Ġonatan—Kien m’Alla li Ħadem
BIN l-ewwel sultan taʼ Iżrael iżur lil wieħed maħrub. Hu jgħid lill-maħrub: “La tibżax, għax Sawl missieri ma jaqbdikx f’idejh. Int għad issaltan fuq Iżrael, u jien inkun niġi warajk.”—1 Samwel 23:17.
Il-viżitatur hu Ġonatan; il-maħrub hu David. Li kieku Ġonatan ma mietx ftit wara dan, huwa possibbli li hu kien isir ir-raġel ewlieni li David kien jistrieħ fuqu.
Il-ħbiberija bejn Ġonatan u David kienet taʼ l-għaġeb. Fil-fatt, Ġonatan innifsu kien raġel taʼ l-għaġeb. Dawk taʼ żmienu hekk ħassewhom ukoll, għax qalu dwaru: “Kien m’Alla li ħadem.” (1 Samwel 14:45, NW) Għala qalu dan? Liema kwalitajiet kellu Ġonatan? U r-rakkont dwar ħajtu għala huwa importanti għalik?
L-Iżraelin Kienu “Marsusa”
Meta l-Bibbja tintroduċi lil Ġonatan, l-Iżraelin kienu “marsusa.” Il-Filistin kienu serqulhom l-art tagħhom u żammewhom milli jiddefendu lilhom infushom.—1 Samwel 13:5, 6, 17-19.
Madankollu, Ġeħova stqarr li hu ma kienx se jitlaq lill-poplu tiegħu, u Ġonatan kien fiduċjuż minn dan. Kien rigward missieru, Sawl, li Alla qal: “Hu jeħles il-poplu tiegħi minn id il-Filistin.” Ġonatan kellu fiduċja f’din l-istqarrija. Hu nnifsu kien diġà mexxa 1,000 Iżraeli li ma kinux armati sew f’rebħa kontra l-Filistin. Issa ried jelimina t-theddida tal-Filistin kompletament.—1 Samwel 9:16; 12:22; 13:2, 3, 22.
Attakk Qalbieni u għal Għarrieda
Ġonatan immira lejn għassa tal-Filistin ħdejn il-mogħdija kollha rdumijiet taʼ Mikmas. (1 Samwel 13:23) Biex jilħaqha kien se jkollu jixxabbat, billi juża ‘idejh u riġlejh.’ Dan ma qatagħlux qalbu. Ġonatan iddeċieda li jattakka maʼ l-iskudier tiegħu biss u qallu: “Għandu mnejn il-Mulej jagħmel xi ħaġa għalina, għax m’hemmx xi jżomm il-Mulej, jekk irid, li jsalvana b’ħafna jew bi ftit nies.”—1 Samwel 14:6, 13.
Iż-żewġ Iżraelin riedu sinjal mingħand Ġeħova. Kienu se jidhru quddiem l-irġiel li kienu maʼ l-għassa. Jekk il-Filistin jgħidu: “Ieqfu hemm sakemm niġu ħdejkom”! Ġonatan u l-iskudier tiegħu ma kinux se jitilgħu kontrihom. Iżda jekk l-għedewwa jgħidu: “Itilgħu ħdejna”! dan kien ifisser li Ġeħova kien se jagħti rebħa lil Ġonatan u lill-iskudier tiegħu. Ġonatan kien ċert mill-appoġġ t’Alla, u kellu l-intenzjoni li jitlaʼ lejn l-għassa biex jiġġieled.—1 Samwel 14:8-10.
X’setgħu jagħmlu żewġt irġiel kontra ssuldati kollha li kienu maʼ l-għassa? Ma għenux Ġeħova lill-Imħallef Eħud meta mexxa lill-Iżrael kontra Mowab? Ma kienx Alla maʼ Samgar, billi għenu joqtol 600 Filisti b’niggieża? U ma tahx qawwa Ġeħova lil Sansun fl-għemil tiegħu kontra l-Filistin? Ġonatan kellu fiduċja li Alla kien se jgħin lilu wkoll.—Mħallfin 3:12-31; 15:6-8, 15; 16:29, 30.
Hekk kif raw liż-żewġ Iżraelin, il-Filistin għajtu: “Itilgħu ħdejna, għax għandna ħaġa x’ngħidulkom”! Ġonatan u l-iskudier tiegħu telgħu. B’kuraġġ, huma attakkaw u qatlu madwar 20 suldat taʼ l-għadu, u b’hekk qanqlu paniku sħiħ fl-għassa. Forsi l-Filistin ħasbu li ħafna gwerriera Iżraelin kienu se jsegwu lill-ewwel tnejn. Imbagħad, ir-rakkont jgħid: ‘Il-biżaʼ xtered man-nies taʼ l-għassa u triegħdet l-art, u ntilfu f’biżaʼ kbir.’ Minħabba t-terremot li kkaġuna Alla, inqalgħet konfużjoni fost il-Filistin, tant li bdew jużaw “ix-xwabel wieħed kontra l-ieħor.” Meta t-truppi Iżraelin raw dan, huma għamlu l-kuraġġ. Magħhom ngħaqdu l-Iżraelin li kienu qed jistaħbew u dawk li kienu ngħaqdu mal-Filistin u “kissru l-Filistin minn Mikmas sa Ajjalon.”—1 Samwel 14:11-23, 31.
Salvat mill-Poplu
Is-Sultan Sawl b’nuqqas t’għaqal seħet lil kwalunkwe wieħed mis-suldati tiegħu li kiel qabel ma ntrebħet il-battalja. Għal xi raġuni jew oħra, Ġonatan ma kienx jaf b’dan. Ġonatan kiel. Hu daħħal il-ħatar tiegħu f’xehda għasel u kiel ftit minnu. Milli jidher, dan tah l-enerġija li kellu bżonn biex jiġġieled sa l-aħħar.—1 Samwel 14:24-27.
X’ħin sar jaf li Ġonatan kien kiel, Sawl ordna li jingħata l-mewt. Ġonatan ma beżax mill-mewt. “Hawn jien lest għall-mewt,” hu qal. “U l-poplu wieġeb lil Sawl: ‘Sa jmut Ġonatan li ġieb din ir-rebħa kbira għal Iżrael? Ma jkun qatt. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ma taqax xagħra waħda minn rasu fl-art; għax [“kien m’Alla li ħadem,” NW] biex għamel dan illum.’ U l-poplu salva lil Ġonatan, u dan ma mietx.”—1 Samwel 14:38-45.
Qaddej t’Alla llum ma jiġġilidx fi gwerer letterali, imma jistaʼ jkun hemm ħafna drabi f’ħajtek meta int ukoll ikollok bżonn il-fidi u l-kuraġġ. Forsi jkun diffiċli li tagħmel dak li hu tajjeb meta dawk kollha taʼ madwarek qed jagħmlu l-ħażen. Madankollu, Ġeħova se jsaħħek u jbierek ix-xewqa tiegħek li tappoġġa l-livelli ġusti tiegħu. Għandek mnejn ikollok bżonn il-kuraġġ biex taċċetta xi privileġġ taʼ servizz fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, bħal per eżempju li żżid is-sehem tiegħek fil-ministeru, li taċċetta xi privileġġi ġodda, jew li tmur taqdi fejn il-bżonn għall-predikaturi tas-Saltna huwa akbar. Għandek mnejn titħasseb dwar jekk intix kwalifikat għall-inkarigu. Però, kun ċert li int qed tagħmel xi ħaġa tajba ħafna jekk qed tagħmel lilek innifsek disponibbli sabiex Ġeħova jkun jistaʼ jużak b’mod li hu jikkunsidrah bħala xieraq. Ftakar f’Ġonatan! “Kien m’Alla li ħadem.”
Ġonatan u David
Xi 20 sena wara, Gulija, l-aqwa ġellied Filisti, kasbar l-armata Iżraelija, imma David qatlu. Għalkemm Ġonatan x’aktarx li kien 30 sena akbar minnu, it-tnejn li huma kellhom ħafna affarijiet komuni bejniethom.a Il-kuraġġ li wera Ġonatan f’Mikmas kien jidher f’David ukoll. Fuq kollox, David kellu l-istess fidi fil-qawwa li Ġeħova għandu biex isalva, u dan għenu jiffaċċja lil Gulija bla biżaʼ meta l-Iżraelin l-oħrajn kollha beżgħu mill-isfida. Għalhekk, ġara li “qalb Ġonatan intrabtet maʼ qalb David, u Ġonatan ħabbu bħalu nnifsu.”—1 Samwel 17:1–18:4.
Għalkemm il-qlubija taʼ David ġagħlet lis-Sultan Sawl iqisu bħala rivali, Ġonatan ma ħass l-ebda għira għal David. Hu u David saru ħbieb tal-qalb, u x’aktarx li hekk kif tkellmu flimkien, Ġonatan sar jaf li David kien midluk biex ikun is-sultan li jmiss taʼ Iżrael. Ġonatan irrispetta d-deċiżjoni t’Alla.
Meta s-Sultan Sawl tkellem maʼ ibnu u l-qaddejja tiegħu rigward li joqtol lil David, Ġonatan wissa lil David. Ġonatan ikkonvinċa lil Sawl li ma kellux għalfejn jibżaʼ minn David. Tabilħaqq, David b’ebda mod ma kien dineb kontra s-sultan! Ma kienx David irriskja ħajtu meta ffaċċja lil Gulija? Id-difiża emozzjonata taʼ Ġonatan għan-nom tal-ħabib trattat ħażin tiegħu kkalmat lil Sawl. Madankollu, is-sultan ma damx ma reġaʼ beda jikkomplotta l-qtil u jagħmel attentati biex joqtol lil David, u b’hekk dan kellu jaħrab.—1 Samwel 19:1-18.
Ġonatan appoġġa lil David lealment. Iż-żewġt iħbieb iltaqgħu biex jaraw x’jistgħu jagħmlu. Leali lejn sieħbu u fl-istess ħin jistinka biex ikun leali lejn missieru, Ġonatan qal lil David: “Ma jkun qatt! Ma tmut qatt!” Madankollu, David qal lil Ġonatan: “Pass wieħed hemm bejni u bejn il-mewt.”—1 Samwel 20:1-3.
Ġonatan u David għamlu pjan biex isiru jafu x’inhuma l-intenzjonijiet taʼ Sawl. Jekk is-sultan jinnota li David ma kienx mal-mejda tiegħu, Ġonatan kellu jgħid lil missieru li David kien talab li jiġi skużat biex jieħu sehem f’sagrifiċċju maʼ familtu. Jekk Sawl kien jaġixxi b’rabja, dan kien sinjal t’ostilità kontra David. Ġonatan bierku u b’mod indirett irrikonoxxa l-kariga taʼ sultan li kien se jkollu fil-futur, billi qal: “Il-Mulej ikun miegħek bħalma kien maʼ missieri.” It-tnejn wiegħdu li se jkunu leali lejn xulxin u ddeċidew kif Ġonatan kien se jgħarraf lil David dwar ir-riżultat tal-prova.—1 Samwel 20:5-24.
Meta Sawl ra li David ma kienx hemm, Ġonatan spjega dak li David kien talbu: “Jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, ħallini mmur, jekk jogħġbok, nara lil ħuti.” Ġonatan ma beżax jammetti li David kellu l-favur tiegħu. Is-sultan kien inkorlat! Hu insulta lil Ġonatan u saħaq li David kien taʼ theddida għas-suċċessjoni taʼ ibnu bħala s-sultan. Sawl ordna lil Ġonatan biex imur iġib lil David bħala wieħed lest għall-qatla. Ġonatan wieġeb: “Għala għandu jmut? X’għamel?” F’dagħdigħa, Sawl iwaddab il-lanza tiegħu lejn ibnu. Ġonatan jirnexxilu jaħrab bla ma jweġġaʼ imma jħossu mnikket ferm f’qalbu għal David.—1 Samwel 20:25-34.
X’lealtà wera Ġonatan! Mill-ħarsa taʼ bniedem, hu ma kellux x’jikseb u kellu ħafna x’jitlef mill-ħbiberija tiegħu maʼ David. Madankollu, Ġeħova kien ordna li David kellu jkun sultan wara Sawl, u l-iskop taʼ Ġeħova kien għall-benefiċċju taʼ Ġonatan innifsu u t’oħrajn.
Jinfirdu bid-Dmugħ f’Għajnejhom
Ġonatan iltaqaʼ maʼ David bil-moħbi biex jagħtih l-aħbar. Kien jidher ċar li David ma setax jerġaʼ jidħol fil-palazz irjali taʼ Sawl. Iż-żewġt irġiel bkew u tgħannqu. Imbagħad David mar jistaħba.—1 Samwel 20:35-42.
Ġonatan reġaʼ ra lill-maħrub darb’oħra biss, meta David kien qed jistaħba minn Sawl “fix-xagħri taʼ Żif f’Ħores.” Kien dak il-ħin li Ġonatan inkuraġġixxa lil David bil-kliem: “La tibżax, għax Sawl missieri ma jaqbdikx f’idejh. Int għad issaltan fuq Iżrael, u jien inkun niġi warajk. U wkoll missieri jafu dan.” (1 Samwel 23:15-18) Ftit wara dan, Ġonatan u Sawl mietu f’battalja kontra l-Filistin.—1 Samwel 31:1-4.
Dawk kollha li jħobbu lil Alla jagħmlu tajjeb jekk jaħsbu dwar it-triq li segwa Ġonatan. Tiffaċċja int konflitt tal-lealtà? Mela ftakar li Sawl ħeġġeġ lil Ġonatan biex ifittex l-interessi tiegħu stess. Madankollu, Ġonatan onora lil Ġeħova b’sottomissjoni u riverenza mill-qalb u feraħ li l-wieħed li Alla għażel kien se jkun is-sultan li jmiss taʼ Iżrael. Iva, Ġonatan appoġġa lil David u kien leali lejn Ġeħova.
Ġonatan kellu kwalitajiet taʼ min jammirahom. Imitahom! Imbagħad in-nies ikunu jistgħu jgħidu dwarek bħalma qalu dwar Ġonatan: “Kien m’Alla li ħadem.”—1 Samwel 14:45, NW.
[Nota taʼ taħt]
a Ġonatan kellu minn taʼ l-inqas 20 sena l-ewwel darba li ssemma bħala kmandant militari fil-bidu tal-ħakma t’40 sena taʼ Sawl. (Numri 1:3; 1 Samwel 13:2) Għalhekk, Ġonatan kellu viċin is-60 sena meta miet madwar is-sena 1078 Q.E.K. Ladarba David kellu 30 sena dak iż-żmien, milli jidher Ġonatan kien madwar 30 sena akbar minn David.—1 Samwel 31:2; 2 Samwel 5:4.
[Stampa f’paġna 19]
Ġonatan m’għirx għal David