L-Ispiritwalità Vera—Kif Tistaʼ Ssibha?
“LI TKUN moħħok fil-laħam ifisser mewt, imma li tkun moħħok fl-ispirtu jfisser ħajja u paċi,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Rumani 8:6) B’dan il-kliem, l-appostlu kien qed jenfasizza li l-fatt li tkun spiritwali m’huwiex biss kwistjoni taʼ preferenza jew inklinazzjoni persunali. Fil-fatt, hija kwistjoni taʼ ħajja jew mewt. Imma f’liema sens jistaʼ xi ħadd spiritwali jikseb “ħajja u paċi”? Skond il-Bibbja, individwu bħal dan igawdi l-paċi issa—miegħu nnifsu u m’Alla—u se jiġi mbierek bil-ħajja taʼ dejjem fil-futur. (Rumani 6:23; Filippin 4:7) Mhux taʼ b’xejn li Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom”!—Mattew 5:3.
Il-fatt li qed taqra din ir-rivista jindika li l-ispiritwalità tinteressak—u din hija ħaġa għaqlija. Madankollu, l-opinjonijiet dwar dan is-suġġett ivarjaw bil-kbir, allura għandek mnejn tistaqsi: ‘X’inhi l-ispiritwalità vera? U dak li jkun kif jiksibha?’
“Il-Moħħ taʼ Kristu”
Minbarra li semma l-importanza u l-benefiċċji taʼ li individwu jkun spiritwali, l-appostlu Pawlu kellu ħafna x’jgħid dwar x’inhi l-ispiritwalità vera. Lill-Kristjani fil-belt tal-qedem taʼ Korintu, Pawlu spjegalhom id-differenza bejn bniedem fiżiku, jiġifieri, individwu li jsegwi x-xewqat taʼ laħmu, u wieħed spiritwali, jiġifieri li jgħożż l-affarijiet spiritwali. Pawlu kiteb: “Bniedem fiżiku ma jilqax l-affarijiet taʼ l-ispirtu t’Alla, għax huma bluha għalih.” Mill-banda l-oħra, Pawlu spjega li karatteristika taʼ bniedem spiritwali hi li jkollu “l-moħħ taʼ Kristu.”—1 Korintin 2:14-16.
Il-fatt li wieħed ikollu “l-moħħ taʼ Kristu” bażikament ifisser li jkollu “l-istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.” (Rumani 15:5; Filippin 2:5) Fi kliem ieħor, bniedem spiritwali hu wieħed li jaħsibha bħal Ġesù u li jimxi fuq il-passi Tiegħu. (1 Pietru 2:21; 4:1) Iktar ma individwu jaħsibha bħal Kristu, iktar tkun profonda l-ispiritwalità tiegħu u iktar ikun qrib li jikseb “ħajja u paċi.”—Rumani 13:14.
Kif Issir Taf “il-Moħħ taʼ Kristu”
Madankollu, biex dak li jkun ikollu l-moħħ taʼ Kristu l-ewwel irid ikun jaf dak il-moħħ. Għalhekk, l-ewwel pass biex tiġi żviluppata l-ispiritwalità hu li l-individwu jsir jaf il-mod kif jaħsibha Ġesù. Imma kif tistaʼ ssir taf kif kien jaħsibha xi ħadd li għex fuq l-art 2,000 sena ilu? Biex nagħtu eżempju, kif sirt taf dwar l-individwi storiċi taʼ pajjiżek? X’aktarx li billi qrajt dwarhom. Għaldaqstant, mod importanti kif issir taf il-moħħ taʼ Kristu hu billi taqra l-istorja miktuba taʼ Kristu.—Ġwanni 17:3.
Fil-każ taʼ Ġesù, hemm erbaʼ rakkonti storiċi reali—l-Evanġelji miktubin minn Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni. Jekk taqra dawn ir-rakkonti bir-reqqa se tiġi megħjun tagħraf il-mod kif jaħsibha Ġesù, l-iktar sentimenti profondi tiegħu, u l-motivazzjoni wara l-azzjonijiet tiegħu. Meta tieħu l-ħin biex tirrifletti dwar dak li taqra dwar Ġesù, se tibni stampa f’moħħok dwar it-tip taʼ individwu li kien. Anki jekk diġà tikkunsidra lilek innifsek bħala segwaċi taʼ Kristu, qari u meditazzjoni bħal dawn se jgħinuk biex ‘tibqaʼ tikber fil-qalb tajba mhix mistħoqqa u fl-għarfien dwar il-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.’—2 Pietru 3:18.
B’dan f’moħħna, ejja neżaminaw xi siltiet fl-Evanġelji biex naraw x’kien li għamel lil Ġesù individwu daqshekk spiritwali. Imbagħad, staqsi lilek innifsek kif tistaʼ timita l-eżempju li ħalla hu.—Ġwanni 13:15.
L-Ispiritwalità u “l-Frott taʼ l-Ispirtu”
Luqa, il-kittieb taʼ l-Evanġelju, qal li l-ispirtu qaddis t’Alla ġie mferraʼ fuq Ġesù fil-magħmudija tiegħu u li Ġesù kien “mimli bl-ispirtu qaddis.” (Luqa 3:21, 22; 4:1) Mill-banda l-oħra, Ġesù enfasizza lis-segwaċi tiegħu l-importanza taʼ li jkunu gwidati mill-ispirtu qaddis t’Alla, jew il-“forza attiva” tiegħu. (Ġenesi 1:2, NW; Luqa 11:9-13) Dan għala hu daqshekk importanti? Minħabba li l-ispirtu t’Alla għandu l-qawwa li jittrasforma l-moħħ taʼ l-individwu, sabiex dan isir jixbah lill-moħħ taʼ Kristu. (Rumani 12:1, 2) L-ispirtu qaddis jipproduċi f’individwu kwalitajiet bħall-“imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.” Dawn il-kwalitajiet—li l-Bibbja ssejħilhom “il-frott taʼ l-ispirtu”—huma l-karatteristiki taʼ individwu li jkun tassew spiritwali. (Galatin 5:22, 23) Fi kliem sempliċi, individwu spiritwali hu wieħed li hu gwidat mill-ispirtu t’Alla.
Ġesù wera l-frott taʼ l-ispirtu matul il-ministeru tiegħu. Kwalitajiet bħall-imħabba, il-qalb tajba, u t-tjubija kienu jidhru ċar b’mod partikulari fil-mod kif ittratta lil dawk li kienu kunsidrati bħali membri sempliċi tas-soċjetà. (Mattew 9:36) Per eżempju, innota l-ġrajja deskritta mill-appostlu Ġwanni. Naqraw: “Waqt li [Ġesù] kien għaddej, ra raġel agħma mit-twelid.” Id-dixxipli taʼ Ġesù wkoll innotaw lir-raġel imma ħarsu lejh bħala midneb. Huma staqsew: “Min dineb, dan ir-raġel jew il-ġenituri tiegħu?” Il-ġirien tar-raġel ukoll innotaw lir-raġel, imma huma rawh biss bħala tallab. “Dan mhux ir-raġel li kien joqgħod bil-qiegħda jittallab?” staqsew huma. Madankollu, Ġesù ra lir-raġel agħma bħala individwu li kellu bżonn l-għajnuna. Hu kellem lir-raġel agħma u fejqu.—Ġwanni 9:1-8.
X’turik din il-ġrajja dwar il-moħħ taʼ Kristu? L-ewwelnett, Ġesù ma warrabx lin-nies sempliċi imma ttrattahom b’mogħdrija tenera. It-tieninett, hu ħa l-inizjattiva biex jgħin lil oħrajn. Tħoss li int qed timita l-eżempju taʼ Ġesù? Tħares int lejn in-nies bħalma ħares lejhom Ġesù, billi tagħtihom l-għajnuna li għandhom bżonn biex itejbu ħajjithom u tagħtihom tama għal futur aħjar? Jew għandek it-tendenza li tippreferi lil dawk li huma prominenti u twarrab lil dawk li m’humiex? Jekk tħares lejn in-nies bħalma jħares lejhom Ġesù, mela int qed issegwi tajjeb l-eżempju tiegħu.—Salm 72:12-14.
L-Ispiritwalità u t-Talb
Ir-rakkonti taʼ l-Evanġelji juru li Ġesù spiss kien jersaq lejn Alla permezz tat-talb. (Marku 1:35; Luqa 5:16; 22:41) Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù warrab il-ħin apposta biex jitlob. Id-dixxiplu Mattew kiteb: “Wara li bagħat lill-folol, [Ġesù] telaʼ waħdu fuq il-muntanja biex jitlob.” (Mattew 14:23) Ġesù kiseb is-saħħa minn dawn il-mumenti taʼ komunikazzjoni fis-skiet maʼ Missieru tas-sema. (Mattew 26:36-44) Illum, individwi spiritwali bl-istess mod ifittxu opportunitajiet biex jikkomunikaw m’Alla, minħabba li jafu li dan se jsaħħilhom ir-relazzjoni tagħhom mal-Ħallieq u se jgħinhom isiru iktar bħal Kristu fil-mod kif jaħsbuha.
Ġesù spiss kien jibqaʼ jitlob għal ħin twil. (Ġwanni 17:1-26) Per eżempju, qabel m’għażel lit-12-il raġel li kienu se jsiru l-appostli tiegħu, Ġesù “ħareġ lejn il-muntanja biex jitlob, u għamel lejl sħiħ jitlob lil Alla.” (Luqa 6:12) Għalkemm mhux neċessarjament iqattgħu l-lejl kollu jitolbu, dawk li huma spiritwali jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Qabel ma jieħdu deċiżjonijiet kbar f’ħajjithom, huma jieħdu biżżejjed żmien biex jitolbu lil Alla, billi jitolbu għad-direzzjoni taʼ l-ispirtu qaddis meta jagħmlu għażliet li se jsaħħu l-ispiritwalità tagħhom.
Fit-talb tiegħu, Ġesù wera wkoll x’sentimenti profondi għandna nesprimu aħna biex nimitawh fit-talb tagħna. Innota li Luqa niżżel bil-miktub il-mod kif Ġesù talab fil-lejl qabel ma miet. “Kien f’agunija u kompla jitlob iktar bil-ħeġġa; u l-għaraq tiegħu beda nieżel fl-art bħal qtar tad-demm.” (Luqa 22:44) Ġesù ġieli talab bil-ħeġġa, imma f’din l-okkażjoni, meta ffaċċja l-iktar prova ħarxa li kellu matul ħajtu fuq l-art, hu talab “iktar bil-ħeġġa”—u t-talba tiegħu ġiet imwieġba. (Ebrej 5:7) Dawk li huma spiritwali jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Meta jiffaċċjaw provi li huma tassew ħorox, huma jitolbu lil Alla “iktar bil-ħeġġa” għall-ispirtu qaddis, il-gwida, u l-appoġġ.
Ladarba jidher ċar li Ġesù kien raġel li jitlob ħafna, ma nistagħġbux li d-dixxipli tiegħu riedu jimitawh f’dan. Allura, huma qalulu: “Mulej, għallimna nitolbu.” (Luqa 11:1) B’mod simili llum, dawk li japprezzaw l-affarijiet spiritwali u li jridu jiġu gwidati mill-ispirtu qaddis t’Alla, isegwu l-eżempju taʼ Ġesù fil-mod kif jitolbu lil Alla. L-ispiritwalità vera u t-talb imorru id f’id.
L-Ispiritwalità u l-Ippridkar taʼ l-Aħbar Tajba
Fl-Evanġelju taʼ Marku, insibu rakkont li fih Ġesù fejjaq lil ħafna nies morda, u dan għamlu anki tard bil-lejl. Kmieni l-għada fil-għodu meta kien qed jitlob waħdu, ġew l-appostli u qalulu li ħafna nies kienu qed ifittxuh, forsi għax riduh ifejjaqhom. Madankollu, Ġesù qalilhom: “Ejja mmorru xi mkien ieħor, fl-irħula fil-qrib, sabiex inkun nistaʼ nippriedka hemmhekk ukoll.” Imbagħad, Ġesù spjegalhom għala: “Għax għalhekk ħriġt.” (Marku 1:32-38; Luqa 4:43) Għalkemm għal Ġesù kien importanti li jfejjaq lin-nies, l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla kien l-iktar inkarigu importanti li kellu.—Marku 1:14, 15.
Dawk li għandhom il-moħħ taʼ Kristu llum għadhom jiġu identifikati mill-fatt li jgħidu lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla. Lil dawk kollha li jridu jkunu segwaċi tiegħu, Ġesù tahom il-kmand: “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, . . . għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mattew 28:19, 20) Iktar minn hekk, Ġesù bassar: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Ladarba l-Kelma t’Alla tindika li x-xogħol taʼ l-ippridkar qed jitwettaq bil-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis, min jieħu sehem bis-sħiħ f’dan ix-xogħol ikun qed juri li hu tassew spiritwali.—Atti 1:8.
Il-fatt li l-messaġġ tas-Saltna jiġi pridkat lin-nies madwar id-dinja kollha jeħtieġ l-isforz taʼ miljuni taʼ nies kollha flimkien. (Ġwanni 17:20, 21) Dawk li jieħdu sehem f’dan ix-xogħol mhux biss iridu jkunu spiritwali imma wkoll organizzati sew fuq skala globali. Tistaʼ int tidentifika lil dawk li qed isegwu l-passi taʼ Kristu u li qed jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna madwar id-dinja?
Int Kif Sejjer?
M’għandniex xi ngħidu, hemm karatteristiki oħrajn li jidentifikaw individwu li jkun tassew spiritwali, imma int kif sejjer meta tqabbel il-karatteristiki tiegħek maʼ dawk li diġà semmejna? Biex tkun taf, staqsi lilek innifsek: ‘Naqraha regolarment jien il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u nimmedita dwar dak li naqra? Nuri jien il-frott taʼ l-ispirtu fil-ħajja tiegħi? Nitlob jien bla heda? Irrid jien nissieħeb maʼ dawk li qed iwettqu x-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna madwar id-dinja?’
Jekk teżamina lilek innifsek b’mod sinċier se tiġi megħjun tiddetermina kemm hi profonda l-ispiritwalità tiegħek. Aħna nħeġġuk tieħu l-passi neċessarji minn issa sabiex ikollok “ħajja u paċi.”—Rumani 8:6; Mattew 7:13, 14; 2 Pietru 1:5-11.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]
KARATTERISTIKI TAʼ INDIVIDWU SPIRITWALI
◆ Ikun iħobb il-Kelma t’Alla
◆ Juri l-frott taʼ l-ispirtu
◆ Jitlob lil Alla regolarment u b’mod sinċier
◆ Jaqsam l-aħbar tajba tas-Saltna m’oħrajn
[Stampa f’paġna 5]
Il-Bibbja tgħinek issir taf “il-moħħ taʼ Kristu”