Disinn Mingħajr Disinjatur?
GĦADDEW kważi 150 sena minn meta Charles Darwin ippropona l-idea li s-selezzjoni naturali tispjega l-komplessità u d-diversità tal-ħajja. Madankollu, it-teorija tiegħu taʼ l-evoluzzjoni u t-teoriji moderni simili tagħha dan l-aħħar ġew attakkati minn dawk li jemmnu li l-mod meraviljuż u perfett kif inhuma magħmulin l-organiżmi ħajjin jindika disinn bi skop. Hemm anki għadd taʼ xjenzati rispettati li ma jaċċettawx l-idea li l-evoluzzjoni hija responsabbli għall-varjazzjoni taʼ l-ispeċi li naraw fuq l-art.
Xi xjenzati bħal dawn jgħidu li hemm raġuni oħra għala hawn varjetà taʼ l-ispeċi—magħrufa bħala disinn intelliġenti—u jirraġunaw li d-disinn fil-ħolqien huwa appoġġat sew mill-bijoloġija, il-matematika, u s-sens komun. Huma jfittxu li jinkludu diskussjoni dwar din l-idea fl-istudju tax-xjenza fil-kurrikulu taʼ l-iskola. L-hekk imsejħin gwerer taʼ l-evoluzzjoni jseħħu l-iktar fl-Istati Uniti, imma hemm xejriet simili rapportati fl-Ingilterra, l-Olanda, il-Pakistan, is-Serbja, u t-Turkija.
Nuqqas li Jikkonfondi
Madankollu, ġeneralment hemm nuqqas evidenti fil-kliem magħżul bir-reqqa li jiddefendi d-disinn intelliġenti. Dan hu n-nuqqas taʼ referenza għal disinjatur. Temmen int li jistaʼ jkun hemm disinn mingħajr disinjatur? Dawk li jinkuraġġixxu l-idea taʼ disinn intelliġenti “ma jagħmlu l-ebda stqarrija dwar min jistaʼ jew x’jistaʼ jkun id-disinjatur,” jirrapporta The New York Times Magazine. L-awtriċi Claudia Wallis qalet li dawk li huma favur id-disinn intelliġenti “joqogħdu attenti li ma jdaħħlux lil Alla fid-diskussjoni.” U r-rivista Newsweek qalet li “d-disinn intelliġenti ma jgħid xejn dwar l-eżistenza u l-identità tad-disinjatur.”
Imma tistaʼ tifhem li għalxejn tipprova taħrab il-mistoqsija dwar min hu u jekk hemmx disinjatur. Kif jistaʼ jiġi spjegat għalkollox id-disinn taʼ l-univers u l-ħajja nfisha jekk l-eżistenza u l-identità tad-disinjatur ikunu misturin jew saħansitra lanqas biss jiġu kunsidrati?
Sa ċertu punt, id-diskussjoni dwar jekk jiġix rikonoxxut disinjatur jew le tiddependi minn dawn it-tliet mistoqsijiet li ġejjin: Il-fatt li tiġi aċċettata l-eżistenza taʼ disinjatur sovruman se jfixkel il-progress xjentifiku u intelletwali? Għandna naċċettaw li hemm disinjatur intelliġenti biss meta ma tingħata l-ebda spjegazzjoni? U jagħmel sens verament li mid-disinn tikkonkludi li hemm disinjatur? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dawn il-mistoqsijiet u oħrajn li huma relatati magħhom.
[Stampi f’paġna 3]
Charles Darwin kien jemmen li s-selezzjoni naturali tispjega l-komplessità tal-ħajja
[Sors]
Darwin: From a photograph by Mrs. J. M. Cameron/U.S. National Archives photo