Għadu Jgħodd it-“Testment il-Qadim”?
FL-1786, tabib Franċiż ippubblika ktieb bit-titlu Traité d’anatomie et de physiologie (Diskussjoni dwar l-Anatomija u l-Fiżjoloġija). Dan il-ktieb huwa meqjus bħala l-iktar xogħol eżatt dwar l-anatomija tan-nervituri li ħareġ fi żmienu, u waħda mill-ftit kopji tiegħu nbiegħet reċentement għal iktar minn Lm8,500! Minkejja dan, ftit huma dawk il-pazjenti llum li se jafdaw f’kirurgu li jibbaża xogħlu fuq ir-riċerka medika li għandha mijiet taʼ snin misjuba f’dan il-ktieb. Il-valur storiku u letterarju tal-ktieb ma tantx huwa utli għal persuna li tkun marida llum.
Ħafna hekk iħossuhom dwar l-hekk imsejjaħ Testment il-Qadim. Huma japprezzaw il-valur tar-rakkont taʼ l-istorja taʼ Iżrael u jammiraw il-proża poetika mill-isbaħ li fih. Però, huma jiddubitaw jekk ikunx raġunevoli li xi ħadd isegwi gwida li tmur lura għal iktar minn 2,400 sena. L-għarfien xjentifiku, il-kummerċ, u saħansitra l-ħajja tal-familja huma tassew differenti llum minn kif kienu fiż-żmien li nkitbet il-Bibbja. Philip Yancey, li qabel kien l-editur taʼ Christianity Today, kiteb fil-ktieb tiegħu The Bible Jesus Read: “Mhux dejjem jidher loġiku [it-Testment il-Qadim], u meta jagħmel sens dan joffendi lin-nies taʼ llum. Għal din ir-raġuni u għal raġunijiet oħrajn it-Testment il-Qadim, jiġifieri tliet kwarti mill-Bibbja, spiss ma jinqarax.” Dan il-ħsieb m’huwiex ġdid.
Inqas minn 50 sena wara l-mewt taʼ l-appostlu Ġwanni madwar is-sena 100 E.K., żagħżugħ għani li kien jismu Marcion iddikjara fil-pubbliku li l-Kristjani m’għandhomx jużaw it-Testment il-Qadim. Skond Robin Lane Fox, studjuż Ingliż taʼ l-istorja, Marcion saħaq li “‘Alla’ fit-Testment il-Qadim kien ‘barbaru akkanit’ li kien japprova lill-ħallelin u terroristi bħas-Sultan David taʼ Iżrael. B’kuntrast maʼ dan, Kristu rrivela Alla superjuri li kien ġdid u differenti għalkollox.” Fox jikteb li dan it-twemmin “sar il-‘Markjoniżmu’ u kompla jiġbed is-segwaċi, speċjalment fil-Lvant fejn kienu jitkellmu s-Sirjak, sar-rabaʼ seklu.” Xi wħud minn dawn l-ideat għadhom jeżistu. Minħabba f’hekk, iktar minn 1,600 sena wara, kiteb Philip Yancey, “l-għarfien dwar it-Testment il-Qadim qed jisparixxi malajr fost il-Kristjani u tistaʼ tgħid li kważi sparixxa fost is-soċjetà moderna.”
Huwa minnu li t-Testment il-Ġdid ħa post it-Testment il-Qadim? Kif nistgħu nqabblu “l-Mulej taʼ l-eżerċti” tat-Testment il-Qadim maʼ “l-Alla taʼ l-imħabba u tal-paċi” tat-Testment il-Ġdid? (Isaija 13:13; 2 Korintin 13:11) Tistaʼ int illum tibbenefika mit-Testment il-Qadim?