Tfittxija għall-Ispiritwalità
FIL-PRIEDKA famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) X’aktarx li int taqbel maʼ din l-istqarrija. In-nies kullimkien jirrikonoxxu l-bżonn taʼ l-ispiritwalità f’ħajjithom u jassumu li ladarba jsibuha, din se ġġibilhom l-hena. Imma x’inhi t-tifsira tal-kelma “spiritwalità”?
Dizzjunarju wieħed jispjega li l-ispiritwalità tfisser li “tkun sensittiv jew marbut maʼ xi valuri reliġjużi” u hija “l-kwalità jew il-kundizzjoni li fiha tkun spiritwali.” Għalhekk, termini bħal “spiritwalità” jew li “tkun spiritwali” huma sinonimi. Allura, xi ħadd li jistma ħafna l-valuri spiritwali jew l-interessi reliġjużi jissejjaħ individwu spiritwali.
Allura, dak li jkun kif jistaʼ jikseb l-ispiritwalità vera? Għalkemm kważi kull reliġjon issostni li taf kif wieħed jistaʼ jikseb l-ispiritwalità vera, tistaʼ tgħid li d-direzzjonijiet li jingħataw huma numerużi daqs ir-reliġjonijiet infushom. Xi ħadd Protestant jgħid li reġaʼ kiseb il-ħeġġa għar-reliġjon f’laqgħa li attenda. Wieħed Kattoliku jfittex li jikseb is-sliem m’Alla permezz tal-Quddiesa. Buddist jipprova jikseb tidwil spiritwali permezz tal-meditazzjoni. Wieħed Ħindu jistinka biex jeħles minn ċiklu taʼ twelid mill-ġdid permezz taʼ ċaħda persunali. Qegħdin dawn kollha jiksbu l-ispiritwalità vera? Twassal xi waħda minn dawn it-toroq għall-ispiritwalità?
Għal ħafna, it-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet hija le. Huma jemmnu li l-ispiritwalità tfisser li “temmen mingħajr impenn,” jiġifieri, li temmen f’xi alla mingħajr ma tkun tappartjeni lil xi organizzazzjoni reliġjuża. Oħrajn iħossu li l-ispiritwalità ma tirreferix għall-esperjenza reliġjuża, imma għax-xewqa li jkollok paċi ġewwinija u sinifikat fil-ħajja. Huma jemmnu li min ifittex l-ispiritwalità m’għandu ebda bżonn taʼ reliġjon. Minflok, kulma għandhom bżonn hu li jeżaminaw lilhom infushom minn ġewwa, jiġifieri, l-iktar sentimenti profondi tagħhom. Kittieb wieħed jgħid: “L-ispiritwalità vera hi xi ħaġa li tinsab fil-fond ġo fik. Huwa l-mod kif tħobb, taċċetta u taġixxi mad-dinja u n-nies taʼ madwarek. Ma tistax issibha f’xi reliġjon jew billi temmen f’ċertu tagħlim reliġjuż.”
Jidher ċar li n-nies għandhom ideat tassew differenti dwar l-ispiritwalità. Hemm eluf taʼ kotba li jsostnu li jistgħu juruk il-mod kif tgħix ħajja spiritwali, imma spiss min jaqrahom ma jħossux sodisfatt u jibqaʼ konfuż. Madankollu, hemm ktieb li fih gwida taʼ min joqgħod fuqha dwar affarijiet spiritwali. Huwa l-ktieb li juri biċ-ċar li huwa ispirat minn Alla. (2 Timotju 3:16) Ejja naraw x’jgħid dan il-ktieb, il-Bibbja, dwar it-tifsir taʼ l-ispiritwalità u l-valur tagħha.
[Sors tal-Istampa f’paġna 2]
COVER: Background: © Mark Hamblin/age fotostock