X’Inhu l-Iskop taʼ Ħajtek?
KENNY kellu xogħol maʼ kumpanija tas-sensarija li kienet sejra tajjeb ħafna, kellu karozza lussuża, u appartament lussuż fi nħawi għonja taʼ belt prinċipali. Bħala wieħed taʼ l-esperjenza f’li jaqbeż mill-ajruplani bla ma jiftaħ il-paraxut mill-ewwel (skydiving), hu kien iħobb l-eċċitament li kien iħoss hu u nieżel minn għoli t’eluf taʼ piedi. Ġablu dan sodisfazzjon f’ħajtu? Skond il-ġurnal The Wall Street, hu jgħid: “Hawn jien, għandi 45 sena, u m’għandix futur taʼ veru . . . Ħajti m’għandha ebda valur.”
Elyn ħadmet iebes biex ikollha suċċess fil-qasam taʼ l-iskejzjar fuq is-silġ. Fl-aħħar hi rnexxielha ssir popolari. Elyn kellha l-fama li xtaqet. “Imma fejnu dak il-ferħ kollu li suppost kelli nħoss?” hi lmentat. “Ħassejtni tassew waħdi. Ix-xjuħija se tilħaqni, u għalkemm kelli ħafna flus, il-ħajja se tidher tassew vojta jekk dan hu l-uniku skop li qatt se jkolli f’ħajti.”
Magħruf sew għas-sengħa li kellu f’li juża l-kuluri, Hideo għex għall-kisbiet artistiċi tiegħu. Hu ma biegħx ix-xogħol artistiku tiegħu; hu ħass li jekk jagħmel hekk kien se jkun qed jagħmel kompromess fl-integrità artistika tiegħu. Fl-età taʼ 98 sena, lejn tmiem ħajtu, Hideo ta bħala donazzjoni l-maġġorparti mix-xogħlijiet artistiċi tiegħu lil mużew. Hu ddedika ħajtu għall-interessi artistiċi. Madankollu, ma kienx sodisfatt, billi ħaseb li qatt ma se jkun kapaċi jipperfezzjona l-arti tiegħu.
Xi nies iqattgħu ħafna ħin u jużaw riżorsi biex jgħinu lil ħaddieħor. Per eżempju, ikkunsidra wieħed raġel li kellu awtorità kbira fil-qasam tal-films f’Hollywood. Bħala viċi president taʼ waħda mill-akbar kumpaniji tal-films fl-Istati Uniti, hu kien jissieħeb maʼ ċelebritajiet u kien jgħix fi nħawi residenzjali lussużi. Meta żar il-Kambodja fuq vaganza, kien hemm tifla li talbitu l-flus waqt li kien qed jiekol f’kafetterija ġo Phnom Penh. Hu taha dollaru u flixkun luminata. It-tifla kienet ferħana. Madankollu, il-lejl taʼ wara hi reġgħet kienet hemmhekk, qed tittallab. Hu għaraf li kien hemm bżonn iktar minn għajnuna superfiċjali.
Sena wara, dan il-viċi president iddeċieda li jagħmel bidla fil-karriera tiegħu—minn xogħol industrijali tad-divertiment għal xogħol li jgħin il-foqra fil-Kambodja. Hu stabbilixxa skola li tipprovdi akkomodazzjoni, ikel, u edukazzjoni. Madankollu, hu qed jissara kontinwament maʼ l-emozzjonijiet tiegħu—ferħ u sodisfazzjon minħabba dak li qed iwettaq, flimkien maʼ disperazzjoni u frustrazzjoni minħabba li jrid jittratta maʼ diversi problemi li l-ħin kollu jiżdiedu.
L-erbaʼ individwi li semmejna ħasbu li kienu jafu għala kienu qed jgħixu. Xorta waħda, huma ħassew li ħajjithom kienet vojta meta finalment laħqu l-miri tagħhom li ħadmu iebes għalihom. Int għal xiex qed tgħix? X’jiġi l-ewwel f’ħajtek? Ċert int li iktar ’il quddiem mhux se jiddispjaċik għall-mod kif qed tgħix ħajtek illum?