Ammira d-Disinn—Tgħallem Dwar id-Disinjatur
GĦANDEK mnejn smajt bil-pittur u l-iskultur Taljan Michelangelo. Għalkemm forsi qatt ma rajt l-oriġinal taʼ xi wieħed mill-kapulavuri tiegħu, wisq probabbli xorta waħda taqbel maʼ l-istorjografu taʼ l-arti li sejjaħ lil dan il-ġenju Taljan “artist meraviljuż u bla paragun.” It-talenti taʼ Michelangelo ma jistgħux jiġu miċħudin. Żgur li dawk li japprezzaw l-arti taʼ Michelangelo jirrikonoxxu li kien artist li jispikka.
Issa aħseb ftit dwar il-komplessità u d-diversità taʼ l-għaġeb tal-ħajja li tiffjorixxi madwarna fuq l-art. Bix-xieraq, The New York Times tikkwota professur tax-xjenza bijoloġika li qal: “L-evidenza tad-disinn tidher f’aspetti tal-bijoloġija.” Hu żied: “Il-ħajja tgħaġġibna daqskemm hija mimlija disinn.” Huwa raġunevoli li tammira d-disinn mingħajr ma tirrikonoxxi d-disinjatur?
L-appostlu Pawlu, wieħed li kien josserva bir-reqqa l-affarijiet li kien hemm madwaru, tkellem dwar dawk li “qiemu u qdew il-ħliqa flok il-Ħallieq.” (Rumani 1:25, Saydon) Minħabba li jiġu effettwati mill-ideat dwar l-evoluzzjoni li tant huma mifruxin illum, xi wħud jirrifjutaw jew jonqsu li jirrikonoxxu li d-disinn bilfors juri li hemm disinjatur. Imma hija x-xjenza vera rappreżentata mit-teorija taʼ l-evoluzzjoni? Innota l-konklużjoni li Christoph Schönborn, l-arċisqof Kattoliku taʼ Vjenna, ippreżenta f’The New York Times: “Kwalunkwe teorija li tiċħad jew tinjora l-evidenza kbira li hemm disinn fil-bijoloġija hija biss ideoloġija, mhux xjenza.”
It-Tmiem tax-Xjenza?
Madankollu, hemm dawk li jħossu li meta taċċetta l-evidenza li hemm Ħallieq tkun qed “toħnoq ir-riċerka.” Artiklu fin-New Scientist esprima biżaʼ bħal dan billi qal li l-idea li hemm disinjatur tistaʼ tkun ostaklu li ma jingħelibx u li jwassal għat-tmiem tax-xjenza li s-soltu tagħmel skoperti bla limitu. Hemm raġuni valida wara dan il-biżaʼ? Lanqas xejn. Anzi bil-kontra. Għala?
Jekk taċċetta li sempliċi kumbinazzjoni u l-evoluzzjoni li ġiet wara kienu l-kaġun taʼ l-univers tagħna u l-ħajja fuq l-art, fir-realtà tkun qed twarrab kwalunkwe tentattiv biex tikseb spjegazzjoni sinifikanti. Min-naħa l-oħra, jekk taċċetta li Ħallieq intelliġenti huwa responsabbli għal dak kollu li naraw madwarna tistaʼ tasal biex tinvestiga n-natura u l-applikazzjoni taʼ l-intelliġenza tiegħu kif inhi murija fl-univers fiżiku. Ikkunsidra dan: Il-fatt li l-istorjografi taʼ l-arti kienu jafu li Leonardo da Vinci pitter il-“Mona Lisa” ma waqqafhomx milli jinvestigaw x’teknika u x’materjal uża. B’mod simili, il-fatt li naċċettaw li hemm Disinjatur m’għandux jiskuraġġina milli naraw x’inhuma d-dettalji u l-komplessità tad-disinji u l-ħolqien tiegħu.
Minflok ma toħnoq iktar riċerka, il-Bibbja tinkuraġġixxi t-tfittxija għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet xjentifiċi u spiritwali. Is-Sultan David tal-qedem irrifletta fuq il-mod taʼ l-għaġeb li kien magħmul il-ġisem fiżiku tiegħu. B’riżultat taʼ dan, hu qal: “Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-għaġeb għamiltni: taʼ l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb.” (Salm 139:14) Fil-fatt, il-Bibbja tippreżenta lill-Ħallieq bħala li qed jistaqsi lill-patrijarka Ġob: “Qatt ħaddant b’ħarstek il-medda sħiħa taʼ l-art?” (Ġob 38:18) Dan żgur li mhux qed jindika li dak li jkun għandu jżomm lura milli jistaqsi u jinvestiga. Għall-kuntrarju, hawnhekk id-Disinjatur tas-Sengħa għamel stedina biex jiġi studjat ix-xogħol taʼ idejh. Ikkunsidra wkoll l-istedina li kiteb il-profeta Isaija li tidderiġina biex inżidu l-fehma tagħna dwar il-Wieħed responsabbli għall-ħolqien kollu taʼ madwarna: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha?” Tabilħaqq, Isaija 40:26 imbagħad isemmi fatt li hu konsistenti mal-formula matematika magħrufa t’Einstein, jiġifieri E=mc2. Dan ifisser li l-univers kien maħluq minn sors t’enerġija u qawwa dinamika.
M’għandniex xi ngħidu, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet rigward il-ħolqien mhux dejjem jinstabu mill-ewwel. Sa ċertu punt, dan hu minħabba li l-qawwiet tagħna biex nifhmu huma limitati u m’għandniex fehma sħiħa dwar id-dinja li ngħixu fiha. Ġob fehmu dan. Hu faħħar lill-Ħallieq, li jagħmilha possibbli li l-globu li ngħixu fih jiddendel fl-ispazju fuq xejn viżibbli u li s-sħab kollu ilma jittajjar ’il fuq mill-art. (Ġob 26:7-9) Madankollu, Ġob irrealizza li meravilji bħal dawn kienu biss ‘intietef taʼ qawwiet’ il-Ħallieq. (Ġob 26:14) Ġob żgur li ried jitgħallem iktar dwar id-dinja taʼ madwaru. U David ammetta l-limitazzjonijiet tiegħu meta kiteb: “L-għerf tiegħek taʼ l-għaġeb, ma nwassalx għalih.”—Salm 139:6.
Il-fatt li tiġi aċċettata l-eżistenza taʼ Ħallieq ma jfixkilx il-progress tax-xjenza. It-tfittxija għal iktar għarfien vast dwar kwistjonijiet fiżiċi u spiritwali ma tintemm qatt. Sultan tal-qedem li kien magħruf għall-għarfien kbir tiegħu kiteb umilment: “Qiegħed ukoll f’qalb ulied il-bniedem il-ħsieb taʼ l-eternità, għalkemm il-bniedem ma jistax jifhem mill-bidu sat-tmiem l-egħmil li għamel Alla.”—Ekkleżjasti 3:11, Karm Żammit.
Alla—Spjegazzjoni Konvenjenti?
Xi wħud jgħidu li Alla jissemma mingħajr evidenza bħala soluzzjoni kulmeta ma tinstabx spjegazzjoni li tistaʼ tingħata prova xjentifika. Fi kliem ieħor, dawn jistqarru li Disinjatur divin bħal dan isir sempliċement spjegazzjoni konvenjenti, bħallikieku l-kelma “Alla” kienet xi kelma maġika li tintuża meta l-bniedem ma jkunx jistaʼ jispjega l-affarijiet b’mod loġiku jew xjentifiku. Imma x’hemm nieqes f’dan kollu? Huma dawn biss affarijiet żgħar u insinifikanti li aħna nonqsu milli nifhmu? Le, huma nuqqasijiet kbar li jeżistu fil-kredibilità taʼ l-evoluzzjoni taʼ Darwin. Huma nuqqas taʼ spjegazzjoni t’affarijiet fundamentali f’aspetti tal-bijoloġija li t-teorija taʼ l-evoluzzjoni ma kinitx kapaċi tispjega. Bl-onestà kollha, l-evoluzzjonisti li jistrieħu fuq l-istqarrijiet li m’għandhom l-ebda bażi fir-realtà jagħmlu t-teorija taʼ Darwin bħala l-ispjegazzjoni konvenjenti tagħhom.
Il-Ħallieq li hu msemmi fil-Bibbja m’huwiex xi sempliċi spjegazzjoni konvenjenti. Minflok, l-attività tiegħu tkopri l-fażijiet, l-aspetti, u d-dettalji kollha tal-ħolqien. Is-salmista enfasizza l-attività kreattiva taʼ Ġeħova li tinkludi kollox: “Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja, fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.” (Salm 36:10 [36:9, NW]) Hu jiġi deskritt tajjeb bħala l-Wieħed li għamel “is-sema u l-art u l-baħar u kulma fihom.” (Atti 4:24; 14:15; 17:24) Mhux taʼ b’xejn li għalliem taʼ l-ewwel seklu kiteb li Alla “ħalaq kollox”!—Efesin 3:9.
Barra minn hekk, Alla stabbilixxa “l-liġijiet tas-sema,” il-liġijiet fiżiċi li jiggvernaw l-affarijiet u l-enerġija, liġijiet li għadhom qed jiġu studjati mix-xjenzati. (Ġob 38:33) Id-disinn tiegħu huwa komplet u għandu skop, iwettaq l-objettiv tiegħu taʼ li jimla l-art sabiex tiġi abitata minn diversità kbira t’affarijiet ħajjin.
Id-Disinn u s-Sens Komun
Finalment, aħna rridu nikkunsidraw il-mistoqsija tas-sens komun. Billi kkummenta b’mod in ġenerali fuq jekk humiex validi ħafna mit-teoriji taʼ l-evoluzzjoni, il-kittieb tax-xjenza John Horgan osserva: “Meta l-evidenza ma tkunx ċerta, m’għandniex nistħu nħallu s-sens komun jiggwidana.”
Jagħmel verament sens li tgħid li l-ħajja bdiet teżisti sempliċement b’kumbinazzjoni jew minn forzi tan-natura li ma jistgħux jiġu kontrollati? Minkejja l-fatt li t-teorija taʼ l-evoluzzjoni hija popolari u mifruxa, ħafna nies intelliġenti, inkluż xi xjenzati, huma konvinti li hemm Ħallieq intelliġenti. Professur tax-xjenza jinnota li l-pubbliku in ġenerali b’mod taʼ l-għaġeb u b’moħħ f’loku jaħseb li l-ħajja kienet disinjata. Għala? Ħafna nies minn qalbhom jaqblu maʼ dak li qal l-appostlu Pawlu: “Kull dar tinbena minn xi ħadd.” (Ebrej 3:4) Imbagħad Pawlu jkompli b’konklużjoni loġika: “Imma dak li bena kollox hu Alla.” Mill-ħarsa tal-Bibbja, sempliċement ma jagħmilx sens li tammetti li dar għandha bżonn disinjatur u bennej u fl-istess ħin tgħid li ċellula komplikata bdiet teżisti b’kumbinazzjoni.
Il-Bibbja tgħid hekk rigward dawk li jiċħdu l-eżistenza taʼ Disinjatur u Ħallieq: “Jgħid l-iblah f’qalbu: ‘M’hemmx Alla!’” (Salm 14:1) Hawnhekk, is-salmista jwiddeb lil dawk li għadhom iridu jikkonvinċu ruħhom. Dak li jkun għandu mnejn ikun gwidat minn opinjoni persunali minflok ma jqis il-fatti kollha. Min-naħa l-oħra, dak li hu għaref u għaqli, jirrikonoxxi bl-umiltà li jeżisti Ħallieq.—Isaija 45:18.
Għal ħafna wħud li jaħsbu, l-evidenza li tappoġġa l-fatt li hemm Disinjatur Suprem hija ċara.
Tistaʼ Tkun Taf lid-Disinjatur
Jekk aħna nqisu lilna nfusna bħala li ġejna disinjati, għal liema raġuni ġejna disinjati? X’inhu l-iskop taʼ ħajjitna? Ix-xjenza waħedha ma tistax tagħti tweġibiet sodisfaċenti għal mistoqsijiet bħal dawn. Madankollu, dawn il-kwistjonijiet fundamentali jeħtieġu tweġibiet konvinċenti u sodisfaċenti. Il-Bibbja tistaʼ tkun taʼ benefiċċju kbir f’dan ir-rigward. Hi tidentifika lil Ġeħova mhux biss bħala l-Ħallieq imma wkoll bħala l-Wieħed li għandu skop, wieħed li għandu raġunijiet f’lokhom għal dak li jagħmel. L-Iskrittura turi x’inhu l-iskop t’Alla għall-umanità, u toffrilna futur u tama.
Madankollu, min hu Ġeħova? X’tip t’Alla hu? Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistidnuk issir taf lid-Disinjatur tas-Sengħa bħala persuna reali. Tistaʼ titgħallem dwar ismu u dwar il-kwalitajiet tiegħu u dwar il-mod kif hu jittratta mal-bnedmin. Mill-paġni tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, int tistaʼ titgħallem għala m’għandniex biss nammiraw id-disinn mill-aqwa tiegħu imma wkoll nigglorifikawh bħala d-Disinjatur.—Salm 86:12; Rivelazzjoni 4:11.
[Stampa f’paġna 4]
Michelangelo
[Stampi f’paġna 5]
It-twemmin f’Disinjatur huwa fi qbil max-xjenza vera
[Stampa f’paġna 6]
Id-diversità u l-mod kif il-ħolqien jadatta ruħu jagħtu evidenza tal-varjetà fid-disinn intelliġenti
[Stampi f’paġna 7]
Id-disinn jeħtieġ disinjatur