin ‘il barra mill-Eġittu. (Eżodu 3:10) Ma jagħmilx sens li hekk kif kien sejjer biex iwettaq dak l-inkarigu, ħajjet Mosè kienet mhedda mill-anġlu taʼ Jehovah. Għalhekk din x’aktarx kienet il-ħajja taʼ wieħed minn uliedu. Il-liġi dwar iċ-ċirkonċiżjoni li ngħatat qabel lil Abraham kienet tgħid: “U r-raġel li ma jinħatinx f’ġismu, jiġifieri li ma jinqatagħlux il-laħam taʼ ġismu, jinqataʼ dan ir-raġel mill-bqija tal-poplu tiegħu, għax ikun kiser il-patt tiegħi.” (Ġenesi 17:14) Milli jidher Mosè kien ittraskura li jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni lil ibnu, u għalhekk ħajjet it-tifel ġiet mhedda mill-anġlu taʼ Jehovah.
Saqajn min intmessu meta Siffora għamlet iċ-ċirkonċiżjoni lil binha biex tipprova tirranġa l-kwistjoni? Kien l-anġlu taʼ Jehovah li kellu l-qawwa biex itemm ħajjet binha minħabba li ma kienx ċirkonċiż. B’mod loġiku, mela, Siffora ġagħlet li l-prepuzju jmiss saqajn l-anġlu, billi ppreżentathulu bħala evidenza li hi mxiet skond ma kien jirrikjedi l-patt.
L-espressjoni taʼ Siffora “għarus id-demm int għalija” hija waħda stramba. Din l-espressjoni x’turina dwar Siffora? Billi wettqet il-ħtiġijiet tal-patt taċ-ċirkonċiżjoni, Siffora rrikonoxxiet li kienet f’relazzjoni taʼ patt maʼ Jehovah. Il-patt tal-Liġi li ntgħamel iktar tard maʼ l-Iżraelin wera li f’relazzjoni taʼ patt, Jehovah jistaʼ jitqies bħala r-raġel u l-parti l-oħra bħala l-mara. (Ġeremija 31:32, NW) Għalhekk, meta hi indirizzat lil Jehovah (permezz taʼ l-anġlu li rrappreżentah) bħala “għarus id-demm,” Siffora tidher li kienet qed tirrikonoxxi l-fatt li kellha tissottometti ruħha għall-ħtiġijiet taʼ dak il-patt. Kienet bħallikieku aċċettat l-irwol tal-mara f’dan il-patt taċ-ċirkonċiżjoni, b’Alla Jehovah bħala r-raġel. Fi kwalunkwe każ, minħabba l-azzjoni deċiżiva tagħha bħala turija t’ubbidjenza lejn dak li Alla kien jirrikjedi, il-ħajja taʼ binha ma baqgħetx fil-periklu.