Jehovah Hu l-Kenn Tagħna
“Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, . . . ebda deni ma jiġrilek.”—SALM 91:9, 10.
1. Għala nistgħu ngħidu li Jehovah hu l-kenn tagħna?
JEHOVAH hu kenn reali għan-nies tiegħu. Jekk aħna devoti għalkollox lejh nistgħu nkunu ‘magħfusin minn kullimkien, iżda mhux mgħattnin; imħassbin, iżda mhux qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda mhux abbandunati; mixħutin maʼ l-art, iżda mhux meqrudin.’ Għala? Għax Jehovah jagħtina qawwa iktar min-normal. (2 Korintin 4:7-9) Iva, Missierna tas-sema jgħinna nagħmlu l-almu tagħna biex ngħixu ħajja devota, u għalhekk jistaʼ jkollna għal qalbna l-kliem tas-salmista: “Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt l-Għoli għamara tiegħek. Ebda deni ma jiġrilek.”—Salm 91:9, 10.
2. X’jistaʼ jingħad dwar Salm 91 u dak li jwiegħed?
2 Dan il-kliem taʼ Salm 91 setaʼ nkiteb minn Mosè. Is-sopraskrizzjoni taʼ Salm 90 issemmi lil Mosè bħala l-kittieb taʼ dak is-salm, u Salm 91 jiġi eżatt warajh mingħajr ma jissemma xi kittieb ieħor. Forsi Salm 91 kien jitkanta b’mod antifonali, jiġifieri, l-ewwel kienet tkanta persuna waħda (91:1, 2), imbagħad ikun hemm kor li jweġibha (91:3-8). Imbagħad, x’aktarx kien jerġaʼ jinstemaʼ kantant wieħed (91:9a) u jkun hemm grupp li jwieġbu (91:9b-13). Il-kliem taʼ l-aħħar setaʼ jitkanta minn persuna waħda (91:14-16). Salm 91 iwiegħed sigurtà spiritwali lill-Kristjani midlukin bħala klassi u anki lil sħabhom, li huma wkoll dedikati lil Alla, jipprovdilhom bħala grupp l-istess assiguranza.a Ejja nikkunsidraw dan is-salm mill-ħarsa tal-qaddejja kollha taʼ Jehovah.
Fis-Sigurtà fil-‘Post Sigriet t’Alla’
3. (a) X’inhu ‘l-post sigriet taʼ l-Għoli’? (b) X’nesperjenzaw billi ‘ngħammru għad-dell taʼ Dak li jistaʼ kollox’?
3 Is-salmista jkanta: “Int li tgħix għall-kenn [“fil-post sigriet,” “NW”] taʼ l-Għoli, li tgħammar għad-dell taʼ dak li jistaʼ kollox, għid lill-Mulej: ‘Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.’” (Salm 91:1, 2) ‘Il-post sigriet taʼ l-Għoli’ huwa post figurattiv li joffrilna protezzjoni, speċjalment lill-midlukin, li huma l-mira speċjali tax-Xitan. (Apokalissi 12:15-17) Kollha kien jeqridna kieku ma kienx għall-protezzjoni li ngawdu bħala wħud li jgħammru bħala mistiedna spiritwali t’Alla. Billi ‘ngħammru għad-dell taʼ Dak li jistaʼ kollox,’ nesperjenzaw id-dell tal-protezzjoni t’Alla. (Salm 15:1, 2; 121:5) M’hemm l-ebda kenn aħjar jew fortizza iktar qawwija mill-Mulej Sovran tagħna, Jehovah.—Proverbji 18:10.
4. Liema għodod juża n-“nassab,” Satana, u aħna kif naħarbu?
4 Is-salmista jkompli: “Għax hu [Jehovah] jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt [“mill-pestilenza li qiegħda tikkaġuna l-għawġ,” “NW”].” (Salm 91:3) In-nassab f’Iżrael tal-qedem taʼ spiss kien jaqbad l-għasafar permezz taʼ nases jew xbieki. Fost in-nases li juża “n-nassab,” Satana, insibu l-organizzazzjoni mill-agħar tiegħu u “t-tnassis” tiegħu, jew bħalma tpoġġiha n-nota taʼ taħt fin-New World Translation, “l-atti makakki” tiegħu. (Efesin 6:11) Fil-mogħdija tagħna nsibu ħafna xbieki moħbijin biex iġagħluna naqgħu fil-ħażen u jkissruna spiritwalment. (Salm 142:4 [142:3, NW]) Madankollu, ladarba ċħadna n-nuqqas taʼ tjieba, ‘ħajjitna hija bħal għasfur li ħarab mix-xbiek.’ (Salm 124:7, 8) Kemm aħna grati li Jehovah jeħlisna minn dan in-“nassab” mill-agħar!—Mattew 6:13, NW.
5, 6. Liema tip taʼ “pestilenza” kkaġunat l“għawġ,” imma n-nies taʼ Jehovah għala ma jċedux għaliha?
5 Is-salmista jikteb “il-pestilenza li qiegħda tikkaġuna l-għawġ.” Bħal marda li tittieħed u ssir epidemija, hemm xi ħaġa li tikkaġuna “l-għawġ” għall-familja umana u għal dawk li jappoġġaw is-sovranità taʼ Jehovah. Dwar dan, il-kittieb taʼ l-istorja Arnold Toynbee kiteb: “Mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, in-numru taʼ stati lokali, indipendenti, u sovrani rdoppja minħabba n-nazzjonaliżmu . . . L-attitudni preżenti tal-bniedem kull ma tmur qed iġġib dejjem iżjed firda.”
6 Matul is-sekli, ċerti ħakkiema komplew jitfgħu l-ħatab fin-nar, u l-inkwiet u l-firda internazzjonali komplew jiżdiedu. Huma riedu wkoll li l-qima tingħata lilhom jew lil diversi xbihat jew simboli. Imma Jehovah qatt ma ħalla n-nies leali tiegħu jċedu għal “pestilenza” bħal din. (Danjel 3:1, 2, 20-23, 91(24)-94(27) [3:1, 2, 20-27, NW]; 6:8-11, 17-23 [6:7-10, 16-22, NW]) Bħala fratellanza internazzjonali kollha mħabba, aħna nagħtu lil Jehovah devozzjoni esklużiva, inżommu newtralità Skritturali, u mingħajr preġudizzji nagħrfu li Alla “jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35; Eżodu 20:4-6; Ġwann 13:34, 35; 17:16; 1 Pietru 5:8, 9) Għalkemm bħala Kristjani ngħaddu mill-“għawġ” fil-forma taʼ persekuzzjonijiet, aħna ferħanin u nħossuna f’sigurtà spiritwali ‘fil-post sigriet taʼ l-Għoli.’
7. Jehovah kif jipproteġina “bir-rix tiegħu”?
7 B’Jehovah bħala l-kenn tagħna, aħna nieħdu faraġ mill-kliem: “Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn, għax tarka u kurazza [“sur,” “NW”] l-fedeltà tiegħu.” (Salm 91:4) Alla jipproteġina, bħalma għasfura tittajjar fuq il-frieħ tagħha biex tipproteġihom. (Isaija 31:5) ‘Bir-rix tiegħu jgħattina.’ L-għasfura tgħatti l-frieħ tagħha bir-rix tagħha, jew bi ġwenħajha, biex tipproteġihom mill-predaturi. Bħall-frieħ, aħna fis-sigurtà taħt il-ġwienaħ figurattivi taʼ Jehovah għax sibna kenn fl-organizzazzjoni Kristjana vera tiegħu.—Rut 2:12; Salm 5:2, 12 (5:1, 11, NW).
8. “Il-fedeltà” taʼ Jehovah kif inhi bħal tarka kbira u sur?
8 Aħna nafdaw fil-“fedeltà.” Din hi bħal tarka kbira taʼ żmien il-qedem, li taʼ spiss kienet tkun rettangolari u kbira biżżejjed biex tgħatti l-ġisem kollu kemm hu. (Salm 5:13 [5:12, NW]) Il-fiduċja fi protezzjoni bħal din teħlisna mill-biżaʼ. (Ġenesi 15:1; Salm 84:12 [84:11, NW]) Il-fedeltà t’Alla, bħall-fidi tagħna, hi bħal tarka kbira u protettiva li twaqqaf il-missili jaħarqu taʼ Satana u tilqaʼ d-daqqiet taʼ l-għadu. (Efesin 6:16) Hija wkoll sur, barrikata b’saħħitha taʼ difiża li warajha nżommu sod.
‘Ma Nibżgħux’
9. Għala l-lejl jistaʼ jkun ħin li jqanqal il-biżaʼ, imma aħna għaliex ma nibżgħux?
9 Rigward il-protezzjoni t’Alla, is-salmista jgħid: “Ma tibżax mill-biżaʼ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar, minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar.” (Salm 91:5, 6) Ladarba ħafna mill-agħar għemejjel isiru fis-satra tal-lejl, dan il-ħin jistaʼ jqanqal il-biżaʼ. Fid-dlam spiritwali li issa qed jiksi l-art, l-għedewwa tagħna taʼ spiss jirrikorru għal atti qarrieqa fl-isforz tagħhom biex ikissrulna l-ispiritwalità tagħna u jwaqqfu x-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar. Imma aħna ‘ma nibżgħux mill-biżaʼ tal-lejl’ għax Jehovah iħarisna.—Salm 64:2, 3 (64:1, 2, NW); 121:4; Isaija 60:2.
10. (a) X’donnu li qed tindika l-“vleġġa li tittajjar binhar,” u aħna kif nirreaġixxu għal dan? (b) X’inhi n-natura tal-“pesta li tixtered fid-dlam,” u għala ma nibżgħux minnha?
10 Il-“vleġġa li tittajjar binhar” donnu li qed tindika attakk verbali. (Salm 64:4-6 [64:3-5, NW]; 94:20) Hekk kif nippersistu biex nippreżentaw informazzjoni vera, oppożizzjoni sfaċċata bħal din għas-servizz sagru tagħna tkun kollha għalxejn. Iktar minn hekk, aħna ma nibżgħux ‘mill-pesta li tixtered fid-dlam.’ Din hi pesta figurattiva li tinfirex fid-dalma taʼ din id-dinja marida moralment u reliġjożament u li qiegħda fil-kontroll taʼ Satana. (1 Ġwann 5:19) Tmewwet lill-moħħ u lill-qalb, u tħalli lin-nies fl-injoranza dwar Jehovah, l-iskopijiet, u l-provvedimenti taʼ mħabba tiegħu. (1 Timotju 6:4) F’din id-dalma kollha, m’aħniex se nibżgħu ladarba qed ingawdu abbundanza taʼ dawl spiritwali.—Salm 43:3.
11. X’jiġrilhom dawk li jesperjenzaw “ħerba f’nofsinhar”?
11 Lanqas il-“marda li ġġib ħerba f’nofsinhar” ma tbeżżagħna. “Nofsinhar” jistaʼ jirreferi għall-hekk imsejjaħ tidwil dinji. Dawk li jċedu għall-modi materjalistiċi tagħha jitkissru spiritwalment. (1 Timotju 6:20, 21) Hekk kif niddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna bi qlubija, ma nibżgħu mill-ebda għadu tagħna għax Jehovah hu l-Protettur tagħna.—Salm 64:2 (64:1, NW); Proverbji 3:25, 26.
12. Maġenb min “jaqgħu” eluf, u b’liema mod?
12 Is-salmista jkompli: “Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq lemintek. Imma lejk id-deni ma jersaqx. . . . Int dan tarah biss b’għajnejk, tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.” (Salm 91:7, 8) Ladarba jonqsu li jagħmlu lil Jehovah il-kenn tagħhom, ħafna “jaqgħu” mejtin spiritwalment ‘maġenbna.’ Fil-fatt, “għaxart elef” waqgħu fuq ‘il-leminija’ taʼ Iżrael spiritwali taʼ żmienna. (Galatin 6:16) Imma sew jekk aħna Kristjani midlukin jew inkella sħabhom dedikati lil Alla, il-“post sigriet” t’Alla jagħtina sigurtà. Aħna ‘naraw biss b’għajnejna l-ħlas li jieħdu l-ħżiena,’ li qed jaħsdu l-inkwiet b’mod kummerċjali u reliġjuż u b’modi oħra wkoll.—Galatin 6:7.
‘Ma Jiġrilna Ebda Deni’
13. Liema tip taʼ deni ma jiġix fuqna, u għala?
13 Għalkemm is-sigurtà taʼ din id-dinja qed titfarrak, aħna npoġġu lil Alla l-ewwel u ninkuraġġixxu ruħna bil-kliem tas-salmista: “Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt l-Għoli għamara tiegħek. Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek.” (Salm 91:9, 10) Iva, Jehovah hu l-kenn tagħna. Madankollu, aħna nagħmlu wkoll lil Alla l-Għoli “l-għamara” tagħna fejn m’hemm l-ebda periklu. Infaħħru lil Jehovah bħala s-Sovran Universali, ‘ngħammru’ fih bħala s-Sors tas-sigurtà, u niddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu. (Mattew 24:14) Għalhekk, ‘ma jiġrilna l-ebda deni’—l-ebda ħaġa mill-affarijiet kollha li ssemmew fil-bidu taʼ dan is-salm. Saħansitra meta nesperjenzaw bħal ħaddieħor xi hemm kbir bħal terremot, uragan, għargħar, ġuħ, u l-effetti distruttivi tal-gwerra, dan ma jkissrilniex il-fidi tagħna jew is-sigurtà spiritwali tagħna.
14. Bħala l-qaddejja taʼ Jehovah, għala m’aħniex infettati b’mard fatali?
14 Il-Kristjani midlukin huma bħal residenti barranin li qed jgħixu fi djar maqtugħin għalihom minn din is-sistema t’affarijiet. (1 Pietru 2:11) ‘L-ebda ħsara ma tersaq lejn darhom.’ Sew jekk it-tama tagħna hi għas-sema jew inkella għall-art, m’aħna l-ebda parti mid-dinja, u m’aħniex infettati bil-mard tagħha li huwa fatali spiritwalment bħalma huma l-immoralità, il-materjaliżmu, ir-reliġjon falza, u l-qima tal-bhima salvaġġa u x-“xbieha” tagħha, il-Ġnus Magħquda.—Apokalissi 9:20, 21; 13:1-18; Ġwann 17:16.
15. F’liema aspetti għandna l-għajnuna taʼ l-anġli?
15 Dwar il-protezzjoni li ngawdu, is-salmista jżid: “Għax l-anġli tiegħu hu [Jehovah] jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx maʼ xi ġebla riġlek.” (Salm 91:11, 12) L-anġli ngħataw is-setgħa li jipproteġuna. (2 Slaten 6:17; Salm 34:8-10 [34:7-9, NW]; 104:4, NW; Mattew 26:53; Luqa 1:19) Huma jħarsuna ‘fit-triqat kollha tagħna.’ (Mattew 18:10) Bħala proklamaturi tas-Saltna ngawdu gwida u ħarsien anġeliku u ma nitfixklux spiritwalment. (Apokalissi 14:6, 7) Saħansitra lanqas ‘ġebel’ bħal projbizzjonijiet fuq ix-xogħol tagħna ma jġagħluna nitfixklu jew nitilfu l-favur divin.
16. L-attakk taʼ ljun żgħir kif inhu differenti minn dak taʼ kobra, u aħna kif nirreaġixxu għal dawn l-attakki?
16 Is-salmista jkompli: “Fuq l-iljun [“żgħir,” “NW”] u l-lifgħa [“kobra,” “NW”] int timxi, ferħ taʼ ljun u serp [“kbir,” “NW”] int tirfes.” (Salm 91:13) Sewwa sew bħalma ljun żgħir jagħmel attakk frontali u dirett, xi wħud mill-għedewwa tagħna juru l-oppożizzjoni tagħhom bil-miftuħ billi jgħaddu liġijiet imfasslin sabiex iwaqqfu x-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar. Iżda minbarra dawn, isirulna wkoll attakki għal għarrieda bħal dawk taʼ kobra li tattakka minfejn tkun moħbija. Xi kultant, minn wara l-kwinti, il-kleru jattakkana billi juża lil dawk li jagħmlu l-liġijiet, kif ukoll imħallfin, u oħrajn. Imma bl-appoġġ taʼ Jehovah, aħna nfittxu li nirranġaw is-sitwazzjoni paċifikament fil-qrati, u b’hekk ‘niddefendu u nistabbilixxu legalment l-aħbar tajba.’—Filippin 1:7, NW; Salm 94:14, 20-22.
17. Kif nirfsu fuq “il-ferħ taʼ ljun”?
17 Is-salmista jitkellem dwar l-irfis fuq ‘il-ferħ taʼ ljun u s-serp kbir.’ Ferħ taʼ ljun jistaʼ jkun feroċi mhux ħażin, u serp kbir jistaʼ jkun rettili taʼ kobor enormi. (Isaija 31:4) Madankollu, ikun kemm ikun feroċi l-ferħ taʼ ljun meta jagħmel attakk frontali, aħna b’mod figurattiv nirfsu fuqu billi nobdu iktar lil Alla iktar milli lill-bnedmin jew ’l-organizzazzjonijiet li qishom iljuni. (Atti 5:29) Għalhekk, l-“iljun” mimli theddid ma jagħmlilna xejn spiritwalment.
18. F’min jistaʼ jfakkarna ‘s-serp kbir,’ u x’irridu nagħmlu jekk jattakkana?
18 Fis-Settanta Griega, ‘is-serp kbir’ huwa msejjaħ “dragun.” Dan ifakkarna fid-“Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan.” (Apokalissi 12:7-9; Ġenesi 3:15) Hu bħal rettili mostruż li kapaċi jfarrak u jiblaʼ l-priża tiegħu. (Ġeremija 51:34) Meta Satana jkun qed jipprova jitkebbeb magħna, ifarrakna bil-pressjonijiet taʼ din id-dinja, u jiblagħna, ejja neħilsu mill-irbit tiegħu u nirfsu fuq dan ‘is-serp kbir.’ (1 Pietru 5:8) Il-fdal midluk hekk jeħtieġ li jagħmel jekk irid li jkollu sehem mit-twettiq taʼ Rumani 16:20.
Jehovah —Is-Sors tas-Salvazzjoni Tagħna
19. Għala nsibu kenn f’Jehovah?
19 Rigward l-adoratur veru, is-salmista jirrappreżenta lil Alla bħala li qed jgħid: “La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu.” (Salm 91:14) Il-frażi “jiena nħarsu” letteralment hija, “ngħollih ’il fuq,” jiġifieri, fejn wieħed ma jilħaqx. Aħna nsibu kenn f’Jehovah bħala l-adoraturi tiegħu speċjalment għax ‘tħabbibna miegħu.’ (Mark 12:29, 30; 1 Ġwann 4:19) Min-naħa tiegħu, Alla ‘jeħlisna’ mill-għedewwa tagħna. Qatt m’aħna se ninqerdu minn wiċċ l-art. Minflok, se niġu salvati għax nafu u nsejħu l-isem divin bil-fidi. (Rumani 10:11-13) Ukoll aħna determinati li ‘nimxu f’isem Jehovah għal dejjem.’—Mikea 4:5; Isaija 43:10-12.
20. Bħalma jagħlaq Salm 91, Jehovah xi jwiegħdu lill-qaddej leali tiegħu?
20 Bħalma jagħlaq Salm 91, Jehovah jgħid hekk dwar il-qaddej leali tiegħu: “Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu; u b’għomor twil nimlieh, nurih is-salvazzjoni tiegħi.” (Salm 91:15, 16) Meta nitolbu lil Jehovah fi qbil mar-rieda tiegħu, hu jweġibna. (1 Ġwann 5:13-15) Aħna diġà għaddejna minn ħafna niket minħabba l-mibegħda li Satana qanqal kontrina. Imma l-kliem “miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu” jippreparana għall-provi li qed jistennewna fil-futur u jaċċertana li Alla se jsostnina meta din is-sistema mill-agħar se tinqered.
21. Kif diġà ġew glorifikati l-midlukin?
21 Minkejja l-oppożizzjoni qalila taʼ Satana, il-Kristjani midlukin kollha li għad baqaʼ fostna se jiġu glorifikati fis-sema fiż-żmien imwaqqat taʼ Jehovah—wara “għomor twil” fuq l-art. Madankollu, il-mod taʼ l-għaġeb li bih Alla jidħol għall-midlukin biex jeħlishom diġà gglorifikahom spiritwalment. U kemm iħossuhom onorati li f’dawn l-aħħar jiem qed ikunu minn taʼ quddiem bħala Xhieda taʼ Jehovah fuq l-art! (Isaija 43:10-12) Iżda l-aqwa salvataġġ li Jehovah se jwettaq fuq il-poplu tiegħu se jseħħ matul il-gwerra kbira tiegħu t’Armageddon meta se jivvindika s-sovranità tiegħu u jkompli jqaddes lil ismu.—Salm 83:19 (83:18, NW); Eżekjel 38:23; Apokalissi 16:14, 16.
22. Min se ‘jara s-salvazzjoni’ taʼ Jehovah?
22 Sew jekk aħna mill-midlukin inkella sħabhom dedikati lil Alla, ilkoll niddependu minn Alla għas-salvazzjoni. Matul “Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ,” dawk li qed jaqdu lealment lil Alla se jiġu salvati. (Ġoel 3:3-5 [2:30-32, NW]) Dawk minna li se jifformaw il-“kotra kbira” li se tgħaddi għad-dinja l-ġdida t’Alla u li se jibqgħu leali matul it-test finali se ‘jimtlew b’għomor twil’—ħajja mingħajr tmiem. Alla se jqajjem ukoll għadd kbir taʼ nies mill-mewt. (Apokalissi 7:9; 20:7-15) Tabilħaqq, Jehovah se jieħu pjaċir ħafna ‘jurina s-salvazzjoni’ permezz taʼ Ġesù Kristu. (Salm 3:9 [3:8, NW]) B’dawn il-prospetti meraviljużi quddiemna, ejja nkomplu nfittxu l-għajnuna t’Alla ħalli ngħoddu jiem ħajjitna għall-glorja tiegħu. Bi kliemna u b’għemilna, jalla nkomplu nuru li Jehovah hu l-kenn tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kittieba taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana ma tkellmux fuq Salm 91 mil-lat taʼ profezija Messjanika. M’għandniex xi ngħidu, Jehovah kien kenn u fortizza qawwija għal Ġesù Kristu bħala bniedem, sewwa sew bħalma hu għas-segwaċi midlukin taʼ Ġesù u sħabhom bħala grupp f’dan iż-“żmien taʼ l-aħħar.”—Danjel 12:4.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhu l-“post sigriet taʼ l-Għoli”?
• Aħna għala ma nibżgħux?
• Kif inhu li aħna ‘ma jiġrilna ebda deni’?
• Għala nistgħu ngħidu li Jehovah hu s-sors tagħna taʼ salvazzjoni?
[Stampa f’paġna 17]
Taf kif il-fedeltà taʼ Jehovah hi tarka kbira għalina?
[Stampi f’paġna 18]
Jehovah jgħin lill-qaddejja tiegħu biex iwettqu l-ministeru tagħhom minkejja attakki għal għarrieda u oppożizzjoni diretta
[Sors]
Kobra: A. N. Jagannatha Rao, Trustee, Madras Snake Park Trust ▼