LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 7/15 pp. 27-31
  • Nistennew il-Jum taʼ Ġeħova bis-Sabar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nistennew il-Jum taʼ Ġeħova bis-Sabar
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Mard Ma Waqqafhomx
  • Nissaportu l-​Mewt taʼ Xi Ħadd Maħbub
  • Inkampaw maʼ Diversi Provi
  • Int Tistaʼ Tissaporti!
  • “Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Ibqaʼ qrib l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • “Irriflettu Sew dwar Dak li Ssaporta”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
  • Kif Ġeħova Jgħinek Tissaporti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 7/15 pp. 27-31

Nistennew il-​Jum taʼ Ġeħova bis-​Sabar

“Mal-​fidi tagħkom żidu . . . s-​sabar.”​—2 PIETRU 1:​5, 6.

IL-​JUM il-​kbir taʼ Ġeħova huwa tassew fil-​qrib. (Ġoel 1:​15; Sofonija 1:​14) Bħala Kristjani determinati li nżommu l-​integrità tagħna lejn Alla, aħna nistennew bil-​ħerqa dak iż-​żmien meta s-​sovranità taʼ Ġeħova se tiġi vindikata. Sadanittant, aħna niffaċċjaw mibegħda, tmaqdir, persekuzzjoni, u mewt minħabba l-​fidi tagħna. (Mattew 5:​10-​12; 10:22; Rivelazzjoni 2:​10) Dan jitlob is-​sabar​—l-​abbiltà li nissaportu l-​għawġ. L-​appostlu Pietru jħeġġiġna: “Mal-​fidi tagħkom żidu . . . s-​sabar.” (2 Pietru 1:​5, 6) Aħna għandna bżonn is-​sabar, għax Ġesù qal: “Min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.”​—Mattew 24:13.

2 Aħna nesperjenzaw ukoll il-​mard, in-​niket minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub, u provi oħrajn. Kemm jieħu pjaċir Satana li kieku kellna nonqsu fil-​fidi tagħna! (Luqa 22:31, 32) Bl-​appoġġ taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nissaportu diversi provi. (1 Pietru 5:​6-​11) Ikkunsidra xi esperjenzi veri li juru li aħna nistgħu nistennew il-​jum taʼ Ġeħova bis-​sabar u b’fidi li qatt ma tonqos.

Il-​Mard Ma Waqqafhomx

3 Alla ma jfejjaqniex issa b’mod mirakoluż, imma jagħtina s-​saħħa biex nissaportu l-​mard. (Salm 41:​2-4 [41:1-3, NW]) “Minn dak li nistaʼ niftakar,” qalet Sharon, “minn dejjem kont fuq is-​siġġu tar-​roti. Mit-​twelid, il-​paralisi ċerebrali ma ħallitnix nesperjenza l-​ferħ tat-​tfulija.” Sharon kisbet tama meta tgħallmet dwar Ġeħova u l-​wegħdi tiegħu rigward saħħa perfetta. Għalkemm titkellem u timxi b’diffikultà, hi ssib il-​ferħ fil-​ministeru Kristjan. Xi 15-il sena ilu, hi qalet: “Saħħti għandha mnejn tibqaʼ sejra lura, imma l-​fiduċja tiegħi f’Alla u r-​relazzjoni tiegħi miegħu huma essenzjali għalija biex nibqaʼ ngħix. Kemm jien ferħana li ninsab fost il-​poplu taʼ Ġeħova u li għandi l-​appoġġ tiegħu li ma jonqos qatt!”

4 L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani f’Tessalonika biex ‘jikkonslaw lid-​dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:​14) Fatturi bħal diżappunt kbir jistgħu jikkaġunaw id-​dipressjoni. Fl-​1993, Sharon kitbet: “Hekk kif bdejt inħoss li ma niswa għal xejn, jien . . . waqajt f’dipressjoni kbira li damet tliet snin. . . . L-​anzjani tawni faraġ u pariri. . . . Permezz tat-​Torri taʼ l-​Għassa, Ġeħova b’mod teneru pprovdielna edukazzjoni rigward il-​kundizzjoni tad-​dipressjoni serja. Iva, hu tassew jimpurtah min-​nies tiegħu u jifhem is-​sentimenti tagħna.” (1 Pietru 5:​6, 7) Sharon għadha taqdi lil Alla lealment hekk kif tistenna l-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova.

5 Xi Kristjani jsofru minn stress kbir minħabba esperjenzi fil-​ħajja li kellhom fil-​passat. Harley ra ġlied tassew vjolenti fit-​tieni gwerra dinjija u kien joħlom ħolm ikrah dwar il-​gwerra. Waqt li kien ikun rieqed, kien jgħajjat: “Attent! Attent!” Meta kien iqum, kien ikun għarqan xraba. Madankollu, irnexxielu jgħix ħajja fi qbil mal-​gwida t’Alla, u maż-​żmien ma baqax joħlom daqshekk spiss u b’mod intens.

6 Wieħed Kristjan marid bil-​bipolar disorder (diżordni b’żewġ estremi fil-​burdata) kien isibha tassew diffiċli biex jippriedka minn bieb għal bieb. Madankollu, hu ppersista f’din l-​attività għax irrealizza li l-​ministeru jfisser il-​ħajja għalih u għal dawk li jwieġbu b’mod favorevoli. (1 Timotju 4:​16) Kultant ma kienx jirnexxilu jdoqq il-​qanpiena tal-​bieb, imma hu qal: “Wara xi ftit, kien jirnexxili nikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħi, navviċina l-​bieb li jkun imiss u nerġaʼ nipprova. Billi bqajt nieħu sehem fil-​ministeru, żammejt ruħi f’saħħti spiritwalment.” Kien taʼ sfida wkoll li jattendi l-​laqgħat, imma dan il-​ħu kien konvint mill-​valur taʼ sħubija spiritwali. Għalhekk, hu għamel l-​isforz meħtieġ biex ikun preżenti.​—Ebrej 10:24, 25.

7 Xi Kristjani jbatu minn xi fobja​—biżaʼ eċċessiv minn ċerti sitwazzjonijiet jew oġġetti. Per eżempju, huma għandhom mnejn jibżgħu jitkellmu fil-​pubbliku jew saħansitra jattendu l-​laqgħat. Immaġina kemm hu diffiċli għalihom li jikkummentaw fil-​laqgħat Kristjani jew li jagħtu taħdita fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku! Madankollu, huma qed jissaportu, u aħna nħossuna inkuraġġiti ħafna bil-​preżenza u l-​parteċipazzjoni tagħhom.

8 Iktar mistrieħ u rqad jistgħu jgħinu individwu biex jissaporti diffikultajiet emozzjonali. Għandu mnejn ikun għaqli li jingħata għajnuna medika. Madankollu, li wieħed jistrieħ fuq Alla permezz tat-​talb huwa tassew effettiv. “[“Ixħet toqlok,” NW] f’idejn il-​Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek,” jgħid Salm 55:23 (55:22, NW). “Hu qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.” M’għandniex xi ngħidu, mela, “ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha.”​—Proverbji 3:​5, 6.

Nissaportu l-​Mewt taʼ Xi Ħadd Maħbub

9 Meta l-​mewt tissepara l-​membri tal-​familja, telfa kbira bħal din tistaʼ tirriżulta f’niket kbir. Abraham beka minħabba l-​mewt taʼ martu l-​għażiża, Sara. (Ġenesi 23:2) Saħansitra r-​raġel perfett Ġesù “qabiżlu d-​dmugħ” meta miet il-​ħabib tiegħu Lazzru. (Ġwanni 11:35) Għalhekk, huwa naturali li jkollna d-​dwejjaq meta jmut xi ħadd li nħobbu. Madankollu, il-​Kristjani jafu li se jkun hemm l-​irxoxt. (Atti 24:15) Għaldaqstant, huma ‘ma jsewdux qalbhom bħall-​oħrajn li m’għandhomx tama.’​—1 Tessalonikin 4:​13.

10 Kif nistgħu nkampaw mal-​mewt taʼ xi ħadd maħbub? Forsi din it-​tixbiha se tkun t’għajnuna. Normalment ma nibqgħux imdejqin għal żmien twil meta xi ħabib imur fuq vjaġġ, ladarba nistennew li nerġgħu narawh meta jiġi lura. Jekk inqisu l-​mewt taʼ Kristjan leali bl-​istess mod nistgħu ntaffu n-​niket tagħna għax nafu li żgur se jiġi rxoxtat.​—Koħèlet 7:1.

11 Jekk nistrieħu kompletament fuq “l-​Alla taʼ kull faraġ”, dan se jgħinna nissaportu lmewt taʼ xi ħadd maħbub. (2 Korintin 1:​3, 4) Se jkun t’għajnuna wkoll li nirriflettu dwar x’għamlet l-​armla Anna taʼ l-​ewwel seklu. Hi saret armla wara biss sebaʼ snin taʼ żwieġ. Imma fl-​età t’84 sena, hi kienet għadha qed tagħti servizz sagru lil Ġeħova fit-​tempju. (Luqa 2:​36-​38) Ħajja devota bħal din żgur li għenitha tkampa man-​niket u s-​solitudni. Il-​parteċipazzjoni regolari tagħna fl-​attivitajiet Kristjani, inkluż ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna, tistaʼ tgħinna nissaportu l-​effetti tal-​mewt taʼ xi ħadd maħbub.

Inkampaw maʼ Diversi Provi

12 Xi Kristjani jridu jissaportu provi li għandhom x’jaqsmu mal-​ħajja tal-​familja. Per eżempju, jekk sieħeb jikkommetti adulterju, x’effetti devastanti jistaʼ jħalli dan! Minħabba x-​xokk u n-​niket, is-​sieħeb taż-​żwieġ li jkun ġie tradut għandu mnejn ma jkunx jistaʼ jorqod u forsi ma jkunx jistaʼ jieqaf jibki. Li jwettaq affarijiet sempliċi jistaʼ jkun tant stressanti li jsiru xi żbalji jew inċidenti. Il-​parti innoċenti għandha mnejn ma jirnexxilhiex tiekol, forsi titlef il-​piż, u tistaʼ tħossha mnikkta emozzjonalment. Jistaʼ jkun diffiċli li tieħu sehem fl-​attivitajiet Kristjani. U kemm jistgħu jiġu effettwati bil-​kbir it-​tfal!

13 Meta nesperjenzaw provi bħal dawn, Ġeħova jipprovdi l-​għajnuna li jkollna bżonn. (Salm 94:19) Alla jismaʼ t-​talb tan-​nies tiegħu, kif inhu muri ċar fit-​talba tas-​Sultan Salamun fl-​inawgurazzjoni tat-​tempju taʼ Ġeħova. Salamun talab lil Alla: “Mqar jekk bniedem waħdu jonkella l-​poplu tiegħek kollu taʼ Iżrael, jitlob u jitkarrab bil-​ħniena; kull meta xi ħadd jistqarr il-​ġrieħi taʼ qalbu u jiftaħ idejh lejn din id-​dar, ismaʼ int mis-​smewwiet fejn tgħammar, u aħfer, u agħmel u agħti lil kulħadd skond imġibtu; int tagħraf qalbu, għax int waħdek tagħraf il-​qalb taʼ kull bniedem. Hekk jibżgħu minnek il-​jiem kollha li jdumu fuq wiċċ l-​art, li inti tajt lil missirijietna.”​—1 Slaten 8:​38-​40.

14 Jistaʼ jkun tassew t’għajnuna jekk nibqgħu nitolbu għall-​ispirtu qaddis. (Mattew 7:​7-​11) Il-​frott taʼ l-​ispirtu jinkludi kwalitajiet bħall-​ferħ u l-​paċi. (Galatin 5:​22, 23) X’serħan inħossu meta Missierna tas-​sema jwieġeb it-​talb tagħna​—il-​ferħ jieħu post in-​niket, u l-​paċi tieħu post id-​diqa!

15 Bilfors li se jkollna ċertu ammont t’ansjetà meta rridu nissaportu stress kbir. Imma għallinqas ftit minn dan it-​tħassib jistaʼ jitnaqqas jekk niftakru f’dan il-​kliem taʼ Ġesù: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu....Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa [t’Alla], u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mattew 6:​25, 33, 34) L-​appostlu Pietru jħeġġiġna biex ‘nitfgħu l-​ansjetà kollha tagħna fuq Alla, għax hu jimpurtah minna.’ (1 Pietru 5:​6, 7) Huwa xieraq li nagħmlu l-​isforzi biex insolvu xi problema. Madankollu, wara li nkunu għamilna dak kollu li stajna, mhux se jgħinna l-​fatt li noqogħdu ninkwetaw dwar il-​problema, imma se jkun t’għajnuna jekk nitolbu dwar il-​kwistjoni. “Erħi fil-​Mulej it-​triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu,” kanta s-​salmista.​—Salm 37:5.

16 Pawlu kiteb: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:​6, 7) Naturalment, id-​dixxendenti imperfetti taʼ Adam ma jistgħux ikunu kompletament ħelsin mill-​ansjetà. (Rumani 5:​12) In-​nisa Ħittin t’Għesaw “kienu taʼ mrar għal qalb” Iżakk u Rebekka, il-​ġenituri t’Għesaw li kellhom il-​biżaʼ t’Alla. (Ġenesi 26:34, 35) Il-​mard żgur li kkaġuna l-​ansjetà għall-​Kristjani bħal Timotju u Trofimu. (1 Timotju 5:​23; 2 Timotju 4:​20) Pawlu kien ansjuż għal sħabu fit-​twemmin. (2 Korintin 11:28) Imma Dak ‘li jismaʼ t-​talb’ huwa dejjem disponibbli għal dawk li jħobbuh.​—Salm 65:3 (65:2, NW).

17 Hekk kif nistennew il-​jum taʼ Ġeħova, aħna għandna l-​appoġġ u l-​faraġ mingħand “l-​Alla tal-​paċi.” (Filippin 4:9) Ġeħova “jagħder u jħenn,” hu ‘twajjeb u jaħfer,’ u “jiftakar li aħna trab.” (Eżodu 34:6; Salm 86:5; 103:13, 14) Għalhekk, ejja ‘nħalluh ikun jaf x’neħtieġu,’ għax dan jirriżulta f’li jkollna l-​“paċi t’Alla”​—it-​trankwillità li tisboq il-​fehma tal-​bniedem.

18 Meta t-​talb tagħna jiġi mwieġeb, aħna nafu li Alla hu magħna. Wara li Ġob issaporta l-​provi tiegħu, hu qal: “Fuqek [Ġeħova] jien b’widnejja smajt; imma issa b’għajnejja rajtek.” (Ġob 42:5) Bl-​għajn tal-​fehma, il-​fidi, u l-​gratitudni, aħna nistgħu nirriflettu dwar kif Alla jittratta magħna u nistgħu ‘narawh’ iktar minn qatt qabel. Kemm iġġibilna paċi tal-​qalb u l-​moħħ intimità bħal din!

19 Jekk ‘nitfgħu l-​ansjetà kollha tagħna fuq Ġeħova,’ aħna nistgħu nissaportu l-​provi b’kalma ġewwinija li tgħasses lil qalbna u l-​qawwiet mentali tagħna. Fil-​fond tal-​qalb figurattiva tagħna, aħna se nħossuna ħelsin mill-​inċertezza, il-​biżaʼ, u l-​inkwiet. Mhux se nkunu bejn ħalltejn jew ansjużi.

20 Id-dixxiplu Stiefnu wera trankwillità meta kien qed jissaporti prova ħarxa tal-​fidi tiegħu. Qabel ma ta l-​aħħar xiehda tiegħu, dawk kollha fis-​Sinedriju “raw li wiċċu kien bħal wiċċ t’anġlu.” (Atti 6:​15) Id-​dehra taʼ wiċċu kienet trankwilla​—bħal dik t’anġlu, messaġġier t’Alla. Wara li Stiefnu kixef il-​ħtija tagħhom għall-​mewt taʼ Ġesù, l-​imħallfin “intlaqtu fil-​laħam il-​ħaj u bdew jheżżu snienhom għalih.” “Mimli bl-​ispirtu qaddis,” Stiefnu “ħares fiss lejn is-​sema u ra l-​glorja t’Alla u lil Ġesù fuq il-​leminija t’Alla.” Imsaħħaħ minn din il-​viżjoni, Stiefnu wera li kien leali sal-​mewt. (Atti 7:​52-​60) Għalkemm ma jkollniex viżjonijiet, aħna jistaʼ jkollna t-​trankwillità mogħtija minn Alla meta niġu persegwitati.

21 Ikkunsidra s-​sentimenti taʼ ċerti Kristjani li sofrew il-​mewt taħt idejn in-​Nazi matul it-​tieni gwerra dinjija. Waqt li kien qed jirrakkonta l-​esperjenza tiegħu fil-​qorti, wieħed qal: “Ġiet dikjarata s-​sentenza tal-​mewt. Jien qgħadt nismaʼ, u mbagħad wara li tkellimt il-​kliem, ‘Kun int fidil sal-​mewt’ u xi ftit kliem ieħor tal-​Mulej tagħna, laħaq għadda kollox. . . . Iżda tagħtux kas taʼ dak issa. Għandi tant paċi, tant trankwillità, li lanqas biss tistgħu timmaġinaw!” Waqt li kien qed jiffaċċja l-​mewt, billi kienu se jaqtgħulu rasu, wieħed żagħżugħ Kristjan kiteb lill-​ġenituri tiegħu: “Diġà għadda nofsillejl. Għad għandi ċans inbiddel fehmti. Ah! nistaʼ nkun ferħan mill-​ġdid f’din id-​dinja wara li nkun ċħadt lill-​Mulej tagħna? Żgur li le! Iżda issa intom għandkom iċ-​ċertezza li jien se nħalli din id-​dinja kuntent u fil-​paċi.” M’għandna l-​ebda dubju li Ġeħova jappoġġa lill-​qaddejja leali tiegħu.

Int Tistaʼ Tissaporti!

22 Int għandek mnejn mhux qed tiffaċċja ċerti sfidi bħal dawn li kkunsidrajna. Madankollu, Ġob li kien jibżaʼ minn Alla kellu raġun meta qal: “Il-​bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.” (Ġob 14:1) Forsi int ġenitur li qed tistinka biex tagħti lil uliedek gwida spiritwali. Huma żgur li qed jissaportu l-​provi fl-​iskola, imma kemm tkun ferħan meta jieħdu waqfa soda għal Ġeħova u l-​prinċipji ġusti tiegħu! Forsi għaddej minn xi tbatijiet u tentazzjonijiet fuq il-​post tax-​xogħol. Madankollu, tistaʼ tissaporti dawn is-​sitwazzjonijiet u oħrajn għax ‘minn jum għal ieħor jieħu ħsiebek Alla.’​—Salm 68:20 (68:19, NW).

23 Int għandek mnejn taħseb li int sempliċement persuna ordinarja, imma żomm f’moħħok li Ġeħova qatt ma se jinsa x-​xogħol tiegħek u l-​imħabba li turi għall-​isem qaddis tiegħu. (Ebrej 6:​10) Bl-​għajnuna tiegħu, int tistaʼ tissaporti provi tal-​fidi. Għalhekk, inkludi r-​rieda t’Alla fit-​talb u l-​pjanijiet tiegħek. Imbagħad, int tistaʼ tkun fiduċjuż mill-​barka u l-​appoġġ divin hekk kif tistenna l-​jum taʼ Ġeħova bis-​sabar.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​Kristjani għala għandhom bżonn is-​sabar?

• X’jistaʼ jgħinna nissaportu l-​mard u l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub?

• It-​talb kif jgħinna nissaportu l-​provi?

• Għala huwa possibbli li nistennew il-​jum taʼ Ġeħova bis-​sabar?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

1, 2. X’inhu s-​sabar, u l-​Kristjani għala għandhom bżonnu?

3, 4. Agħti eżempju biex turi li aħna nistgħu naqdu lil Ġeħova lealment minkejja l-​mard.

5. Liema prova hemm li l-​Kristjani jistgħu jissaportu stress kbir?

6. Wieħed Kristjan kif iffaċċja problemi emozzjonali?

7. Għalkemm xi wħud jibżgħu jitkellmu fil-​pubbliku jew jattendu l-​laqgħat, huma kif juru s-​sabar?

8. X’inhu tassew effettiv meta wieħed irid ikampa maʼ diffikultajiet emozzjonali?

9-11. (a) X’jistaʼ jgħinna nissaportu n-​niket meta xi ħadd maħbub imut? (b) L-​eżempju t’Anna kif jistaʼ jgħinna biex nissaportu l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub?

12. Xi Kristjani ssaportew liema provi li għandhom x’jaqsmu mal-​ħajja tal-​familja?

13, 14. (a) Liema inkuraġġiment tikseb mit-​talba taʼ Salamun fl-​inawgurazzjoni tat-​tempju? (b) Għala nitolbu għall-​ispirtu qaddis?

15. Liema skritturi jistgħu jgħinuna nnaqqsu lansjetà tagħna?

16, 17. (a) Għala m’aħniex kompletament ħelsin mill-​ansjetà? (b) X’se nesperjenzaw jekk napplikaw Filippin 4:​6, 7?

18. Bħalma hu mniżżel f’Ġob 42:5, kif inhu possibbli li ‘naraw’ lil Alla?

19. X’jiġri jekk ‘nitfgħu l-​ansjetà kollha tagħna fuq Ġeħova’?

20, 21. (a) Il-każ taʼ Stiefnu jipprovdi liema evidenza taʼ trankwillità meta niffaċċjaw il-​persekuzzjoni? (b) Semmi xi eżempju taʼ żmienna kif wieħed iżomm il-​kalma meta jissaporti l-​provi.

22, 23. Dwar xiex tistaʼ tkun żgur hekk kif tistenna l-​jum taʼ Ġeħova bis-​sabar?

[Stampa f’paġna 29]

Jekk nistrieħu fuq Ġeħova se jirnexxilna nissaportu n-​niket minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub

[Stampa f’paġna 31]

It-​talb mill-​qalb jgħinna nissaportu provi tal-​fidi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja