Il-Familja Kristjana Tpoġġi Affarijiet Spiritwali l-Ewwel
“Ilkoll kemm intom huma kunu taʼ moħħ wieħed, billi turu li tinġiebu, billi jkollkom affezzjoni taʼ l-aħwa, tagħdru b’mod teneru, umlin fil-moħħ.”—1 PIETRU 3:8.
1. Liema għażla għandna lkoll, u l-għażla tagħna kif tistaʼ teffettwa l-futur tagħna?
KEMM japplika tajjeb it-test t’hawn fuq fl-eqdem istituzzjoni ta bniedem—il-familja! U kemm hu importanti li l-ġenituri jieħdu t-tmexxija f’dan ir-rigward! Il-kwalitajiet pożittivi u negattivi tagħhom normalment se jidhru f’uliedhom. Madankollu, l-element tal-għażla jibqaʼ f’idejn kull membru taʼ familja. Bħala Kristjani, nistgħu nagħżlu li nkunu persuni spiritwali jew persuni tal-laħam. Nistgħu nagħżlu jekk nogħġbux lil Alla jew le. Dik l-għażla tistaʼ tirriżulta jew f’barka, ħajja taʼ dejjem u paċi—jew f’saħta, mewt perpetwa.—Ġenesi 4:1, 2; Rumani 8:5-8; Galatin 5:19-23.
2. (a) Pietru kif wera t-tħassib tiegħu għall-familja? (b) X’inhi l-ispiritwalità? (Ara nota taʼ taħt.)
2 Il-kliem taʼ l-appostlu fl-1 Pietru kapitlu 3, vers 8, segwa immedjatament wara parir mill-aħjar li hu kien ta lin-nisa u lill-irġiel miżżewġin. Pietru kien verament interessat fl-istat tajjeb taʼ familji Kristjani. Hu kien jaf li spiritwalità b’saħħitha hi l-muftieħ għal familja magħquda li turi affezzjoni u mogħdrija. B’hekk, hu implika fil-vers 7 li jekk il-parir tiegħu lill-irġiel miżżewġin jiġi injorat, ir-riżultat se jkun ħajt spiritwali bejn ir-raġel miżżewweġ u Jehovah.a It-talb tar-raġel miżżewweġ jistaʼ jiġi mfixkel jekk hu jittraskura l-bżonnijiet taʼ martu jew jiskuraġġiha bin-nuqqas taʼ qalb tajba.
Kristu—Eżempju Perfett taʼ Spiritwalità
3. Pawlu kif enfasizza l-eżempju taʼ Kristu għal irġiel miżżewġin?
3 L-ispiritwalità taʼ familja tiddependi minn eżempju tajjeb. Meta r-raġel miżżewweġ huwa Kristjan prattikanti, jieħu t-tmexxija f’li juri kwalitajiet spiritwali. Jekk ir-raġel ma jemminx, l-omm normalment tipprova ġġorr dik ir-responsabbiltà. Fiż-żewġ każi, Ġesù Kristu jipprovdi l-mudell perfett biex jiġi segwit. Il-kondotta tiegħu, kliemu, u l-ħsieb tiegħu kienu dejjem li jibnu u li jirriffreskaw. Darba wara l-oħra, l-appostlu Pawlu jidderiġi lill-qarrej lejn il-mudell taʼ mħabba taʼ Kristu. Per eżempju, hu jistqarr: “Raġel hu l-kap taʼ martu bħalma Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni, billi hu salvatur taʼ dan il-ġisem. Irġiel miżżewġin, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, sewwa sew bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.”—Efesin 5:23, 25, 29; Mattew 11:28-30; Kolossin 3:19.
4. Ġesù liema eżempju taʼ spiritwalità stabbilixxa?
4 Ġesù kien l-eżempju li jispikka taʼ l-ispiritwalità u taʼ l-istat taʼ kap murijin b’imħabba, b’qalb tajba, u b’mogħdrija. Hu kien jissagrifika lilu nnifsu, mhux ipaxxi lilu nnifsu. Hu dejjem igglorifika lil Missieru u rrispettah bħala kap fuqu. Hu segwa l-gwida taʼ Missieru, biex b’hekk setaʼ jgħid: “Ma nistaʼ nagħmel anqas ħaġa waħda minn rajja; sewwa sew kif nismaʼ, niġġudika; u l-ġudizzju li jien nagħti hu taʼ tjieba, għaliex jien infittex, mhux ir-rieda tiegħi stess, imma r-rieda tiegħu li bagħatni.” “Ma nagħmel xejn minn rajja; imma sewwa sew bħalma l-Missier għallem lili jien nitkellem dawn l-affarijiet.”—Ġwann 5:30; 8:28; 1 Korintin 11:3.
5. F’li jipprovdi għas-segwaċi tiegħu, Ġesù liema eżempju stabbilixxa għal irġiel miżżewġin?
5 Dan xi jfisser għall-irġiel miżżewġin? Ifisser li l-mudell li għandhom isegwu f’kollox hu Kristu, li dejjem issottometta lilu nnifsu lejn Missieru. Per eżempju, kif Jehovah ipprovda ikel għall-forom ħajjin kollha fuq l-art, hekk Ġesù pprovda ikel għas-segwaċi tiegħu. Hu ma ttraskurax il-bżonnijiet materjali bażiċi tagħhom. Il-mirakli tiegħu meta tema l-5,000 raġel u l-4,000 huma prova taʼ l-affezzjoni u tal-mogħdrija tiegħu u tas-sens taʼ responsabbiltà tiegħu. (Mark 6:35-44; 8:1-9) Bl-istess mod illum, kapijiet responsabbli taʼ familji jieħdu ħsieb tal-bżonnijiet fiżiċi taʼ dawk taʼ darhom. Imma tieqaf ir-responsabbiltà tagħhom hemm?—1 Timotew 5:8.
6. Liema bżonnijiet importanti tal-familja rridu nieħdu ħsieb? (b) Irġiel miżżewġin u missirijiet kif jistgħu juru li jifhmu?
6 Il-familji għandhom bżonnijiet oħrajn, iktar importanti, kif indika Ġesù. Huma għandhom bżonnijiet spiritwali u emozzjonali. (Dewteronomju 8:3; Mattew 4:4) Aħna kontinwament inħabbtu wiċċna maʼ oħrajn, kemm fil-familja u kemm fil-kongregazzjoni. Għandna bżonn taʼ gwida tajba biex tqanqalna ħalli nkunu edifikanti. F’dan ir-rigward l-irġiel miżżewġin u l-missirijiet għandhom irwol prinċipali xi jwettqu—jerġaʼ saħansitra iktar jekk huma anzjani jew qaddejja ministerjali. Meta jkun hemm ġenitur wieħed fil-familja, dan jeħtieġ kwalitajiet simili meta jkun qiegħed igħin lil uliedu. Il-ġenituri jridu jifhmu mhux biss dak li qed jintqal minn membri tal-familja imma wkoll dak li mhux qed jintqal. Dak li jitlob dehen, ħin, u paċenzja. Hija raġuni waħda għala Pietru setaʼ jgħid li rġiel miżżewġin għandhom juru konsiderazzjoni u jgħammru man-nisa tagħhom skond il-għarfien.—1 Timotew 3:4, 5, 12; 1 Pietru 3:7.
Perikli li Trid Tevita
7, 8. (a) X’inhu meħtieġ biex familja tevita nawfraġju spiritwali? (b) X’inhu meħtieġ minbarra bidu tajjeb fil-korsa Kristjana? (Mattew 24:13)
7 L-attenzjoni għall-ispiritwalità tal-familja għala hi tant importanti? Biex nagħtu tixbieha, nistgħu nistaqsu, Għala hu importanti li pilota taʼ vapur jagħti attenzjoni mill-qrib lill-mapep tiegħu meta jiggwida vapur minn ilmijiet perikolużi li fihom partijiet baxxi ħafna? F’Awissu tal-1992 il-vapur tat-turisti Queen Elizabeth 2 (QE2) ġie misjuq minn inħawi fejn kien hemm ramel għoli u blat li jqarrqu u fejn żbalji taʼ navigazzjoni jintqal li huma komuni. Resident lokali kkummenta: “Ħafna karrieri ntilfu minħabba f’dawk l-inħawi.” Il-QE2 ħabat maʼ xifer taħt l-ilma. Irriżulta li kien żball li sewa ħafna flus. Terz mill-qafas tal-vapur saritlu ħsara, u l-vapur kellu jitneħħa mis-servizz għal ħafna ġimgħat għal tiswijiet.
8 Bl-istess mod, jekk il-“pilota” tal-familja ma jiflix bir-reqqa l-mappa, il-Kelma t’Alla, il-familja tiegħu tistaʼ faċilment issofri ħsara spiritwali. Għall anzjan jew qaddej ministerjali, ir-riżultat jistaʼ jkun telf taʼ privileġġi ġewwa l-kongregazzjoni u forsi ħsara serja lil xi membri oħrajn tal-familja. Għalhekk, kull Kristjan għandu jieħu ħsieb li qatt ma jħossu sodisfatt iżżejjed bl-istat spiritwali tiegħu, billi jafda biss fi drawwiet tajbin taʼ studju u żelu taʼ qabel. Fil-korsa Kristjana tagħna, mhux biżżejjed sempliċement li nkunu bdejna tajjeb; il-viaġġ irid jitlesta b’suċċess.—1 Korintin 9:24-27; 1 Timotew 1 :19.
9. (a) L-istudju persunali kemm hu importanti? (b) Liema mistoqsijiet pertinenti nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
9 Sabiex nevitaw postijiet baxxi spiritwali, blat spiritwali, u ramel għoli spiritwali, irridu nżommu rwieħna aġġornati mal-“mapep” tagħna permezz taʼ studju regulari tal-Kelma t’Alla. Ma nistgħux nistrieħu biss fuq l-istudju bażiku li għamilna biex dħalna fil-verità. Is-saħħa spiritwali tagħna tiddependi minn programm regulari u bbilanċjat taʼ studju u servizz. Per eżempju, hekk kif nattendu l-Istudju tat-Torri tal-Għassa tal-kongregazzjoni b’din l-istess ħarġa f’idejna, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien, jew aħna bħala familja, studjajnieh verament dan l-artiklu, billi fittixna l-iskrittura u mmeditajna fuq l-applikar tagħhom? Jew sempliċement immarkajna t-tweġibiet? Ittraskurajna, forsi, saħansitra li naqraw l-artiklu qabel ma nattendu għal-laqgħa?’ Tweġibiet onesti għal dawn il-mistoqsijiet jistgħu jistimulawna biex naħsbu serjament dwar dan u jqanqlu fina xewqa biex nitjiebu—jekk hemm bżonn.—Ebrej 5:12-14.
10. Għala hu importanti li ngħarblu lilna nfusna?
10 Għala hu importanti li ngħarblu lilna nfusna b’dan il-mod? Għaliex aħna ngħixu f’dinja ddominata mill-ispirtu taʼ Satana, dinja li, b’ħafna modi sottili, tipprova therri l-fidi tagħna f’Alla u fil-wegħdiet tiegħu. Hija dinja li trid iżżommna tant okkupati li ma jkollna ebda ħin biex nieħdu ħsieb tal-bżonnijiet spiritwali tagħna. Għalhekk nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Hija l-familja tiegħi b’saħħitha spiritwalment? Jien, bħala ġenitur, b’saħħti daqs kemm suppost inkun? Bħala familja qegħdin aħna nikkultivaw dik il-forza spiritwali li tħaddem il-moħħ li tgħinna nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tjieba u l-lealtà?’—Efesin 4:23, 24.
11. Il-laqgħat Kristjani għala huma taʼ benefiċċju spiritwalment? Agħti eżempju.
11 L-ispiritwalità taġna għandha tiġi msaħħa b’kull laqgħa li nattendu. Dawk is-sigħat prezzjużi li nqattgħu fis-Sala tas-Saltna jew fl-Istudju tal-Ktieb tal-KOngregazzjoni jgħinu biex jiffriskawna wara s-sigħat twal li jkollna nqattgħu biex nipprovaw inlaħħqu mal-ħajja fid-dinja ostili taʼ Satana. Kemm hu riffreskanti, per eżempju, li nistudjaw il-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex! Dan igħinna biex niksbu fehma aħjar taʼ Ġesù, tal-ħajja tiegħu, u tal-ministeru tiegħu. Naqraw bir-reqqa l-iskritturi ċitati, nagħmlu riċerka persunali, u b’hekk nitgħallmu ħafna mill-eżempju li ħalla Ġesù.—Ebrej 12:1-3; 1 Pietru 2:21.
12. Il-ministeru tal-għalqa kif ipoġġi għall-prova l-ispiritwalità tagħna?
12 Prova mill-aħjar taʼ spiritwalità tagħna hi l-ministeru Kristjan. Sabiex nipperseveraw fil-għoti taʼ xhieda li nagħtu b’mod formali u informali, taʼ spiss quddiem pubbliku indifferenti jew li jopponi, għandna bżonn il-motivazzjoni xierqa, imħabba għal Alla u mħabba għall-proxxmu. M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jieħu pjaċir li jiġi rrifjutat, u dak jistaʼ jiġri fil-ministeru tagħna tal-għalqa. Imma rridu niftakru li hi l-aħbar tajba li qiegħda tiġi rrifjutata, mhux aħna bħala individwi. Ġesù qal: “Jekk id-dinja tobgħodkom, tafu li bagħdet lili qabel bagħdet lilkom. Kieku kontu parti mid-dinja, id-dinja kienet tkun kuntenta b’dak li hu tagħha. Issa għaliex m’intom ebda parti mid-dinja, imma jien għażiltkom ’il barra mid-dinja, minħabba f’dawn id-dinja tobgħodkom. . .Imma se jagħmlu dawn l-affarijiet kollha kontra tagħkom minħabba f’ismi, għaliex ma jafux lil dak li bagħatni.”—Ġwann 15:18-21.
L-azzjonijiet Jagħtu Messaġġ iktar Qawwi milli Jagħti l-Kliem
13. Persuna waħda kif tistaʼ therri l-ispiritwalità taʼ familja?
13 X’jiġri ġo familja li kieku kulħadd minbarra membru wieħed jirrispetta l-ordni u l-indafa tad-dar? F’jum bix-xita, kollha minbarra dak il-wieħed li jinsa joqogħdu attenti biex ma jirfsux tajn u jdaħħluh ġewwa. Passi taʼ tajn maʼ kullimkien jagħtu evidenza tat-traskuraġni taʼ dak il-wieħed, billi jagħti iktar xogħol lill-oħrajn. L-istess japplika għall-ispiritwalità. Individwu wieħed biss egoist u ttraskurat jistaʼ jħammeġ ir-reputazzjoni tal-familja. Il-membri kollha tad-dar, mhux biss il-ġenituri, għandhom jistinkaw biex jirriflettu d-dispożizzjoni mentali taʼ Kristu. Kemm hu riffreskanti meta lkoll jaħdmu flimkien billi jżommu l-ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejhom! Il-ħarsa mentali taʼ dik il-familja hi spiritwali (imma mhix tajba f’għajnejhom stess). Rari jkun hemm traċċi taʼ traskuraġni spiritwali ġo familja bħal din.—Ekkleżjasti 7:16; 1 Pietru 4:1, 2.
14. Satana liema tentazzjonijiet materjali jpoġġi fil-mogħdija tagħna?
14 Ilkoll kemm aħna għandna bżonnijiet materjali li jridu jitwettqu biex isostnu l-ħajja tagħna fuq bażi taʼ kuljum. (Mattew 6:11, 30-32) Imma taʼ spiss il-bżonnijiet tagħna jsiru insinjifikanti ħdejn dawk l-affarijiet li rridu. Per eżempju, is-sistema taʼ Satana toffrilna kull xorta taʼ tagħmir. Jekk aħna dejjem irridu l-aħħar mudell f’kollox, qatt m’aħna se nkunu sodisfatti, ladarba taʼ l-aħħar malajr jispiċċa żmienu, u prodott ġdid joħroġ f’loku. Id-dinja kummerċjali stabbiliet ċirku li ma jieqaf qatt. Hi tħajjarna biex dejjem infittxu iktar flus ħalli dejjem nissodisfaw iktar xewqat. Dan jistaʼ jwassal għal “ħafna xewqat bla sens u li jweġġgħu,” jew “ambizzjonijiet taʼ bluha u perikolużi.” Jistaʼ jirriżulta f’ħajja żbilanċjata b’inqas u inqas ħin għal attivitajiet spiritwali.—1 Timotew 6:9, 10; The Gerusalem Bible.
15. L-eżempju tal-kap tal-familja b’liema mod hu importanti?
15 Hawn għal darb’oħra, l-eżempju mwaqqaf mill-kap tad-dar Kristjana hu importanti ħafna. L-attitudni bbilanċjata tiegħu lejn ir-responsabbiltajiet sekulari u spiritwali għandha tispira lill-membri l-oħrajn tal-familja. Ikun ċertament taʼ ħsara jekk il-missier jagħti struzzjoni eċċellenti bil-fomm imma mbagħad jonqos li jgħix fi qbil maʼ kliemu stess. It-tfal malajr jindunaw bl-ipokrezija li tipprova tgħid lilhom biex jagħmlu l-ħaġa xierqa u mbagħad ma tagħmilhiex int. Bl-istess mod, anzjan jew qaddej ministerjali li jinkuraġġixxi lill-oħrajn fil-ministeruminn dar għal dar u madankollu rari jingħaqad mal-familja tiegħu f’dik l-attività malajr jitlef il-kredibilità, kemm fil-familja kif ukoll fil-kongregazzjoni.—1 Korintin 15:58; qabbel Mattew 23:3.
16. Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
16 Għaldaqstant, nistgħu bi profitt neżaminaw il-ħajjiet tagħna. Ninsabu aħna preokkupati b’li niksbu suċċess sekulari u għalhekk nittraskuraw li nagħmlu progress spiritwali? Telgħin aħna ’l fuq fid-dinja imma neżlin ’l isfel fil-kongregazzjoni? Ftakar fil-pariri taʼ Pawlu: “Dik l-istqarrija hi leali. Jekk xi raġel qiegħed jirsisti għal kariga taʼ indokratur, hu jixtieq xogħol mill-aħjar.” (1 Timotew 3:1) Sens taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni jagħti iktar indikazzjoni taʼ l-ispiritwalità tagħna milli xi promozzjoni fuq ix-xogħol. Bilanċ bl-attenzjoni jrid jinżamm biex dawk li jħaddmuna ma jitħallewx jikkontrollawna bħal li kieku konna ddedikati lilhom u mhux lil Jehovah.—Mattew 6:24.
Komunikazzjoni Siewja Tavanza l-Ispiritwalità
17. X’inhu dak li jikkontribwixxi għall-ikkultivar taʼ mħabba ġenwina fil-familja?
17 Miljuni taʼ djar illum saru qishom lukanda. Kif? Il-membri tal-familja jiġu biss biex jorqdu u jieklu, mbagħad jaħarbu jiġru ’l barra. Rari li jpoġġu mal-mejda biex igawdu ikla flimkien. Is-sens taʼ familja hu nieqes. Ir-riżultat? Hemm nuqqas taʼ komunikazzjoni, ebda konversazzjoni sinjifikanti. U dak jistaʼ jwassal għal nuqqas taʼ interess f’membri oħrajn, forsi nuqqas taʼ tħassib veru. Meta nħobbu lil xulxin, nagħmlu l-ħin biex nitkellmu u nisimgħu lil xulxin. Ninkuraġġixxu, u ngħinu. Dan l-aspett taʼ l-ispiritwalità jinvolvi komunikazzjoni snjifikanti bejn il-miżżewġin u bejn il-ġenituri u l-ulied.b Jirrikjedi l-ħin u tattika li noħorġu lil xulxin mill-qoxra sabiex naqsmu l-ferħ, l-esperjenzi, u l-problemi tagħna.—1 Korintin 13:4-8; Ġakbu 1:19.
18. (a) Liema ħaġa hi taʼ spiss impediment prinċipali għall-komunikazzjoni? (b) Relazzjonijiet siewja fuq liema ħaġa huma mibnijin?
18 Komunikazzjoni tajba teħtieġ ħin u sforz. Tfisser li jitwarrab ħin biex nitkellmu u nisimgħu lil xulxin. Wieħed mill-akbar impediment għal dan hu dak l-apparat li jikkonsma ħafna ħin u li għandu l-post taʼ unur f’ħafna djar—it-TV. Dan jippreżenta sfida—jikkontrollak lilek it-TV, jew int tikkontrolla lilu? Li tikkontrolla t-TV jirrikjedi determinazzjoni soda—inkluża r-rieda soda li titfih. Imma li nagħmlu hekk se jiftħilna t-triq biex nintonaw maʼ xulxin bħala membri tal-familja u bħala aħwa spiritwali. Relazzjonijiet siewja jeħtieġu komunikazzjoni tajba, li wieħed isir jifhem lill-ieħor, il-bżonnijiet u l-ferħ tagħna, li ngħidu lil xulxin kemm napprezzaw l-affarijiet taʼ qalb tajba kollha li saru għalina. Fi kliem ieħor, konversazzjoni sinjifikanti turi li aħna grati lejn oħrajn u li ngħożżuhom.—Proverbji 31:28, 29.
19, 20. Jekk nieħdu ħsieb kulħadd fil-familja, x’se nagħmlu?
19 Għalhekk, jekk nieħdu ħsieb xulxin fl-isfond tal-familja—u dak jinkludi li nieħdu ħsieb taʼ membri tal-familja li ma jemmnux—se nkunu qegħdin nagħmlu ħafna f’li nibnu u nżommu l-ispiritwalità tagħna. Fi sfond tal-familja, se nkunu qegħdin insegwu l-parir taʼ Pietru: “Fl-aħħarnett, ilkoll kemm intom kunu taʼ moħħ wieħed, billi turu li tinġiebu, billi jkollkom affezzjoni taʼ l-aħwa, tagħdru b’mod teneru, umlin fil-moħħ, mhux billi tpattu ħsara bi ħsara, jew tgħajjir b’tgħajjir, imma, għall-kuntrarju, billi tixħtu barka, għaliex intom issejjaħtu għal din il-korsa, biex tkunu tistgħu tirtu barka.”—1 Pietru 3:8, 9.
20 Nistgħu jkollna l-barka taʼ Jehovah issa jekk nistinkaw biex inżommu l-ispiritwalità tagħna, u dan jistaʼ jirriżulta f’li nirtu l-barka tiegħu fil-futur meta nirċievu l-għotja taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-art. Hemm affarijiet oħrajn li nistgħu nagħmlu bħala familja biex ngħinu lil xulxin spiritwalment. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti l-benefiċċji taʼ li nagħmlu l-affarijiet flimkien bħala familja.—Luqa 23:43; Rivelazzjoni 21:1-4.
[Noti taʼ taħt]
a L-ispiritwalità hi definita bħala “sensittività jew rabta maʼ valuri reliġjużi: il-kwa;ità jew stat taʼ li tkun spiritwali.” (Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary) Persuna spiritwali hi l-oppost taʼ persuna tal-laħam, annimaleska.—1 Korintin 2:13-16; Galatin 5:16, 25; Ġakbu 3:14, 15; Ġuda 19.
b Għal iktar suġġerimenti fuq il-komunikazzjoni fil-familja, ara t-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru, 1991, paġni 8-10.
Tiftakar?
◻ X’inhi l-ispiritwalità?
◻ Kap taʼ familja kif jistaʼ jimita l-eżempju taʼ Kristu?
◻ Kif nistgħu nevitaw theddid għall-ispiritwalità tagħna?
◻ X’inhu li jistaʼ jherri l-ispiritwalità taʼ familja?
◻ Komunikazzjoni siewja għala hi importanti?
[Stampa f’paġna 5]
Attendenza għall-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni ssaħħaħ lill-familja spiritwalment