Il-Fidi t’Omm Tegħleb Traġedja
“Jekk qed taqraw din l-ittra jfisser li l-operazzjoni ma rnexxietx u li jien m’għadnix magħkom.”
HEKK tibda l-ittra miktuba minn Carmen, omm Kristjana, lit-tliet uliedha bniet li għandhom 25, 19, u 16-il sena. Ġara li l-operazzjoni ma rnexxietx u b’sogħba Carmen mietet.
Huwa taʼ qsim il-qalb li wieħed iħalli warajh tliet ulied f’ċirkustanzi daqshekk koroh. Madankollu, il-fidi soda f’Ġeħova u fil-wegħdi tiegħu li kellha din l-omm, b’mod ċar għelbet it-traġedja u tatha l-paċi ġewwinija li tant hi evidenti fl-ittra tagħha li tmisslek qalbek. Innota x’qalet lit-tliet uliedha bniet.
“L-ewwelnett, nixtieq ngħidilkom li nħobbkom b’qalbi kollha. . . . Intom l-aqwa wlied li omm jistaʼ jkollha, u jien kburija ħafna bikom.
“Xtaqt inkompli ngħix magħkom sa ma tasal id-dinja l-ġdida mwiegħda minn Alla . . . , imma minħabba li ma jistax ikun, jien tlabtu jgħinkom ħalli tkunu leali, kif diġà intom. Għaddejna minn ħafna provi flimkien, u Ġeħova qatt ma nsiena. . . . Mela ibqgħu afdaw fil-gwida li jipprovdi hu permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, u komplu appoġġaw lill-kongregazzjoni u lill-anzjani. Ippridkaw kulmeta tistgħu, u ħobbu lill-aħwa kollha.
“Il-firda tagħna se tkun waħda temporanja. . . . Nitlobkom taħfruli taʼ l-iżbalji kollha li għamilt u taʼ dawk id-drabi kollha meta ma fhimtkomx jew m’għedtilkomx kemm inħobbkom. . . . Jien naf li kull waħda minnkom għandha l-bżonnijiet tagħha. Ġeħova jafu dan aħjar minnkom ilkoll, u hu se jipprovdilkom dak kollu li għandkom bżonn u se jippremjakom għal dak kollu li ssaportejtu.
“Qatt tinsew il-mira tagħkom—il-ħajja fid-dinja l-ġdida—u komplu stinkaw biex tiksbuha. Jalla Ġeħova jberikkom u jsaħħaħkom sabiex tkunu leali sa l-aħħar. . . . Tkunux imnikktin, għeżież uliedi. Inħobbkom!”
Traġedja tistaʼ tolqot lil kwalunkwe bniedem fi kwalunkwe ħin. “F’kollox jidħol iż-żmien u ċ-ċirkustanzi,” kiteb is-Sultan Salamun tal-qedem. (Koħèlet 9:11) Madankollu, dawk li għandhom fidi soda f’Alla, jistaʼ jkollhom l-istess ċertezza bħal taʼ l-appostlu Pawlu, li qal: “Jien konvint li la l-mewt, la l-ħajja . . . u l-ebda ħolqien ieħor ma jistaʼ jifridna mill-imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.”—Rumani 8:38, 39; Ebrej 6:10.