Għandek Tgħix Biss għal-Lum?
“QATT ma naħseb dwar il-futur. Dan malajr jasal.” Dan il-kliem li spiss jiġi kwotat intqal mix-xjenzat famuż Albert Einstein. Ħafna nies iħossuhom l-istess. Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu: “Għala għandek tinkwieta dwar il-futur?” Jew għandek mnejn smajt lil min jgħid stqarrijiet bħal: “Kompli għix ħajtek.” “Għix għal-lum.” “Insieh il-futur.”
M’għandniex xi ngħidu, din l-attitudni komuni m’hijiex ġdida. “Kul, ixrob, gawdi. Il-kumplament mhux importanti.” Dan kien il-motto taʼ l-Epikurin tal-qedem. Xi wħud li kienu jgħixu fi żmien l-appostlu Pawlu kellhom ħarsa simili. Huma kienu jgħidu: “Ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.” (1 Korintin 15:32) Huma kienu jemmnu li din il-ħajja qasira hi dak kollu li għandna, u għalhekk kienu jippromwovu l-idea li għandna nieħdu kull vantaġġ mill-ħajja.
Għal miljuni t’abitanti taʼ l-art, li tieħu vantaġġ mill-ħajja żgur li ma jfissirx li tiġri b’mod sfrenat wara l-pjaċiri. Iċ-ċirkustanzi diffiċli li ħafna jsibu ruħhom fihom jagħmlulhom ħajjithom illum xejn ħlief ġlieda kontinwa u taʼ niket biex jibqgħu għaddejjin. Għala għandhom jaħsbu dwar il-futur, li ħafna drabi jidher tant ikrah u bla tama?
Għandna Nippjanaw għall-Futur?
Anki nies f’ċirkustanzi inqas diffiċli spiss ma jarawx għalfejn għandhom jagħmlu pjanijiet għall-futur. Huma jistaqsu: “Għala għandek tħabbel moħħok?” Xi wħud forsi jirraġunaw li dawk li jippjanaw fl-aħħar jispiċċaw imqarrqin u diżappuntati. Anki l-patrijarka Ġob taż-żminijiet tal-qedem esperjenza disperazzjoni kbira meta ra l-pjanijiet tiegħu sempliċement ‘jgħosfru,’ meta tħassar dak kollu li kien għamel biex hu u l-familja tiegħu jkollhom futur hieni.—Ġob 17:11; Koħèlet 9:11.
Il-poeta Skoċċiż Robert Burns qabbel is-sitwazzjoni diffiċli tagħna maʼ dik taʼ ġurdien li jgħix fl-għelieqi u li l-bejta tiegħu, mingħajr ma ried, Burns qeridha bix-xafra tal-moħriet tiegħu. Il-ġurdien ġera biex isalva ħajtu wara li d-dinja tiegħu kienet tfarrket għalkollox. Il-poeta ħaseb: ‘Iva, kemm-il darba nsibu lilna nfusna bla saħħa meta niffaċċjaw ġrajjiet li ma jkollna l-ebda kontroll fuqhom meta saħansitra anki l-iktar proġetti maħsubin sew ħafna drabi jiġu fix-xejn.’
Għalhekk, jagħmel sens li tippjana għall-futur? Il-fatt hu li nuqqas taʼ ppjanar tajjeb jistaʼ jkollu riżultati diżastrużi meta jseħħu xi uragani jew diżastri naturali oħrajn. Veru, ħadd ma setaʼ jwaqqaf lill-Uragan Katrina, biex nieħdu eżempju. Imma li kieku kien hemm iktar ħsieb minn qabel u ppjanar ma kinux jitnaqqsu ħafna iktar l-effetti fuq il-belt u l-abitanti tagħha?
X’taħseb? Jagħmel verament sens li tgħix biss għal-lum u tinjora l-futur? Ikkunsidra x’għandu x’jgħid l-artiklu li jmiss fuq dan is-suġġett.
[Stampi f’paġna 3]
“Kul, ixrob, gawdi. Il-kumplament mhux importanti”
[Stampa f’paġna 4]
Ma setgħux ħsieb minn qabel u ppjanar inaqqsu l-effetti taʼ l-Uragan Katrina?
[Sors]
U.S. Coast Guard Digital