Kif Int Tistaʼ Tissodisfa l-Bżonnijiet Spiritwali Tiegħek
“F’DAWN l-aħħar għaxar snin, iktar minn 300 ktieb dwar l-ispiritwalità fuq il-post tax-xogħol—b’titli bħal Jesus CEO [Chief Executive Officer] u The Tao of Leadership—invadew il-ħwienet tal-kotba,” jgħid il-U.S.News & World Report. Din it-tendenza sempliċement turi li f’ħafna pajjiżi sinjuri materjalment, qed tiżdied ix-xewqa għal direzzjoni spiritwali fil-ħajja. Fil-kummenti li saru dwar dan, il-ġurnal tan-negozju Training & Development josserva: “Fi żmien meta t-teknoloġija qed tidderieġi kull aspett ieħor taʼ ħajjitna, aħna qed infittxu sinifikat iktar profond, skop, u sodisfazzjon persunali akbar.”
Iżda, fejn tistaʼ ssib gwida spiritwali sodisfaċenti? Fil-passat, in-nies kienu jduru għar-reliġjonijiet stabbiliti biex jgħinuhom isibu “sinifikat iktar profond” u “skop” fil-ħajja. Illum, ħafna m’għadhomx jistmawhom lir-reliġjonijiet stabbiliti. Minn stħarriġ li sar fuq 90 maniġer u uffiċjal taʼ pożizzjoni għolja, instab li “n-nies jagħmlu distinzjoni kbira bejn ir-reliġjon u l-ispiritwalità,” jgħid il-ġurnal Training & Development. Dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qiesu r-reliġjon bħala li hija “intolleranti u li tifred,” filwaqt li l-ispiritwalità qisuha bħala “universali u tinkludi lil kulħadd.”
Ħafna żgħażagħ li jgħixu f’soċjetajiet inqas reliġjużi, bħall-Awstralja, New Zealand, ir-Renju Unit, u l-Ewropa, ukoll jaraw differenza bejn ir-reliġjon u l-ispiritwalità. Il-Professoressa Ruth Webber kitbet hekk fir-rivista Youth Studies Australia: “Il-biċċa l-kbira miż-żgħażagħ jemmnu f’Alla, jew f’xi tip taʼ forza sopranaturali imma ma jqisux lill-knisja bħala li hija importanti jew t’għajnuna biex jesprimu l-ispiritwalità tagħhom.”
Ir-Reliġjon Vera Tinkuraġġixxi l-Ispiritwalità
Wieħed jistaʼ jifhem għala n-nies huma tant xettiċi dwar ir-reliġjon. Ħafna organizzazzjonijiet reliġjużi huma mgħaddsin f’intriċċi politiċi u ipokrisija morali u huma ħatjin taʼ demm innoċenti minħabba l-gwerer bla għadd f’isem ir-reliġjon. Madankollu, xi wħud li ċaħdu l-organizzazzjonijiet reliġjużi li huma mċappsin bl-ipokrisija u l-qerq żbaljaw meta ċaħdu wkoll il-Bibbja, għax jaħsbu li din tiskuża prattiċi bħal dawn.
Fir-realtà, il-Bibbja tikkundanna l-ipokrisija u l-ħażen. Ġesù qal lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu: “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Qiskom oqbra mbajjda: minn barra jidhru sbieħ, u minn ġewwa mimlija għadam tal-mejtin u kull xorta taʼ ħmieġ! Hekk intom; minn barra tidhru tassew ġusti quddiem il-bnedmin, waqt li minn ġewwa kollkom ipokrisija u ħażen!”—Mattew 23:27, 28.
Iktar minn hekk, il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-Kristjani biex ikunu newtrali fil-kwistjonijiet politiċi kollha. Minflok ma tħeġġeġ lill-kredenti biex joqtlu lil xulxin, din turihom li għandhom ikunu lesti jmutu għal xulxin. (Ġwanni 15:12, 13; 18:36; 1 Ġwanni 3:10-12) Minflok ma hi “intolleranti u tifred,” ir-reliġjon vera, ibbażata fuq il-Bibbja, “tinkludi lil kulħadd.” L-appostlu Pietru qal: “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”—Atti 10:34, 35.
Il-Bibbja—Gwida taʼ Min Joqgħod Fuqha għal Saħħa Spiritwali
Il-Bibbja tgħidilna li l-bnedmin huma maħluqin fuq ix-xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:26, 27) Dan ma jfissirx li l-bnedmin jixbhu lil Alla b’mod fiżiku, imma jfisser li l-bnedmin għandhom l-abbiltà li jirriflettu l-personalità t’Alla, inkluż il-kapaċità għal affarijiet spiritwali, jew l-ispiritwalità.
Ladarba ħalaqna hekk, huwa loġiku li nemmnu li Alla kien se jipprovdilna wkoll mezz kif nissodisfaw il-bżonnijiet spiritwali tagħna, kif ukoll direzzjoni addattata li biha nistgħu nagħrfu x’inhu taʼ ġid u x’inhu taʼ ħsara għalina spiritwalment. Sewwasew bħalma Alla ħalaq ġisimna b’sistema taʼ immunità disinjata b’mod taʼ l-għaġeb biex nifilħu għall-mard u nibqgħu f’saħħitna, hu tana wkoll kuxjenza, jew leħen ġewwieni, li tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin u nevitaw prattiċi li jagħmlulna ħsara fiżika u spiritwali. (Rumani 2:14,15) Bħalma nafu, biex is-sistema tagħna taʼ l-immunità taħdem tajjeb, irridu mmantnuha kif jixraq. Bl-istess mod, biex il-kuxjenza tagħna taħdem, irridu mmantnuha b’ikel spiritwali sustanzjuż.
Biex juri liema tip taʼ ikel se jżommna f’saħħitna spiritwalment, Ġesù qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.” (Mattew 4:4) Il-kliem taʼ Jehovah jinsab imniżżel fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, u dan ‘jiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, u jwiddeb.’ (2 Timotju 3:16) Għaldaqstant, jiddependi minna biex nagħmlu sforz u nieklu dan l-ikel spiritwali. Aħna se nibbenefikaw spiritwalment u fiżikament skond kemm insiru nafu l-Bibbja u nistinkaw biex napplikaw il-prinċipji tagħha f’ħajjitna.—Isaija 48:17, 18.
Jiswa li Nagħmlu Sforz?
Veru, irridu ż-żmien biex intejbu s-saħħa spiritwali tagħna billi nistudjaw il-Bibbja, u mid-dehra, iż-żmien qiegħed iktar ma jmur isir xi ħaġa rari. Imma l-ġid li joħroġ jiswa kull sforz! Innota kif xi nies professjonali li huma mħabbtin ħafna b’xogħolhom jispjegaw għala jqisuh importanti li jsibu l-ħin biex jieħdu ħsieb is-saħħa spiritwali tagħhom.
Marina, tabiba, tgħid: “Qatt ma kont ħsibt bis-serjetà dwar l-ispiritwalità tiegħi sakemm mort naħdem fi sptar u bdejt inħoss ħafna s-sofferenza taʼ ħaddieħor. Kien hemmhekk li rrealizzajt li kelli nagħraf u nissodisfa l-bżonn spiritwali tiegħi jekk ridt nikseb il-kuntentizza u t-trankwillità, ladarba r-ritmu tal-ħajja u l-isforz involut biex tieħu ħsieb il-problemi tan-nies jistgħu jirkbu lil xi ħadd li jagħmel ix-xogħol tiegħi.
“Issa qed nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Dan l-istudju jgħinni neżamina l-azzjonijiet u l-motivi tiegħi b’mod kostruttiv u jħarreġ il-ħsibijiet tiegħi biex ikunu iktar pożittivi, u b’hekk inkun nistaʼ ngħix ħajja bilanċjata. Il-karriera sekulari tiegħi tagħtini sodisfazzjon kbir. Imma huwa l-istudju tal-Bibbja tiegħi li jtejjibli saħħti emozzjonalment għax jgħinni nikkontrolla ħsibijiet negattivi, innaqqas it-tensjoni, u nuri iktar paċenzja u mogħdrija man-nies. Anki ż-żwieġ tiegħi mar tajjeb talli applikajt il-prinċipji Bibliċi. L-iktar importanti, sirt naf lil Jehovah u qed nesperjenza, f’ammont żgħir, in-nixxiegħa bla limitu taʼ l-ispirtu tiegħu, u dan il-fatt ta sinifikat akbar lil ħajti.”
Nicholas, arkitett, jgħid: “Qabel ma bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, ma kelli l-ebda interess spiritwali. L-uniku skop f’ħajti kien li nirnexxi fil-karriera li kont għażilt. L-istudju tal-Bibbja tiegħi għallimni li fil-ħajja hemm iktar minn hekk u li nagħmel ir-rieda taʼ Jehovah iġib kuntentizza vera u dejjiema.
“Il-karriera sekulari tiegħi tagħtini sens taʼ sodisfazzjon, imma hija l-Bibbja li għallmitni l-importanza taʼ li nżomm ħajti sempliċi billi niffoka fuq affarijiet spiritwali. Billi għamilna hekk, jien u marti evitajna ħafna mit-tensjoni li jġib miegħu stil taʼ ħajja mimli materjaliżmu. Għamilna wkoll ħafna ħbieb taʼ veru permezz tas-sħubija tagħna maʼ wħud li għandhom l-istess ħarsa spiritwali lejn il-ħajja.”
Vincent, avukat, jgħid: “Karriera sekulari tajba tistaʼ tagħtik ammont taʼ sodisfazzjon. Madankollu, sibt li hemm bżonn ħafna iktar minn hekk biex tikseb l-hena u l-kuntentizza. Qabel ma sirt naf b’dak li tgħallem il-Bibbja fuq dan is-suġġett, niftakar kif f’daqqa waħda rrealizzajt kemm ma tagħmilx sens il-ħajja—titwieled, tikber, tiżżewweġ, taħdem biex tipprovdi l-bżonnijiet materjali ħalli trabbi t-tfal, tħarriġhom biex isegwu bl-eżatt l-istess ċiklu tal-ħajja, u fl-aħħar tixjieħ u tmut.
“Kien biss wara li studjajt il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah li rċivejt tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tiegħi dwar l-iskop tal-ħajja. L-istudju tal-Bibbja tiegħi għenni nsir naf lil Jehovah bħala persuna u niżviluppa mħabba profonda għalih. Dan jifforma l-bażi biex ikolli ħarsa spiritwali f’saħħitha hekk kif nistinka biex ngħix ħajti fi qbil maʼ dak li naf li hu l-iskop tiegħu. Issa, kemm jien u kemm marti għandna s-sodisfazzjon li nafu li qed nużaw ħajjitna bl-iktar mod sinifikanti possibbli.”
Int ukoll tistaʼ ssib skop u sinifikat fil-ħajja billi tistudja l-Bibbja. Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma lesti li jgħinuk minn qalbhom. Bħal Marina, Nicholas, u Vincent, int tistaʼ tikseb is-sodisfazzjon li jiġi billi titgħallem dwar Jehovah u l-iskopijiet tiegħu għall-bnedmin in ġenerali u għalik bħala individwu. Int mhux biss se tkun ferħan li tissodisfa l-bżonnijiet spiritwali tiegħek issa imma se jkollok ukoll il-prospett li tgawdi ħajja bla tmiem mimlija saħħa fiżika perfetta—prospett miftuħ biss għal dawk li huma “konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3, NW.
Mod wieħed kif niżviluppaw l-ispiritwalità tagħna huwa permezz tat-talb. Ġesù ħa l-ħin biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu, u tahom dik li spiss tissejjaħ it-Talba tal-Missierna. Xi tfisser għalik din it-talba llum? Kif tistaʼ tibbenefika minnha? It-tweġibiet se ssibhom fiż-żewġ artikli li jmiss.
[Stampi f’paġna 6]
Marina
[Stampi f’paġna 7]
Nicholas
[Stampi f’paġna 7]
Vincent