Int Tistaʼ Tkampa maʼ l-Inġustizzja!
MIN m’esperjenzax xi tip taʼ inġustizzja matul ħajtu? Waqt li xi inġustizzji jistgħu jkunu biss immaġinarji jew f’moħħ l-individwu, oħrajn huma tabilħaqq reali.
Kulmeta nesperjenzaw l-inġustizzja, aħna nħossu xi tip taʼ wġigħ emozzjonali u nistgħu nġarrbu ħsara spiritwali. Għandu mnejn ikollna xewqa qawwija li nirranġaw is-sitwazzjoni. Għala? Raġuni waħda hi li l-Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, li “ma jqarraqx,” poġġa fil-bnedmin sens qawwi taʼ ġustizzja. (Dewteronomju 32:4; Ġenesi 1:26) Madankollu, jistaʼ jkun li niffaċċjaw sitwazzjonijiet li fihom inħossu li ma tkunx saret ġustizzja. Raġel għaqli darba osserva: “Dort biex nara l-moħqrijiet kollha li jsiru taħt ix-xemx. Rajt il-maħqurin jibku bla ma għandhom min ifarraġhom; rajt il-qawwa li biha jaħqruhom u li ma hemmx min ifarraġhom.” (Koħèlet 4:1) Allura, kif nistgħu nkampaw maʼ l-inġustizzja?
X’Inhi Tassew l-Inġustizzja?
L-inġustizzja hija l-kundizzjoni jew il-prattika li tikser il-livelli taʼ dak li hu ġust. X’inhu l-livell taʼ ġustizzja għall-bnedmin? Jidher ċar li l-Ħallieq tagħna li hu ġust u li ma jinbidilx għandu d-dritt li jpoġġi l-livell taʼ dak li hu ġust u dak li m’huwiex ġust. Mill-ħarsa tiegħu, li ‘nimxu fuq il-preċetti li jagħtu l-ħajja’ jinvolvi li ‘ma nagħmlux il-ħażen,’ jew “l-inġustizzja” (NW). (Eżekjel 33:15) Għalhekk, meta Ġeħova ħalaq lill-ewwel bniedem, Hu ħolqu b’kuxjenza—vuċi ġewwinija li setgħet tgħinu jagħżel it-tajjeb mill-ħażin. (Rumani 2:14, 15) Barra minn hekk, fil-Kelma tiegħu l-Bibbja, Ġeħova niżżel espressjonijiet dwar dak li hu ġust u dak li m’huwiex.
X’għandna nagħmlu jekk inħossu li saret xi inġustizzja magħna? Nagħmlu tajjeb li neżaminaw il-kwistjoni b’mod realistiku biex naraw jekk hux tassew seħħet l-inġustizzja. Per eżempju, ikkunsidra s-sitwazzjoni li sab ruħu fiha l-profeta Lhudi Ġona nnifsu. Ġeħova inkarigah biex jgħid lin-Ninwin dwar id-diżastru li kien riesaq. Għall-ewwel, Ġona ħarab mingħajr ma wettaq l-inkarigu. Madankollu, maż-żmien hu mar Ninwè u wissa lill-abitanti dwar il-qerda li kienet riesqa. Minħabba li wieġbu tajjeb, Ġeħova għażel li jippreserva l-belt u jsalva lill-abitanti tagħha. Kif ħassu Ġona? “Dan xejn li xejn m’għoġbu lil Ġona, u inkorla.” (Ġona 4:1) Hu ħass li din kienet inġustizzja kbira min-naħa taʼ Ġeħova.
M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova, li jistaʼ jaqra l-qlub u li “jħobb id-dritt u s-sewwa,” ma kienx żbaljat. (Salm 33:5) Ġona sempliċement kellu jitgħallem li l-mod kif iddeċieda Ġeħova kien fi qbil mal-ġustizzja perfetta. Meta nħossu li qed inġarrbu inġustizzja, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Jistaʼ jkun li Ġeħova qed jara l-kwistjoni b’mod differenti?’
Niffaċċjaw l-Inġustizzja
Il-Bibbja tirrapporta ħafna ġrajjiet li fihom xi individwi ġarrbu l-inġustizzja. Nistgħu nitgħallmu ħafna jekk neżaminaw kif iffaċċjaw il-problemi diffiċli tagħhom. Ikkunsidra lil Ġużeppi, li ġie mibjugħ fil-jasar fl-Eġittu minn ħutu li kienu jgħiru għalih. Fl-Eġittu, mart sidu pprovat tisseduċi lil Ġużeppi, u meta ċaħadha, hi gidbet billi akkużatu li ttantaha sesswalment. Minħabba f’hekk, Ġużeppi spiċċa l-ħabs. Madankollu, il-fidi tiegħu kienet iktar b’saħħitha mill-ktajjen li kien marbut bihom. Hu ma ħalliex li din l-inġustizzja tnaqqas l-ispiritwalità tiegħu u lanqas ma ħallieha ddgħajjiflu l-fidi tiegħu f’Ġeħova.—Ġenesi 37:18-28; 39:4-20; Salm 105:17-19.
Raġel ieħor li ffaċċja l-inġustizzja kien Nabot. Hu sar vittma taʼ ingann kattiv u sfaċċat minn Ġeżabel, mart is-Sultan Aħab taʼ Iżrael. Is-sultan ixxennaq għal biċċa art li wiret Nabot ħdejn il-palazz tas-sultan. Wieħed Iżraeli ma setax jagħti b’mod permanenti l-art li jkun wiret, allura Nabot m’aċċettax l-offerta tas-sultan biex jixtri l-art. (Levitiku 25:23) Minħabba f’hekk, il-mara kiefra t’Aħab qabbdet xhieda foloz biex jakkużaw lil Nabot li żeblaħ lil Alla u lis-sultan. Minħabba f’hekk, Nabot u wliedu ġew maqtulin. Immaġina kif setaʼ ħassu Nabot meta n-nies kienu qed jaħtfu l-ġebel biex joqtluh!—1 Slaten 21:1-14; 2 Slaten 9:26.
Madankollu, dan kollu m’hu xejn meta tqabblu maʼ l-inġustizzji li ffaċċja Ġesù Kristu. Is-sentenza tal-mewt li ġarrab hu involviet gideb u prova illegali. Il-gvernatur Ruman li kellu jiġġudika l-każ ma kellux biżżejjed saħħa morali biex iżomm maʼ dak li hu ra li kien sewwa. (Ġwanni 18:38-40) Iva, Satana wettaq fuq Kristu Ġesù l-akbar inġustizzja li qatt seħħet!
Jindikaw dawn il-ġrajjiet li Ġeħova ma jagħtix kas l-inġustizzja? Le! Ġeħova ma ħarisx lejn dawn is-sitwazzjonijiet sempliċement minn ħarsa umana. (Isaija 55:8, 9) Minħabba li Ġużeppi ġie mibjugħ fil-jasar, hu setaʼ jsalva lill-familja tiegħu. Hu sar il-wieħed li jqassam l-ikel fl-Eġittu qabel ma beda ġuħ kbir li laqat lill-familja tiegħu. Aħseb ftit, li kieku Ġeħova ma ppermettiex l-inġustizzja kieku Ġużeppi ma kienx se jkun il-ħabs. Kien hemmhekk li hu interpreta l-ħolm taʼ żewġ priġunieri, li wieħed minnhom iktar tard qal lill-Fargħun dwar Ġużeppi, u dan wassal biex Ġużeppi sar il-wieħed li jqassam l-ikel.—Ġenesi 40:1; 41:9-14; 45:4-8.
Xi ngħidu għal Nabot? Għal darb’oħra, ipprova ħares lejn il-kwistjoni mill-ħarsa taʼ Ġeħova. Għal Ġeħova, li jistaʼ jqajjem lill-mejtin, Nabot kien għadu ħaj fil-memorja Tiegħu, anki meta l-katavru tiegħu kien fl-art. (1 Slaten 21:19; Luqa 20:37, 38) Nabot irid jistenna sakemm Ġeħova jsejjaħlu lura għall-ħajja, imma ż-żmien li se jkun għadda se jkun biss mumentanju, għaliex il-mejtin ma jafu xejn. (Koħèlet 9:5) Barra minn hekk, Ġeħova tħallas għal demm Nabot billi wettaq ġudizzju fuq Aħab u daru.—2 Slaten 9:21, 24, 26, 35, 36; 10:1-11; Ġwanni 5:28, 29.
Fil-każ taʼ Ġesù, hu miet. Però, Alla rxoxtah u eżaltah f’pożizzjoni “ħafna iżjed ’il fuq minn kull gvern u awtorità u qawwa u ħakma u kull isem li jissemma.” (Efesin 1:20, 21) L-inġustizzja li ġab Satana fuq Kristu Ġesù ma setgħetx iżżomm lura lil Ġeħova milli jippremja lil Ibnu. Ġesù kien jaf li Ġeħova setaʼ jreġġaʼ lura minnufih l-inġustizzja taʼ l-arrest illegali li kieku din kienet ir-rieda Tiegħu. Madankollu, Kristu kien jaf ukoll li Ġeħova għandu żmien meta se jara li l-Iskrittura titwettaq u meta se jreġġaʼ lura kwalunkwe inġustizzji.
Huwa minnu li Satana u l-aġenti tiegħu għamlu ħafna inġustizzji fuq uħud li huma ġusti, imma maż-żmien Ġeħova rranġa l-kwistjoni u neħħa jew se jneħħi b’mod permanenti l-inġustizzja. Għalhekk, biex inġustizzja tiġi rranġata, aħna rridu nistennew lil Alla ħalli jaġixxi.—Dewteronomju 25:16; Rumani 12:17-19.
Għala Ġeħova Għandu Mnejn Jippermetti l-Inġustizzja
Ġeħova jistaʼ saħansitra jkollu raġunijiet għala ma jikkoreġix ċerta sitwazzjoni. Bħala parti mit-taħriġ Kristjan tagħna, hu għandu mnejn jippermetti li nesperjenzaw l-inġustizzja. M’għandniex xi ngħidu, ‘Alla ma jġarrab lil ħadd b’affarijiet ħżiena.’ (Ġakbu 1:13) Xorta waħda, hu għandu mnejn jippermetti li tiżviluppa sitwazzjoni mingħajr ma jindaħal, u dan jistaʼ jsaħħaħ lil dawk li jwieġbu għal dan it-taħriġ. Il-Bibbja tiżgurana: “Wara li tkunu sofrejtu għal ftit, l-Alla taʼ kull qalb tajba mhix mistħoqqa . . . itemm hu stess it-taħriġ tagħkom, jissodakom, u jsaħħaħkom.”—1 Pietru 5:10.
Barra minn hekk, il-fatt li Ġeħova jippermetti ċerta inġustizzja għandu mnejn jagħti ċans lil dawk li jagħmlu l-inġustizzja biex jindmu. Ftit ġimgħat biss wara li ġie maqtul Ġesù, xi Lhud li semgħu t-twissija taʼ Pietru ħassew li “nifdilhom qalbhom.” Huma ħaddnu l-Kelma t’Alla minn qalbhom u tgħammdu.—Atti 2:36-42.
Huwa minnu li mhux kulmin jagħmel l-inġustizzja se jindem. Xi wħud saħansitra jistgħu tant ikunu sfaċċati li jwettqu għemejjel taʼ inġustizzja kbira. Madankollu, Proverbji 29:1 jgħid: “Min ikun imwiddeb u jibqaʼ jwebbes rasu, malajr jiġġarraf u ma jkollux fejqan.” Tabilħaqq, Ġeħova maż-żmien se jaġixxi u se jelimina lil dawk li jippersistu fi mġiba li m’hijiex xierqa.—Koħèlet 8:11-13.
Jieħu kemm jieħu żmien biex dak li jkun jirkupra mill-inġustizzja, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jaf kif jgħinna nirkupraw. U hu żgur li se jneħħi kwalunkwe inġustizzja li għandna mnejn esperjenzajna f’din is-sistema mill-agħar. Barra minn hekk, hu wiegħed l-aħħar premju, ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida fejn se “tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.
[Stampa f’paġna 16, 17]
Kif setaʼ ħassu Nabot meta ffaċċja inġustizzja kbira?