LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 7/15 pp. 21-25
  • Int Se ‘Tibqaʼ Miexi bl-Ispirtu’?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Se ‘Tibqaʼ Miexi bl-Ispirtu’?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ibqaʼ Qrib t’Alla u taʼ Kristu
  • “Inħobbu lil Xulxin”
  • “Il-​Ferħ tal-​Mulej il-​Qawwa Tagħkom”
  • Żomm il-​Paċi u Uri s-​Sabar fit-​Tul
  • Uri l-​Qalb Tajba u t-​Tjubija
  • “Fidi Mingħajr Ipokrisija”
  • Uri l-​Ħlewwa u r-​Rażna
  • Ibqaʼ Miexi bl-​Ispirtu
  • Qed Tħalli l-Ispirtu t’Alla Jmexxik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kif l-Ispirtu t’Alla Jistaʼ Jeffettwa Lilek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Imxi bl-Ispirtu u Għix fi Qbil mad-Dedikazzjoni Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • L-Ispirtu taʼ Jehovah Imexxi lill-Poplu Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 7/15 pp. 21-25

Int Se ‘Tibqaʼ Miexi bl-​Ispirtu’?

“Ibqgħu mexjin bl-​ispirtu u ma twettqu assolutament l-​ebda xewqa tal-​laħam.”​—GALATIN 5:​16.

1. Kif nistgħu nneħħu l-​ansjetà minħabba l-​biżaʼ li forsi dnibna kontra l-​ispirtu?

HEMM mod kif inneħħu l-​ansjetà minħabba l-​biżaʼ li forsi dnibna kontra l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Huwa billi nagħmlu dak li qal l-​appostlu Pawlu: “Ibqgħu mexjin bl-​ispirtu u ma twettqu assolutament l-​ebda xewqa tal-​laħam.” (Galatin 5:​16) Jekk inħallu l-​ispirtu t’Alla jiggwidana, mhux se niġu megħlubin minn xewqat tal-​laħam mhux xierqa.​—Rumani 8:​2-​10.

2, 3. Jekk nibqgħu mexjin bl-​ispirtu, kif se niġu effettwati?

2 Hekk kif ‘nibqgħu mexjin bl-​ispirtu,’ il-​forza attiva t’Alla se tqanqalna biex nobdu lil Ġeħova. Se nimitaw il-​kwalitajiet Tiegħu fil-​ministeru tagħna, fil-​kongregazzjoni, fid-​dar, u kullimkien. Il-​frott taʼ l-​ispirtu se jidher fil-​mod kif nittrattaw mas-​sieħeb tagħna fiż-​żwieġ, maʼ wliedna, maʼ sħabna fit-​twemmin, u m’oħrajn.

3 Il-​fatt li ngħixu “skond l-​ispirtu mill-​ħarsa t’Alla” se jgħinna nitbiegħdu mid-​dnub. (1 Pietru 4:​1-6) Jekk inkunu taħt l-​influwenza taʼ l-​ispirtu, żgur li mhux se nwettqu dnub li ma jinħafirx. Imma b’liema modi taʼ benefiċċju oħrajn se niġu effettwati jekk nibqgħu mexjin bl-​ispirtu?

Ibqaʼ Qrib t’Alla u taʼ Kristu

4, 5. Hekk kif nimxu bl-​ispirtu, dan kif se jeffettwa l-​ħarsa tagħna dwar Ġesù?

4 Minħabba li nimxu bl-​ispirtu qaddis, aħna nkunu nistgħu nżommu relazzjoni mill-​qrib m’Alla u maʼ Ibnu. Meta kien qed jikteb dwar għotjiet spiritwali, Pawlu qal lil sħabu fit-​twemmin f’Korintu: “Irridkom [intom li kontu idolatri] tkunu tafu li, meta jkun qed jitkellem bl-​ispirtu t’Alla, ħadd ma jgħid: ‘Ġesù hu misħut!’ u ħadd ma jistaʼ jgħid: ‘Ġesù hu Mulej!’ jekk mhux bl-​ispirtu qaddis.” (1 Korintin 12:​1-3) Kwalunkwe inklinazzjoni li tqanqal lin-​nies biex ilissnu saħta fuq Ġesù żgur li toriġina mingħand Satana x-​Xitan. Iżda, bħala Kristjani mexjin bl-​ispirtu qaddis, aħna konvinti li Ġeħova qajjem lil Ġesù mill-​mewt u għollieh iktar minn kull ħolqien ieħor. (Filippin 2:​5-​11) Aħna għandna fidi fis-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Kristu u naċċettaw lil Ġesù bħala l-​Mulej maħtur fuqna minn Alla.

5 Ċerti wħud taʼ l-​ewwel seklu E.K., li kienu jgħidu li huma Kristjani, ċaħdu l-​fatt li Ġesù ġie bħala bniedem. (2 Ġwanni 7-​11) Xi wħud li aċċettaw din il-​ħarsa falza ċaħdu t-​tagħlim veru dwar Ġesù, il-​Messija. (Marku 1:​9-​11; Ġwanni 1:​1, 14) Jekk nimxu bl-​ispirtu qaddis se nevitaw li nċedu għal apostasija bħal din. Imma biss billi nibqgħu għassa spiritwalment nistgħu nkomplu ngawdu l-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova u ‘nkomplu mexjin fil-​verità.’ (3 Ġwanni 3, 4) Għalhekk, ejja nkunu determinati li niċħdu kull apostasija sabiex inkunu nistgħu nżommu relazzjoni qawwija maʼ Missierna tas-​sema.

6. Liema kwalitajiet jipproduċi l-​ispirtu t’Alla f’dawk li mexjin bl-​ispirtu?

6 Pawlu semma l-​idolatrija u s-​setet apostati fost “l-​għemejjel tal-​laħam” bħaż-​żína u l-​kondotta laxka. Imma hu spjega: “Dawk li huma taʼ Kristu Ġesù sammru maʼ zokk il-​laħam flimkien mal-​passjonijiet u x-​xewqat tiegħu. Jekk qed ngħixu bl-​ispirtu, ħa nkomplu mexjin bl-​ordni kif ukoll bl-​ispirtu.” (Galatin 5:​19-​21, 24, 25) Liema kwalitajiet tipproduċi l-​forza attiva t’Alla f’dawk li jgħixu u jimxu bl-​ispirtu? “Il-​frott taʼ l-​ispirtu,” kiteb Pawlu, “hu l-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażna.” (Galatin 5:​22, 23) Ejja nikkunsidraw dawn l-​aspetti tal-​frott taʼ l-​ispirtu.

“Inħobbu lil Xulxin”

7. X’inhi l-​imħabba, u x’inhuma xi ftit mill-​karatteristiki tagħha?

7 L-​imħabba​—aspett wieħed tal-​frott taʼ l-​ispirtu—taʼ spiss tinvolvi affezzjoni profonda u interess mhux egoist f’oħrajn, flimkien maʼ relazzjoni fil-​qrib magħhom. L-​Iskrittura tgħid li “Alla hu mħabba” għax hu l-​essenza nfisha taʼ din il-​kwalità. L-​imħabba kbira t’Alla u taʼ Ibnu għall-​bnedmin hi murija fis-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù Kristu. (1 Ġwanni 4:8; Ġwanni 3:​16; 15:13; Rumani 5:8) Bħala segwaċi taʼ Ġesù, aħna identifikati mill-​imħabba li għandna għal xulxin. (Ġwanni 13:34, 35) Fil-​fatt, aħna kmandati biex “inħobbu lil xulxin.” (1 Ġwanni 3:23) U Pawlu jgħid li l-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba. Hi ma tgħirx, u ma tiftaħarx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, jew ma tfittixx l-​interessi tagħha. L-​imħabba ma tiġix provokata jew ma żżommx kont tal-​ħsara. Hi tithenna bil-​verità, u mhux bl-​inġustizzja. L-​imħabba tiflaħ, temmen, tittama, u tissaporti kollox. Iktar minn hekk, ma tbatti qatt.​—1 Korintin 13:​4-8.

8. Għala għandna nuru mħabba għal aduraturi taʼ Ġeħova sħabna?

8 Jekk inħallu l-​ispirtu t’Alla jipproduċi l-​imħabba ġewwa fina, din il-​kwalità se teżisti fir-​relazzjonijiet tagħna m’Alla u mal-​proxxmu. (Mattew 22:37-​39) “Min ma jħobbx jibqaʼ fil-​mewt,” kiteb l-​appostlu Ġwanni. “Kulmin jobgħod lil ħuh hu qattiel, u tafu li f’ebda qattiel ma tibqaʼ l-​ħajja taʼ dejjem.” (1 Ġwanni 3:​14, 15) Qattiel setaʼ jsib sigurtà f’belt tal-​kenn f’Iżrael biss jekk ma kienx jobgħod lill-​wieħed maqtul. (Dewteronomju 19:​4, 11-​13) Jekk niġu gwidati mill-​ispirtu qaddis, aħna se nuru mħabba għal Alla, għal aduraturi sħabna, u għal oħrajn.

“Il-​Ferħ tal-​Mulej il-​Qawwa Tagħkom”

9, 10. X’inhu l-​ferħ, u x’inhuma xi raġunijiet biex inkunu ferħanin?

9 Il-​ferħ huwa stat taʼ hena kbir. Ġeħova hu “l-​Alla l-​hieni.” (1 Timotju 1:​11; Salm 104:31) L-​Iben jitgħaxxaq jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. (Salm 40:9 [40:8, NW]; Ebrej 10:​7-9) U “l-​ferħ tal-​Mulej il-​qawwa [tagħna].”​—Neħemija 8:​10.

10 Il-​ferħ li jagħti Alla jġibilna sodisfazzjon kbir meta nagħmlu r-​rieda divina saħansitra fi żminijiet taʼ tbatija, niket, jew persekuzzjoni. X’hena jġibilna “t-​tagħrif taʼ Alla”! (Proverbji 2:​1-5) Ir-​relazzjoni ferriħija tagħna m’Alla hija bbażata fuq l-​għarfien eżatt u l-​fidi fih u fis-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù. (1 Ġwanni 2:​1, 2) Il-​fatt li nagħmlu parti mill-​unika fratellanza internazzjonali vera huwa sors ieħor taʼ ferħ. (Sofonija 3:9; Ħaggaj 2:7) It-​tama tagħna tas-​Saltna u l-​privileġġ kbir taʼ li niddikjaraw l-​aħbar tajba jagħmluna ferħanin. (Mattew 6:​9, 10; 24:14) Anki l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem jagħmilna ferħanin. (Ġwanni 17:3) Ladarba għandna tama daqstant meraviljuża, aħna għandna nkunu ‘tassew ferħanin.’​—Dewteronomju 16:15.

Żomm il-​Paċi u Uri s-​Sabar fit-​Tul

11, 12. (a) Spjega xi tfisser il-​paċi. (b) Liema effett għandha l-​paċi t’Alla fuqna?

11 Il-​paċi​—aspett ieħor tal-​frott taʼ l-​ispirtu—hija stat taʼ trankwillità u mingħajr ansjetà. Missierna tas-​sema huwa l-​Alla tal-​paċi, u aħna għandna l-​assiguranza: “Ibierek il-​Mulej bis-​sliem il-​poplu tiegħu!” (Salm 29:11; 1 Korintin 14:33) Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Inħallilkom il-​paċi, nagħtikom il-​paċi tiegħi.” (Ġwanni 14:27) Dan kif kellu jgħin lis-​segwaċi tiegħu?

12 Il-​paċi li Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu kkalmatilhom qalbhom u moħħhom u taffitilhom il-​biżaʼ li kellhom. B’mod speċjali, huma kellhom il-​paċi meta rċivew l-​ispirtu qaddis imwiegħed. (Ġwanni 14:26) Taħt l-​influwenza taʼ l-​ispirtu u bħala tweġiba għat-​talb tagħna llum, aħna ngawdu “l-​paċi t’Alla” li ma titqabbel maʼ xejn u li tikkalmalna qalbna u moħħna. (Filippin 4:​6, 7) Iktar minn hekk, l-​ispirtu taʼ Ġeħova jgħinna nkunu kalmi u paċifiċi maʼ sħabna fit-​twemmin u m’oħrajn.​—Rumani 12:18; 1 Tessalonikin 5:​13.

13, 14. X’inhu s-​sabar fit-​tul, u għala għandna nuruh?

13 Is-​sabar fit-​tul għandu x’jaqsam maʼ li nżommu l-​paċi, għax dan jgħinna nissaportu bil-​paċenzja l-​provokazzjoni jew il-​ħażen filwaqt li nittamaw li s-​sitwazzjoni titjieb. Alla għandu s-​sabar fit-​tul. (Rumani 9:​22-​24) Ġesù wkoll juri din il-​kwalità. Aħna nistgħu nibbenefikaw minn dan, għax Pawlu kiteb: “Ir-​raġuni għala ntwerejt ħniena kienet li permezz tiegħi, bħala l-​iktar midneb li jispikka, Kristu Ġesù juri l-​paċenzja kollha tiegħu bħala mudell għal dawk li se jqiegħdu l-​fidi tagħhom fih għall-​ħajja taʼ dejjem.”​—1 Timotju 1:​16.

14 Il-​kwalità tas-​sabar fit-​tul tgħinna nissaportu meta oħrajn jgħidu jew jagħmlu affarijiet neqsin mill-​imħabba jew bla ħsieb. Pawlu wissa lill-​Kristjani sħabu: “Uru sabar fit-​tul lejn kulħadd.” (1 Tessalonikin 5:​14) Ladarba lkoll kemm aħna imperfetti u niżbaljaw, żgur li rridu li n-​nies ikunu paċenzjużi magħna, biex juru s-​sabar fit-​tul meta nonqsuhom f’xi ħaġa. Għalhekk, ejja nistinkaw biex ‘nistabru bil-​ferħ.’​—Kolossin 1:​9-​12.

Uri l-​Qalb Tajba u t-​Tjubija

15. Spjega xi tfisser il-​qalb tajba, u semmi xi eżempji tagħha.

15 Il-​qalb tajba tintwera meta nuru interess f’oħrajn permezz taʼ kliem u azzjonijiet mill-​qalb u li jgħinu. Ġeħova hu qalbu tajba, u Ibnu wkoll. (Rumani 2:4; 2 Korintin 10:1) Il-​qalb tajba hija meħtieġa mill-​qaddejja t’Alla u taʼ Kristu. (Mikea 6:8; Kolossin 3:​12) Anki xi wħud li ma kellhomx relazzjoni persunali m’Alla wrew “qalb tajba li ma bħalha.” (Atti 27:3; 28:2) Mela, żgur li aħna nistgħu nuru qalb tajba jekk ‘nibqgħu mexjin bl-​ispirtu.’

16. X’inhuma xi ċirkustanzi li għandhom iqanqluna biex nuru qalb tajba?

16 Il-​qalb tajba tistaʼ tintwera saħansitra meta għandna għalxiex nirrabjaw minħabba li xi ħadd ikun qalilna kliem li jweġġaʼ jew għamel xi ħaġa bla ħsieb. “Inkorlaw, iżda tidinbux,” qal Pawlu. “Tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-​Xitan. . . . Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-​qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-​qalb bi Kristu.” (Efesin 4:​26, 27, 32) Huwa xieraq b’mod speċjali li nuru l-​qalb tajba maʼ dawk li għaddejjin minn xi provi. M’għandniex xi ngħidu, anzjan Kristjan ma jkunx qed juri qalb tajba jekk ikun naqas li jagħti parir Skritturali sempliċement biex jevita li jweġġaʼ s-​sentimenti taʼ xi ħadd verament fil-​periklu li jabbanduna t-​triq taʼ “tjubija u ġustizzja u verità.”​—Efesin 5:9.

17, 18. Kif tiġi mfissra t-​tjubija, u liema rwol għandu jkollha din il-​kwalità f’ħajjitna?

17 It-​tjubija hija virtù, eċċellenza morali, jew il-​kwalità jew l-​istat taʼ li tagħmel it-​tajjeb. Alla huwa tajjeb fis-​sens assolut. (Salm 25:8; Żakkarija 9:​17, KŻ) Ġesù huwa taʼ virtù u għandu l-​kwalità taʼ l-​eċċellenza morali. Madankollu, hu ma kienx se jaċċetta “Tajjeb” bħala titlu meta ġie msejjaħ “Għalliem Tajjeb.” (Marku 10:17, 18) Dan kien evidenti għax hu rrikonoxxa lil Alla bħala l-​eżempju superlattiv tat-​tjubija.

18 L-​abbiltà tagħna biex nagħmlu t-​tajjeb tiġi mfixkla minħabba d-​dnub li writna. (Rumani 5:​12) Minkejja dan, aħna nistgħu nuru din il-​kwalità jekk nitolbu biex Alla ‘jgħallimna t-​tjubija.’ (Salm 119:66, NW) Pawlu qal lil sħabu fit-​twemmin f’Ruma: “Ħuti, jien stess ukoll persważ dwarkom li anki intom mimlijin tjubija, peress li mtlejtu bl-​għarfien kollu.” (Rumani 15:14) Indokratur Kristjan għandu “jħobb it-​tjubija.” (Titu 1:​7, 8) Jekk aħna niġu gwidati mill-​ispirtu t’Alla, se nkunu magħrufin għat-​tjubija, u Ġeħova se ‘jiftakarna għall-​ġid li nkunu għamilna.’​—Neħemija 5:​19; 13:31.

“Fidi Mingħajr Ipokrisija”

19. Fisser x’inhi l-​fidi fi qbil m’Ebrej 11:1.

19 Il-​fidi​—parti wkoll mill-​frott taʼ l-​ispirtu—“hi l-​istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom, it-​turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” (Ebrej 11:1) Jekk għandna l-​fidi, aħna ċerti li kulma jwiegħed Ġeħova se jiġri verament daqslikieku diġà seħħ. L-​evidenza konvinċenti tar-​realtajiet li ma jidhrux hi tant qawwija li l-​fidi hija dik il-​prova fiha nfisha. Per eżempju, l-​eżistenza t’affarijiet maħluqin tikkonvinċina li hemm Ħallieq. Jekk nibqgħu mexjin bl-​ispirtu se nuru dan it-​tip taʼ fidi.

20. X’inhu “d-​dnub li faċilment ifixkilna,” u kif nistgħu nevitawh flimkien max-​xogħlijiet tal-​laħam?

20 In-​nuqqas taʼ fidi hu “d-​dnub li faċilment ifixkilna.” (Ebrej 12:1) Aħna għandna bżonn nistrieħu fuq l-​ispirtu t’Alla sabiex nevitaw ix-​xogħlijiet tal-​laħam, il-​materjaliżmu, u t-​tagħlim falz li jistgħu jeqirdulna l-​fidi. (Kolossin 2:8; 1 Timotju 6:​9, 10; 2 Timotju 4:​3-5) L-​ispirtu t’Alla jipproduċi fil-​qaddejja taʼ Ġeħova llum fidi bħal dik tax-​xhieda taʼ qabel il-​Kristjanità u oħrajn imsemmijin fil-​Bibbja. (Ebrej 11:​2-​40) U l-​“fidi mingħajr ipokrisija” tagħna stess tistaʼ tassew issaħħaħ il-​fidi t’oħrajn.​—1 Timotju 1:5; Ebrej 13:7.

Uri l-​Ħlewwa u r-​Rażna

21, 22. Kif tiġi mfissra l-​ħlewwa, u għala għandna nuruha?

21 Il-​ħlewwa hija ġentili fit-​temperament u l-​imġiba. Waħda mill-​attributi t’Alla hi t-​temperament ġwejjed. Aħna nafu dan minħabba li Ġesù, li kien raġel ġwejjed, irrifletta perfettament il-​personalità taʼ Ġeħova. (Mattew 11:28-​30; Ġwanni 1:​18; 5:​19) Mela, x’inhu meħtieġ minna bħala l-​qaddejja t’Alla?

22 Bħala Kristjani, aħna mistennijin li nuru “ħlewwa maʼ kulħadd.” (Titu 3:2) Aħna nuru l-​ħlewwa fil-​ministeru tagħna. Dawk li għandhom kwalifiki spiritwali huma mħeġġin biex jaġġustaw mill-​ġdid Kristjan midneb “bi spirtu taʼ ħlewwa.” (Galatin 6:1) Ilkoll kemm aħna nippromwovu l-​unità Kristjana u l-​paċi billi nuru ‘l-​umiltà u l-​ħlewwa.’ (Efesin 4:​1-3) Aħna nistgħu nuru l-​ħlewwa jekk dejjem nimxu bl-​ispirtu u neżerċitaw ir-​rażna.

23, 24. X’inhi r-​rażna, u kif tgħinna?

23 Ir-​rażna tgħinna nikkontrollaw il-​ħsibijiet, il-​kliem, u l-​azzjonijiet tagħna. Ġeħova ‘trażżan’ meta ttratta mal-​Babiloniżi li għamlu ħerba minn Ġerusalemm. (Isaija 42:14) Ibnu ‘ħallielna mudell’ meta eżerċita r-​rażna matul it-​tbatijiet li għadda minnhom. U l-​appostlu Pietru ħeġġeġ lill-​Kristjani sħabu biex ‘maʼ l-​għarfien iżidu r-​rażna.’​—1 Pietru 2:​21-​23; 2 Pietru 1:​5-8.

24 L-​anzjani Kristjani huma mistennijin li jkollhom ir-​rażna. (Titu 1:​7, 8) Fil-​fatt, kulmin huwa gwidat mill-​ispirtu qaddis jistaʼ jeżerċita r-​rażna, u b’hekk, jistaʼ jevita l-​immoralità, il-​kliem oxxen, jew kwalunkwe ħaġa oħra li biha jistaʼ jitlef l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Jekk inħallu l-​ispirtu t’Alla jipproduċi r-​rażna ġewwa fina, dan se jkun jidher f’għajnejn ħaddieħor mill-​kliem u l-​kondotta tagħna.

Ibqaʼ Miexi bl-​Ispirtu

25, 26. Il-​fatt li nimxu bl-​ispirtu kif se jeffettwa r-​relazzjonijiet tagħna issa u l-​prospetti li għandna għall-​futur?

25 Jekk nimxu bl-​ispirtu, aħna se nkunu proklamaturi żelużi tas-​Saltna. (Atti 18:24-​26) Se nkunu sħubija pjaċevoli, u b’mod speċjali n-​nies li għandhom id-​devozzjoni lejn Alla se jitgħaxxqu bis-​sħubija tagħna. Bħala dawk gwidati mill-​ispirtu qaddis, aħna se nkunu sors taʼ inkuraġġiment spiritwali għal sħabna l-​aduraturi taʼ Ġeħova. (Filippin 2:​1-4) Mhux hekk iridu jkunu l-​Kristjani kollha?

26 F’din id-​dinja fil-​kontroll taʼ Satana, mhux faċli li nimxu bl-​ispirtu. (1 Ġwanni 5:​19) Minkejja dan, miljuni qed jagħmlu hekk illum. Jekk aħna nafdaw f’Ġeħova b’qalbna kollha, se ngawdu l-​ħajja issa u se jirnexxilna nibqgħu mexjin għal dejjem fil-​mogħdijiet sewwa u ġusti tal-​Wieħed li jipprovdilna l-​ispirtu qaddis bi mħabba.​—Salm 128:1; Proverbji 3:​5, 6.

X’Inhi t-​Tweġiba Tiegħek?

• Il-​fatt li ‘nimxu bl-​ispirtu’ kif jeffettwa r-​relazzjoni tagħna m’Alla u maʼ Ibnu?

• Il-​frott taʼ l-​ispirtu qaddis jikkonsisti f’liema kwalitajiet?

• X’inhuma xi modi kif nistgħu nuru l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla?

• Il-​fatt li nimxu bl-​ispirtu kif jeffettwa l-​ħajja tagħna issa u l-​prospetti li għandna għall-​futur?

[Stampa f’paġna 23]

L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jippromwovi l-​imħabba għal sħabna fit-​twemmin

[Stampa f’paġna 24]

Uri l-​qalb tajba permezz taʼ kliem u azzjonijiet li jgħinu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja