Ersaq Lejn id-Dawl
IL-FANALI tal-port salvaw għadd kbir taʼ ħajjiet. Però, għal vjaġġatur għajjien, xi dawl li jidher fil-bogħod huwa iktar minn sempliċi twissija li hemm sikek perikolużi. Jurih ukoll li d-destinazzjoni tiegħu hija fil-qrib. B’mod simili, il-Kristjani llum qed joqorbu lejn it-tmiem taʼ vjaġġ twil, wieħed li għaddiehom minn dinja mudlama u perikoluża spiritwalment. Fil-Bibbja, l-umanità in ġenerali—l-għadd taʼ wħud imbegħdin minn Alla—huma mqabblin maʼ “baħar imqanqal, li ma jistaʼ jsib kwiet b’xejn, u ilmijietu jqanqlu ħama u tajn.” (Isaija 57:20) Il-poplu t’Alla hu mdawwar minn ambjent bħal dan. Madankollu, għandu prospett sabiħ taʼ salvazzjoni, li għalih huwa dawl figurattiv taʼ min joqgħod fuqu. (Mikea 7:8) Grazzi għal Ġeħova u l-Kelma miktuba tiegħu, “[feġġ] id-dawl fuq il-ġust, u l-hena għal qalb in-nies sewwa.”—Salm 97:11.a
Però, xi Kristjani ħallew ċerti aljenazzjonijiet jiġbduhom ’il bogħod mid-dawl taʼ Ġeħova tant li l-fidi tagħhom ġarrbet nawfraġju fuq dak li nistgħu nqabbluh maʼ blat perikoluż—il-materjaliżmu, l-immoralità, jew saħansitra l-apostasija. Iva, bħal fl-ewwel seklu, xi wħud illum “ġarrbu nawfraġju fil-fidi tagħhom.” (1 Timotju 1:19; 2 Pietru 2:13-15, 20-22) Id-dinja l-ġdida tistaʼ titqabbel mal-port li lejh sejrin. Peress li hija tant viċin issa, xi traġedja tkun li xi ħadd jitlef il-favur taʼ Ġeħova!
Evita ‘Nawfraġju fil-Fidi Tiegħek’
Fis-sekli li għaddew, bastiment setaʼ jbaħħar f’baħar miftuħ mingħajr perikli imma mbagħad iġarrab nawfraġju hekk kif javviċina l-port. Spiss l-iktar parti perikoluża tal-vjaġġ kienet tkun hekk kif il-bastiment ikun riesaq lejn l-art. B’mod simili, għal ħafna l-iktar perijodu perikoluż fl-istorja tal-bniedem hu “l-aħħar jiem” taʼ din is-sistema dinjija. Il-Bibbja tiddeskrivi tajjeb dawn il-jiem bħala li huma “diffiċli biex issib tarfhom,” speċjalment għal Kristjani dedikati.—2 Timotju 3:1-5.
Għala huma daqstant diffiċli dawn l-aħħar jiem? Għaliex Satana jaf li “żmien qasir baqagħlu” li fih jistaʼ jiggwerra kontra l-poplu t’Alla. Għalhekk, hu intensifika l-kampanja kiefra tiegħu biex jeqred il-fidi tagħhom. (Rivelazzjoni 12:12, 17) Madankollu, aħna m’aħniex bla għajnuna u gwida. Ġeħova jkompli jkun taʼ kenn għal dawk li jagħtu widen għall-pariri tiegħu. (2 Samwel 22:31) Hu forniena b’eżempji taʼ twissija li jikxfu l-pjanijiet makakki imma mill-agħar taʼ Satana. Issa ejja nikkunsidraw tnejn minn dawn l-eżempji li jinvolvu l-ġens taʼ Iżrael hekk kif avviċina l-Art Imwiegħda.—1 Korintin 10:11; 2 Korintin 2:11.
Qrib l-Art Imwiegħda
B’Mosè bħala l-mexxej tagħhom, il-poplu taʼ Iżrael irnexxielu jaħrab mill-Eġittu. Il-poplu ma damx ma qorob lejn il-fruntiera tan-nofsinhar taʼ l-Art Imwiegħda. Mosè mbagħad bagħat 12-il raġel biex jispijaw l-art. Għaxar spiji żleali ġabu lura rapport negattiv, billi qalu li Iżrael ma kienx se jirnexxilu jegħleb il-Kangħanin minħabba li kienu “nies twal” u b’saħħithom militarment. Dan kif effettwa lill-Iżraelin? Ir-rakkont jgħidilna li bdew igergru kontra Mosè u Aron, billi qalu: “Għalfejn se jdaħħalna l-Mulej f’dan il-pajjiż, biex ninqerdu bix-xabla? In-nisa tagħna u wliedna se jeħduhomlna bi priża. . . . nagħżlu mexxej, u nerġgħu lura lejn l-Eġittu”!—Numri 13:1, 2, 28-32; 14:1-4.
Immaġina! Dawn l-istess nies kienu raw lil Ġeħova jumilja lill-Eġittu setgħan—il-qawwa dinjija taʼ dak iż-żmien—permezz t’għaxar kastigi qerrieda u miraklu taʼ l-għaġeb fil-Baħar l-Aħmar. U l-Art Imwiegħda kienet eżatt quddiemhom, allura kellhom biss jersqu lejha sewwasew bħalma bastiment jersaq lejn id-dawl li jimmarka d-destinazzjoni tiegħu. Madankollu, huma kienu jemmnu li Ġeħova ma kienx kapaċi jegħleb is-saltniet tal-bliet mifrudin taʼ Kangħan li kienu insinifikanti meta mqabblin maʼ l-Eġittu. Min jaf kemm din ir-reazzjoni bla fidi ddiżappuntat lil Alla u lil Ġożwè u Kaleb, iż-żewġ spiji kuraġġużi, li ħassew li Kangħan kienet “bħall-ħobż” għal Iżrael! Dawn it-tnejn kellhom informazzjoni li kisbu huma stess minħabba li mxew madwar Kangħan. Meta n-nies ma daħlux fl-Art Imwiegħda, Ġożwè u Kaleb ukoll kellhom ikomplu fix-xagħri għal għaxriet taʼ snin, imma ma mitux hemm maʼ dawk taʼ bla fidi. Tabilħaqq, Ġożwè u Kaleb għenu biex imexxu l-ġenerazzjoni li ġiet wara ’l barra mix-xagħri u lejn l-Art Imwiegħda. (Numri 14:9, 30) Meta avviċina l-Art Imwiegħda għat-tieni darba, Iżrael kellu prova differenti x’jiffaċċja. X’kien se jagħmel?
Is-Sultan Balak taʼ Mowab ipprova jisħet lil Iżrael permezz tal-profeta falz Balgħam. Madankollu, Ġeħova fixkel il-pjan tiegħu billi ġiegħel lil Bagħlam ilissen barkiet minflok saħtiet. (Numri 22:1-7; 24:10) Mingħajr ma qataʼ qalbu, Bagħlam ippjana komplott mill-agħar ieħor, wieħed disinjat biex il-poplu t’Alla ma jkunx jistaʼ jingħata l-art. Kif? Billi ħajjarhom jieħdu sehem fl-immoralità u l-qima taʼ Bagħal. Filwaqt li meta tqis kollox din l-istrateġija falliet, però, ir-riżultat kien li 24,000 Iżraeli waqgħu fin-nassa. Huma kellhom relazzjonijiet immorali maʼ nisa Mowabin u ntrabtu maʼ Bagħal taʼ Pegħor.—Numri 25:1-9.
Aħseb dwar dan! Ħafna minn dawn l-Iżraelin stess kienu raw lil Ġeħova jmexxihom fis-sigurtà mid-“deżert kbir iwaħħxek.” (Dewteronomju 1:19) Imma, fuq l-għatba tal-wirt tagħhom, 24,000 mill-poplu t’Alla waqgħu għax-xewqat tal-laħam u mietu taħt id Ġeħova. Xi twissija din għall-qaddejja t’Alla llum hekk kif javviċinaw wirt li huwa ħafna iktar superjuri!
Fl-aħħar attentat tiegħu biex iwaqqaf lill-qaddejja taʼ Ġeħova taʼ llum milli jiksbu l-premju tagħhom, Satana m’għandux bżonn strateġiji ġodda. Bi strateġija li tfakkarna f’dak li ġara l-ewwel darba li Iżrael avviċina l-Art Imwiegħda, Satana spiss jipprova jqanqal il-biżaʼ u d-dubju, permezz taʼ theddid, persekuzzjoni, jew twaqqigħ għaċ-ċajt. Xi Kristjani ċedew għal intimidazzjoni bħal din. (Mattew 13:20, 21) Komplott ieħor li ġie provat tul iż-żmien huwa dak taʼ li jikkorrompi lil individwi moralment. Kultant, uħud li daħlu fin fin fil-kongregazzjoni Kristjana pprovaw jikkorrompu lil dawk li huma dgħajfin spiritwalment u li m’humiex mexjin fi qbil mad-dawl minn Alla.—Ġuda 8, 12-16.
Għal individwi maturi u għassa spiritwalment, it-taħsir morali li qed jiżdied b’rata mgħaġġla fid-dinja huwa evidenza qawwija tad-disperazzjoni taʼ Satana. Iva, Satana jaf li dalwaqt m’hu se jkun jistaʼ jagħmlilhom xejn lill-qaddejja leali t’Alla. Għalhekk, dan żgur huwa żmien biex nibqgħu għassa spiritwalment għall-isforzi taʼ Satana.
Għajnuniet biex Nibqgħu Mqajmin Spiritwalment
L-appostlu Pietru ddeskriva l-kelma profetika t’Alla bħala “fanal jiddi f’post mudlam,” għax din tgħin lill-Kristjani jaraw u jifhmu t-twettiq taʼ l-iskop divin. (2 Pietru 1:19-21) Dawk li jiżviluppaw imħabba għall-Kelma t’Alla u jkomplu jiġu gwidati minnha jsibu li Ġeħova se jagħmel it-triqat tagħhom dritti. (Proverbji 3:5, 6) Mimlijin tama, dawn l-uħud grati “jgħannu bl-hena taʼ qalbhom,” filwaqt li dawk li ma jafux lil Ġeħova jew li jitilqu mit-triq tiegħu fl-aħħar mill-aħħar iħossu ‘niket f’qalbhom’ u ‘diqa f’ruħhom.’ (Isaija 65:13, 14) Għalhekk, permezz taʼ studju tal-Bibbja diliġenti u applikazzjoni taʼ dak li nitgħallmu, aħna nistgħu nżommu għajnejna ffokati fuq it-tama ċerta tagħna minflok fuq il-pjaċiri temporanji taʼ din is-sistema dinjija.
It-talb ukoll huwa vitali biex nibqgħu mqajmin spiritwalment. Meta tkellem dwar it-tmiem taʼ din is-sistema dinjija, Ġesù qal: “Ibqgħu mqajmin u itolbu bil-ħerqa l-ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” (Luqa 21:34-36) Innota li Ġesù uża l-frażi “itolbu bil-ħerqa.” Ġesù kien jaf li kien hemm ir-riskju li l-ħajja eterna tintilef f’dan iż-żmien kritiku. Jirrifletti t-talb tiegħek ix-xewqa kbira li għandek biex tibqaʼ mqajjem għalkollox spiritwalment?
Ejja ma ninsewx li l-iktar parti perikoluża mill-vjaġġ lejn il-wirt tagħna tistaʼ tkun l-aħħar parti. B’hekk, kemm hu importanti li ma niżvijawx mid-dawl li jistaʼ jwassalna għas-salvazzjoni tagħna.
Oqgħod Attent mid-Dwal Foloz
Lura fiż-żmien tat-tbaħħir tal-bastimenti, kien hemm periklu partikulari minħabba rġiel ħżiena li kienu jippreferu ljieli li fihom il-qamar ma jkunx jidher u meta l-baħħara kienu jsibuha diffiċli biex jaraw ix-xatt. Dawn l-irġiel kienu jqiegħdu dwal tul kosta perikoluża sabiex iqarrqu bil-kaptan tal-bastiment ħalli jbiddel ir-rotta. Dawk li kienu jiġu mqarrqin kienu jsibu l-bastiment tagħhom imkisser, it-tagħbija li kienu qed iġorru misruqa, u kienu jitilfu ħajjithom.
B’mod simili, Satana, l-“anġlu tad-dawl” qarrieq, irid jisraq lill-poplu t’Alla mir-relazzjoni li għandu Miegħu. Ix-Xitan jistaʼ juża “appostli foloz” u “ministri tal-ġustizzja” apostati biex iqarraq b’dawk li m’humiex attenti. (2 Korintin 11:13-15) Sewwasew bħalma kaptan u ekwipaġġ attenti u taʼ l-esperjenza x’aktarx li kellhom inqas ċans li jiġu mqarrqin minn dwal foloz, Kristjani “li bl-użu għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin” ma jiġux żvijati minn dawk li jippromwovu tagħlim falz u filosofiji li jagħmlu l-ħsara.—Ebrej 5:14; Rivelazzjoni 2:2.
Il-baħrin kienu jġorru lista tal-fanali tal-port li kienu se jiltaqgħu magħhom fir-rotta li kienu jkunu fuqha. Il-lista kien ikun fiha l-karatteristiki taʼ kull fanal tal-port, inkluż is-sinjal uniku tiegħu. The World Book Encyclopedia tinnota: “Il-baħrin jiddeterminaw liema fanal tal-port qed jaraw—u b’hekk il-post fejn qegħdin—billi josservaw il-karatteristiki taʼ fanal tal-port u billi jużaw lista tal-fanali tal-port.” B’mod simili, il-Kelma t’Alla tgħin lil uħud taʼ qalb onesta biex jagħrfu l-qima vera u lil dawk li qed isegwuha, speċjalment matul dawn l-aħħar jiem meta Ġeħova għollieha ’l fuq mir-reliġjon falza. (Isaija 2:2, 3; Malakija 3:18) Biex juri l-kuntrast kbir bejn il-qima vera u dik falza, Isaija 60:2, 3 jgħid: “Id-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli: iżda fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek. Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija taʼ sbiħek.”
Hekk kif miljuni minn kull ġens ikomplu jiġu gwidati mid-dawl taʼ Ġeħova, huma m’humiex se jitilfu l-fidi tagħhom matul din l-aħħar parti tal-vjaġġ tagħhom. Minflok, huma se jbaħħru fis-sigurtà fl-aħħar ftit jiem taʼ din is-sistema dinjija u se jibqgħu deħlin fil-port kollu paċi tad-dinja l-ġdida.
[Nota taʼ taħt]
a L-Iskrittura tuża l-kelma “dawl” b’diversi modi simboliċi jew figurattivi. Per eżempju, il-Bibbja tagħmel konnessjoni bejn Alla u d-dawl. (Salm 104:1, 2; 1 Ġwanni 1:5) Tidwil spiritwali mill-Kelma t’Alla jitqabbel mad-dawl. (Isaija 2:3-5; 2 Korintin 4:6) Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù kien dawl. (Ġwanni 8:12; 9:5; 12:35) U s-segwaċi taʼ Ġesù ġew kmandati biex iħallu d-dawl tagħhom jiddi.—Mattew 5:14, 16.
[Stampa f’paġna 15]
Bħall-baħrin, il-Kristjani joqogħdu attenti li ma jiġux imqarrqin minn dwal foloz