LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 10/1 pp. 26-30
  • Ħelsien mix-Xbieki tan-Nassâb

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħelsien mix-Xbieki tan-Nassâb
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Biżaʼ mill-​Bniedem
  • In-​Nassa tal-​Materjaliżmu
  • Ix-​Xibka taʼ Divertiment bla Siwi
  • Ix-​Xibka tad-​Differenzi Persunali
  • Fis-​Sigurtà “għall-​Kenn taʼ l-​Għoli”
  • Ibqaʼ fil-​post sigriet tal-​Iktar Għoli
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
  • Jehovah Hu l-Kenn Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Ieqfu lix-Xitan”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Aħna Nappartjenu lil Ġeħova—Att taʼ Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 10/1 pp. 26-30

Ħelsien mix-​Xbieki tan-​Nassâb

“[Ġeħova] jeħilsek mix-​xibka tan-​nassâb.”​—SALM 91:3.

1. Min hu n-​“nassâb,” u għala hu perikoluż?

IL-​KRISTJANI veri kollha jiffaċċjaw annimal tal-​priża, wieħed b’intelliġenza u makakkerija sovrumani. Salm 91:3 jirreferi għalih bħala n-​“nassâb.” Min hu dan l-​għadu? Mill-​ħarġa taʼ l-​1 taʼ Ġunju, 1883, din ir-​rivista identifikatu bħala ħadd ħlief Satana x-​Xitan. Dan l-​għadu qawwi jistinka b’makakkerija biex jiżvija u jaqbad fix-​xibka lin-​nies taʼ Ġeħova bħalma nassâb jipprova jaqbad għasfur f’xibka.

2. Satana għala huwa mxebbah maʼ nassâb?

2 Fiż-​żminijiet tal-​qedem, l-​għasafar kienu jinqabdu għall-​għana sabiħ tagħhom, għar-​rix kulurit tagħhom, kif ukoll għall-​ikel u għas-​sagrifiċċji. Madankollu, l-​għasafar min-​natura huma attenti, kreaturi li jgħassu, diffiċli biex jinqabdu. Għalhekk, nassâb fiż-​żminijiet Bibliċi l-​ewwel kien jistudja bir-​reqqa l-​karatteristiki u d-​drawwiet tat-​tip t’għasafar li jkun jixtieq jaqbad. Imbagħad, hu kien iħejji metodi makakki biex jaqbadhom fix-​xibka. Il-​fatt li l-​Bibbja xxebbah lil Satana maʼ nassâb jgħinna nifhmu l-​metodi li juża. Ix-​Xitan jistudjana bħala individwi. Hu josserva d-​drawwiet u l-​karatteristiki tagħna u jlesti xbieki sottili biex jipprova jaqbadna. (2 Timotju 2:​26) Jekk ninqabdu minnu jfisser rovina għar-​relazzjoni tagħna m’Alla u jistaʼ jwassal għall-​qerda finali tagħna. Għaldaqstant, għall-​protezzjoni tagħna, għandna bżonn nidentifikaw il-​metodi differenti “tan-​nassâb.”

3, 4. It-​tattiki taʼ Satana meta jixbhu lil dawk taʼ ljun? kobra?

3 Hekk kif juża lingwa deskrittiva, is-​salmista jxebbah ukoll it-​tattiki taʼ Satana maʼ dawk taʼ ljun żgħir jew taʼ kobra. (Salm 91:​13, NW) Bħal iljun, Satana xi drabi jagħmel attakk frontali u dirett permezz tal-​persekuzzjoni jew azzjoni min-​naħa tal-​gvern kontra n-​nies taʼ Ġeħova. (Salm 94:20) Persekuzzjoni bħal din għandha mnejn iġġiegħel lil xi wħud jitilqu lil Ġeħova. Madankollu, taʼ spiss dawn l-​attakki diretti jkollhom l-​effett oppost u jgħaqqdu iktar lin-​nies t’Alla. Imma, xi ngħidu dwar l-​attakki iktar sottili taʼ Satana, bħal dawk taʼ kobra?

4 Ix-​Xitan juża l-​intelliġenza sovrumana tiegħu biex jitfaʼ attakki qarrieqa u li jwasslu għall-​mewt bħal dawk taʼ serp velenuż minn post fil-​moħbi. B’dan il-​mod, hu rnexxielu jivvelena l-​moħħ taʼ xi wħud min-​nies t’Alla, billi qarraq bihom ħalli jagħmlu r-​rieda tiegħu minflok dik taʼ Ġeħova, b’riżultat traġiku. B’ferħ, il-​pjanijiet taʼ Satana nafuhom. (2 Korintin 2:​11) Ejja nikkunsidraw erbgħa mix-​xbieki li jwasslu għall-​mewt li huma użati min-​“nassâb.”

Biżaʼ mill-​Bniedem

5. Għala hija effettiva n-​nassa taʼ li wieħed “jibżaʼ mill-​bniedem”?

5 In-​“nassâb” jifhem ix-​xewqa normali tal-​bniedem li jkun jixtieq jiġi aċċettat u approvat minn oħrajn. Il-​Kristjani m’humiex indifferenti u ma jwebbsux qalbhom għal x’jaħsbu u xi jħossu dawk taʼ madwarhom. Billi jaf dan, ix-​Xitan jieħu pjaċir jinqeda bl-​interess tagħhom f’dak li n-​nies jaħsbu dwarhom. Per eżempju, hu jirnexxilu jaqbad fin-​nassa lil xi wħud min-​nies t’Alla billi jġegħelhom ‘jibżgħu mill-​bniedem.’ (Proverbji 29:25) Jekk minħabba l-​biżaʼ mill-​bniedem, il-​qaddejja t’Alla jingħaqdu m’oħrajn f’li jagħmlu dak li Ġeħova ma jridx jew iżommu lura milli jagħmlu dak li tikkmandahom il-​Kelma t’Alla, huma jkunu nqabdu f’nassa min-​“nassâb.”​—Eżekjel 33:8; Ġakbu 4:​17.

6. Liema eżempju juri kif żagħżugħ jistaʼ jinqabad min-​“nassâb”?

6 Per eżempju, żagħżugħ jistaʼ jċedi għall-​pressjoni minn sħabu taʼ l-​iskola u jpejjep sigarett. Għandu mnejn lanqas biss għaddielu minn moħħu li jpejjep sigarett dakinhar meta telaq għall-​iskola. Iżda, malajr qed jagħmel xi ħaġa li hi kemm taʼ ħsara għal saħħtu kif ukoll li ma togħġobx lil Alla. (2 Korintin 7:1) Kif tħajjar? Forsi involva ruħu maʼ ħbieb li m’humiex tajbin u beżaʼ li se jiddieħqu bih. Żgħażagħ, tħallux lin-​“nassâb” iħajjarkom u jitfagħkom fix-​xibka! Biex tevitaw li tinqabdu, oqogħdu attenti saħansitra minn kompromessi żgħar. Agħtu kas it-​twissija tal-​Bibbja biex tevitaw kumpanija ħażina.​—1 Korintin 15:33.

7. Satana kif jistaʼ jirnexxilu jġiegħel lil xi ġenituri jitilfu l-​bilanċ spiritwali tagħhom?

7 Il-​ġenituri Kristjani huma attenti ħafna dwar ir-​responsabbiltà Skritturali tagħhom biex jipprovdu materjalment għall-​familji tagħhom. (1 Timotju 5:8) Madankollu, il-​mira taʼ Satana hi li jġiegħel lill-​Kristjani jitilfu l-​bilanċ tagħhom rigward dan. Forsi xi wħud minnhom ħaduha d-​drawwa li jitilfu l-​laqgħat għax iċedu għall-​pressjoni mill-​imgħallmin tagħhom biex jaħdmu wara l-​ħin. Għandhom mnejn jibżgħu jistaqsu għal-​leave biex jattendu s-​sessjonijiet kollha taʼ konvenzjoni distrettwali ħalli jqimu lil Ġeħova maʼ ħuthom. Il-​protezzjoni kontra din in-​nassa hi li nafdaw f’Ġeħova. (Proverbji 3:​5, 6) Barra minn hekk, il-​fatt li niftakru li aħna membri tad-​dar taʼ Ġeħova u li hu obbliga lilu nnifsu biex jieħu ħsiebna se jgħinna nżommu l-​bilanċ tagħna. Ġenituri, għandkom fidi li Ġeħova b’xi mod jew ieħor se jieħu ħsieb lilkom u lill-​familja tagħkom meta tagħmlu r-​rieda tiegħu? Jew ix-​Xitan se jirnexxilu jaqbadkom biex tagħmlu r-​rieda tiegħu minħabba l-​biżaʼ mill-​bniedem? Aħna nħeġġukom tikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet bit-​talb.

In-​Nassa tal-​Materjaliżmu

8. B’liema mod Satana juża l-​ħajra għall-​materjaliżmu?

8 Satana juża wkoll il-​ħajra għall-​materjaliżmu biex jaqbadna fix-​xibka. Is-​sistema kummerċjali taʼ din id-​dinja taʼ spiss tippromwovi skemi li jwiegħdu l-​għana f’ħakka t’għajn u li saħansitra jistgħu jqarrqu b’xi wħud min-​nies t’Alla. Xi drabi, xi individwi għandhom mnejn jiġu mħeġġin: “Aħdem iebes. Meta tilħaq stat finanzjarju fiż-​żgur, int ma jkollokx għalfejn tibqaʼ taħdem iebes u tkun tistaʼ tgawdi l-​ħajja. Tistaʼ saħansitra taqdi bħala pijunier.” Kliem bħal dan jistaʼ jkun l-​irraġunar żbilanċjat taʼ xi wħud fil-​kongregazzjoni li jieħdu vantaġġ finanzjarju minn ħuthom irġiel u nisa fil-​kongregazzjoni Kristjana. Aħsibha sew dwar dan il-​motiv. Ma jirriflettix dan il-​ħsieb tar-​raġel għani u “iblah” tal-​parabbola taʼ Ġesù?​—Luqa 12:​16-​21.

9. Għala għandu mnejn li xi Kristjani jinqabdu fin-​nassa billi jkunu jixtiequ xi affarijiet?

9 Satana jħaddem is-​sistema mill-​agħar tiegħu b’tali mod li jinfluwenza lin-​nies biex jixtiequ xi affarijiet. Maż-​żmien, din ix-​xewqa tistaʼ tkun taʼ ħsara għall-​ħajja taʼ Kristjan, billi toħnoq il-​kelma u tagħmilha bla frott. (Marku 4:​19) Il-​Bibbja tinkuraġġina biex inkunu kuntenti b’dak li għandna x’nieklu u x’nitgħattew bih. (1 Timotju 6:8) Madankollu, ħafna jinqabdu fin-​nassa min-​“nassâb” għax ma japplikawx dan il-​parir għalihom infushom. Jistaʼ jkun li l-​kburija ġġegħelhom iħossuhom li huma jridu jżommu maʼ ċertu stil taʼ ħajja? Xi ngħidu għalina persunali? Ix-​xewqa biex nippossiedu l-​affarijiet iġġegħelna nqisu l-​qima vera tagħna bħala inqas importanti? (Ħaggaj 1:​2-8) B’sogħba, waqt żminijiet ekonomikament diffiċli, xi wħud issagrifikaw l-​ispiritwalità tagħhom sabiex iżommu l-​istil taʼ ħajja li jkunu trabbew fih. Attitudni materjalistika bħal din togħġbu lin-​“nassâb”!

Ix-​Xibka taʼ Divertiment bla Siwi

10. Liema eżami għandu jagħmel kull Kristjan?

10 Tattika oħra tan-​“nassâb” hi li jikkorrompi s-​sens naturali tan-​nies dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Mentalità simili bħal dik misjuba f’Sodoma u Gomorra influwenzat lill-​biċċa l-​kbira mill-​industrija tad-​divertiment. Anki r-​rapporti taʼ l-​aħbarijiet fuq it-​televixin u fir-​rivisti jenfasizzaw il-​vjolenza u jfaħħru l-​interess degradanti fis-​sess. Il-​biċċa l-​kbira minn dak li jidher bħala li hu divertiment fil-​mezzi tax-​xandir iċajpar il-​kapaċità tan-​nies “biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:14) Madankollu, ftakar fil-​kliem taʼ Ġeħova permezz tal-​profeta Isaija: “Gwaj għal dawk li jsejjħu tajjeb il-​ħażin, u ħażin it-​tajjeb!” (Isaija 5:​20) In-​“nassâb” effettwalek il-​mod kif taħsibha bla ma lanqas biss tinduna permezz taʼ divertiment bla siwi bħal dan? Hemm bżonn li teżamina lilek innifsek.​—2 Korintin 13:5.

11. Liema twissija kienet ngħatat f’din ir-​rivista dwar it-​telenovelli tat-​televixin?

11 Kważi 25 sena ilu, The Watchtower wissa bi mħabba lill-​aduraturi veri t’Alla dwar is-​serje taʼ novelli tat-​televixin.a Saret din l-​istqarrija dwar l-​impatt sottili tat-​telenovelli popolari: “It-​tfittxija għall-​imħabba tintuża bħala skuża aċċettabbli għal kwalunkwe kondotta. Per eżempju, żagħżugħa mhix miżżewġa u li se jkollha tarbija tgħid lill-​ħabiba tagħha: ‘Imma nħobbu lil Victor. Ma jinteressanix. . . . Huwa iktar importanti għalija li jkolli t-​tarbija tiegħu!’ Il-​mużika rilassanti fl-​isfond taljena lin-​nies milli jirrikonoxxu l-​mod taʼ ħajja immorali li hi tgħix. Int ukoll tħossok miġbud lejn Victor. Tħoss simpatija lejn it-​tfajla. Int ‘tifhimhom.’ ‘Tiskanta kemm tistaʼ tiġġustifika l-​mod kif taħsibha,’ qalet waħda li kienet tarahom u li iktar tard ġiet f’sensiha. ‘Aħna nafu li l-​immoralità hija ħażina. . . . Imma rrealizzajt li mentalment kont qed inħoss simpatija lejn il-​persuni immorali.’”

12. Liema fatti jindikaw kemm verament hija xierqa t-​twissija fi żmienna dwar ċerti programmi tat-​televixin?

12 Minn mindu ġew pubblikati dawn l-​artikli, dawn it-​tipi taʼ programmi degradanti żdiedu iktar. F’ħafna pajjiżi, programmi bħal dawn jixxandru 24 siegħa kuljum. Irġiel, nisa, u ħafna adoloxxenti jitimgħu lil imħuħhom u lil qlubhom taʼ spiss b’divertiment bħal dan. Iżda, ma rridux inqarrqu bina nfusna bi rraġunar falz. Nagħmlu ħażin jekk nirraġunaw li divertiment pervert bħal dan ma jagħmilx iktar ħsara minn dak li jidher fid-​dinja reali. Jistaʼ Kristjan tassew jiġġustifika lilu nnifsu billi jagħżel li jiddeverti permezz taʼ xorta taʼ nies li qatt ma joħlom li jistidinhom f’daru?

13, 14. Xi wħud kif esprimew il-​mod kif ibbenefikaw mit-​twissijiet dwar it-​televixin?

13 Ħafna bbenefikaw meta taw kas taʼ din it-​twissija provduta mill-​“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:​45-​47) Wara li qraw il-​parir ċar ibbażat fuq il-​Bibbja, xi wħud kitbu biex jgħidu kif l-​artikli kienu effettwawhom personalment.b Waħda stqarret: “Kont ili 13-il sena ma ngħix mingħajr ma nara t-​telenovelli. Kont mingħalija li l-​ispiritwalità tiegħi mhix se tiġi effettwata billi sempliċement nattendi l-​laqgħat Kristjani u kultant nieħu sehem fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Imma adottajt l-​attitudni tat-​telenovelli tad-​dinja li jekk żewġek jimmaltrattak jew jekk tħossok mhux maħbuba, l-​adulterju jkun ġustifikat​—hu jkun ġabu b’idejh. U għalhekk, meta ħassejtni ‘ġustifikata’ kkommettejt adulterju u dnibt kontra Ġeħova u żewġi.” Din il-​mara ġiet maqtugħa mis-​sħubija. Maż-​żmien, hi ġiet f’sensiha, nidmet, u reġgħet ġiet aċċettata lura. It-​twissija taʼ l-​artikli kontra t-​telenovelli tat-​televixin tatha s-​saħħa biex tirrifjuta li tibqaʼ tiddeverti b’dak li Ġeħova jobgħod.​—Għamos 5:​14, 15.

14 Qarrejja oħra li ħajjitha ġiet effettwata qalet: “Bkejt meta qrajt l-​artikli, għax skoprejt li qalbi ma baqgħetx iktar sħiħa lejn Ġeħova. Wegħedt lil Alla li ma kontx se nibqaʼ lsira taʼ din is-​serje taʼ novelli.” Wara li esprimiet gratitudni għall-​artikli, waħda mara Kristjana ammettiet kemm ma kinitx tgħix mingħajr it-​telenovelli u kitbet: “Bdejt naħseb dwar . . . jekk ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova setgħetx tiġi effettwata. Kif setaʼ jkolli ‘lilhom’ bħala ħbieb u fl-​istess ħin inkun ukoll ħabiba taʼ Ġeħova?” Jekk programmi tat-​televixin bħal dawn ħassru l-​qlub 25 sena ilu, liema impatt għandhom illum? (2 Timotju 3:​13) Irridu nkunu konxji tax-​xibka f’kull forma taʼ divertiment bla siwi taʼ Satana, kemm jekk huma telenovelli tat-​televixin, logħob vjolenti tal-​kompjuter, jew vidjos immorali tal-​mużika.

Ix-​Xibka tad-​Differenzi Persunali

15. Xi wħud kif jinqabdu mix-​Xitan?

15 Satana juża d-​differenzi persunali bħala xibka biex iġiegħel li jkun hemm firdiet fost in-​nies taʼ Ġeħova. Aħna nistgħu ninqabdu b’dan il-​mod minkejja l-​privileġġi tagħna taʼ servizz. Xi wħud jinqabdu mix-​Xitan għax iħallu d-​differenzi persunali jkissru l-​paċi u l-​unità u l-​prosperità spiritwali meraviljuża li tana Ġeħova.​—Salm 133:​1-3.

16. Satana kif b’ħażen baqaʼ jipprova jkisser l-​unità tagħna?

16 Matul l-​ewwel gwerra dinjija, Satana pprova jeqred il-​parti taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-​art permezz t’attakk frontali, imma ma rnexxilux. (Rivelazzjoni 11:​7-​13) Minn dakinhar ’l hawn, hu b’ħażen baqaʼ jipprova jkisser l-​unità tagħna. Meta nħallu d-​differenzi persunali jkissru l-​unità, inkunu pprovdejna bażi soda għan-​“nassâb.” B’hekk, nistgħu nfixklu lill-​ispirtu qaddis milli jaħdem fil-​ħajjiet persunali tagħna kif ukoll fil-​kongregazzjoni. Jekk jiġri hekk, Satana jieħu pjaċir għax kwalunkwe tkissir taʼ paċi u unità li jkun hemm fil-​kongregazzjoni jfixkel ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar.​—Efesin 4:​27, 30-​32.

17. X’jistaʼ jgħin lil dawk li għandhom id-​differenzi persunali biex isolvuhom?

17 X’tistaʼ tagħmel jekk għandek differenzi persunali maʼ xi ħadd minn sħabek Kristjani? Huwa minnu li kull sitwazzjoni hija unika. Madankollu, filwaqt li jistaʼ jkun hemm ħafna raġunijiet għalxiex iqumu l-​problemi, m’hemm l-​ebda raġuni għalxiex id-​differenzi persunali m’għandhomx jiġu solvuti. (Mattew 5:​23, 24; 18:​15-​17) Il-​parir fil-​Kelma t’Alla huwa ispirat u perfett. Meta l-​prinċipji Bibliċi jiġu applikati, dawn qatt ma jfallu. Dejjem iġibu riżultati tajbin!

18. Il-​fatt li nimitaw lil Ġeħova kif jgħinna nsolvu d-​differenzi persunali?

18 Ġeħova ‘jaħfer,’ u hu jagħti l-​maħfra vera. (Salm 86:5; 130:4) Meta nimitawh, nuru li aħna tfal maħbubin taʼ Ġeħova. (Efesin 5:1) Aħna lkoll midinbin u verament għandna bżonn il-​maħfra taʼ Ġeħova. B’hekk, irridu noqogħdu attenti jekk inħossu li m’għandniex naħfru lil xi ħadd. Nistgħu nsiru bħal dak l-​ilsir fil-​parabbola taʼ Ġesù li rrifjuta li jaħfer lill-​ilsir sieħbu dejn li kien ammont verament żgħir meta tqabblu mad-​dejn li sidu kien diġà ħafer lilu. Meta sar jaf is-​sid, hu tefaʼ fil-​ħabs lil dak l-​ilsir li ma ħafirx. Ġesù kkonkluda l-​parabbola billi qal: “Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-​sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.” (Mattew 18:​21-​35) Hekk kif nimmeditaw fuq din it-​tixbiha u nirriflettu fuq kemm-il darba Ġeħova ħafrilna liberalment żgur li se niġu megħjunin meta nkunu qed nipprovaw nirranġaw xi differenzi persunali maʼ ħuna!​—Salm 19:15 [19:​14, NW].

Fis-​Sigurtà “għall-​Kenn taʼ l-​Għoli”

19, 20. Kif għandna nqisuh il-​post “għall-​kenn” u d-​“dell” taʼ Ġeħova matul dawn iż-​żminijiet perikolużi?

19 Aħna ngħixu fi żminijiet perikolużi. Satana żgur li kien jeqridna lkoll li kieku ma kellniex il-​protezzjoni kollha mħabba taʼ Ġeħova. Għalhekk, biex nevitaw li ninqabdu fix-​xibka min-​“nassâb,” aħna rridu nibqgħu fil-​post figurattiv taʼ protezzjoni, ‘ngħixu għall-​kenn taʼ l-​Għoli,’ billi ‘ngħammru għad-​dell taʼ dak li jistaʼ kollox.’​—Salm 91:1.

20 Jalla dejjem inqisu t-​tfakkiriet u d-​direzzjonijiet taʼ Ġeħova bħala li huma protezzjoni, u qatt bħala restrizzjoni. Ilkoll kemm aħna qed niffaċċjaw annimal tal-​priża li għandu intelliġenza sovrumana. Mingħajr l-​għajnuna kollha mħabba taʼ Ġeħova, ħadd ma jirnexxilu jaħrab milli jinqabad fix-​xibka. (Salm 124:​7, 8) Mela, ħalli nitolbu biex Ġeħova jeħlisna mix-​xbieki tan-​“nassâb”!​—Mattew 6:​13.

[Noti taʼ taħt]

a The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1982, paġni 3-7.

b The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1983, paġna 23.

Tiftakar Int?

• Li wieħed “jibżaʼ mill-​bniedem” kif jistaʼ jkun xibka li twassal għall-​mewt?

• Ix-​Xitan kif jistaʼ juża l-​ħajra għall-​materjaliżmu?

• Satana kif irnexxielu jaqbad lil xi wħud fix-​xibka tad-​divertiment bla siwi?

• Liema xibka juża x-​Xitan biex ikisser l-​unità tagħna?

[Stampa f’paġna 27]

Xi wħud inqabdu fin-​nassa għax ‘jibżgħu mill-​bniedem’

[Stampa f’paġna 28]

Tiddeverti int b’dak li Ġeħova jobgħod?

[Stampa f’paġna 29]

X’tistaʼ tagħmel jekk għandek differenzi persunali maʼ Kristjan sieħbek?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja