Ħajja Mimlija Skop Hija Possibbli!
ĦAFNA nies qed jgħixu għall-flus u għal dak li jistgħu jixtru bihom. Xi wħud jgħixu biex ikollhom fama dinjija. Oħrajn jgħixu biex jipperfezzjonaw is-sengħa artistika tagħhom. Ukoll, hemm uħud li jgħixu biex jgħinu lil ħaddieħor. Imma ħafna ma jafux għala qegħdin jgħixu jew għala jinsabu hawn.
Xi ngħidu dwarek? Ġieli ħsibt bis-serjetà dwar għala tinsab hawn? Għala ma tikkunsidrax xi miri komuni li xi wħud ipprovaw jilħqu biex tara jekk hux tassew iġibu sens taʼ sodisfazzjon? X’jagħmel ħajja mimlija skop possibbli?
Il-Flus u l-Pjaċiri Għandhom Posthom
F’Koħèlet 7:12, il-Bibbja tgħid: “Fih kenn l-għerf u fihom kenn il-flus; imma aħjar l-għerf għax iħarreġ għall-ħajja lil min għandu lilu.” Iva, il-flus għandhom valur. Għandek bżonn il-flus biex tgħix, speċjalment jekk għandek ir-responsabbiltà li tipprovdi għall-familja.—1 Timotju 5:8.
X’ħajja tkun mingħajr ftit mill-pjaċiri li tistaʼ tixtri bil-flus? Għalkemm Ġesù Kristu, il-Fundatur tal-Kristjanità, stqarr li hu ma kellux fejn imidd rasu, kultant hu kien igawdi ikel u nbid eċċellenti. Iktar minn hekk, hu ma żammx lura milli jilbes libsa li kienet tiswa l-flus.—Mattew 8:20; Ġwanni 2:1-11; 19:23, 24.
Madankollu, Ġesù ma għexx biex jiġri wara l-pjaċiri. Hu kellu prijoritajiet ċari u xierqa. Ġesù qal: “Anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” Imbagħad hu qal tixbiha dwar ċertu raġel sinjur li kellu abbundanza kbira taʼ ħsad u li beda jirraġuna f’qalbu: “X’se nagħmel, issa li m’għandix fejn niġbor il-prodotti tiegħi? . . . Inħott l-imħażen tiegħi u nibni oħrajn akbar, u hemmhekk niġbor il-qamħ u l-ġid kollu tiegħi; u ngħid lil ruħi: ‘Ruħ, għandek ħafna ġid maħżun għal ħafna snin; strieħ, kul, ixrob, u gawdi.’” X’kien hemm ħażin fl-irraġunar taʼ dan ir-raġel? It-tixbiha tkompli: “Imma Alla qallu [lir-raġel sinjur], ‘Ja iblah! Dan il-lejl jitolbuk ruħek. Min, mela, se jiħodhom l-affarijiet li ħżint?’” Anki kieku r-raġel ħażen il-ħsad tiegħu, wara li jmut ma kienx se jkun jistaʼ jgawdi l-għana li ħażen. Fil-konklużjoni tat-tixbiha, Ġesù ta din il-lezzjoni lill-udjenza: “Hekk jiġrilu min jaħżen teżor għalih innifsu imma ma jkunx għani m’Alla.”—Luqa 12:13-21.
Veru, għandna bżonn xi ftit flus, u t-tgawdija għandha postha. Madankollu, la l-flus u lanqas il-pjaċiri m’huma l-iktar affarijiet importanti f’ħajjitna. Il-fatt li tkun għani m’Alla, jiġifieri, li tgħix ħajja li tirriżulta f’li jkollok l-approvazzjoni tiegħu, huwa tabilħaqq l-iktar ħaġa importanti li għandek issus warajha.
Huwa Importanti li Nibnu Reputazzjoni?
Ħafna nies jgħixu biex jibnu reputazzjoni tajba għalihom infushom. Ix-xewqa li tibni reputazzjoni, biex ħaddieħor jibqaʼ jiftakrek, m’hijiex neċessarjament ħażina. Il-Bibbja tgħid: “Aħjar fama tajba miż-żejt prezzjuż, aħjar jum il-mewt minn jum it-twelid.”—Koħèlet 7:1.
F’jum il-mewt, ir-rekord tal-ħajja kollha taʼ individwu jkun inkiteb, biex ngħidu hekk. Jekk hu jkun wettaq affarijiet pożittivi, il-ġurnata tal-mewt taʼ dak l-individwu se tkun aħjar bil-bosta minn jum twelidu, meta r-rekord taʼ ħajtu kien għadu ma bediex.
Il-ktieb Bibliku taʼ Koħèlet inkiteb mis-Sultan Salamun. Absalom, ħu Salamun mill-missier u li kien akbar fl-età, ried jagħmel isem għalih innifsu. Madankollu, it-tliet subien tiegħu, li permezz tagħhom ismu setaʼ għadda lill-ġenerazzjonijiet futuri, milli jidher mietu żgħar. Għalhekk, x’għamel Absalom? L-Iskrittura tgħid: “Absalom . . . waqqaf il-plier li hemm f’wied is-sultan għax qal: ‘Iben ma għandix biex ifakkar ismi.’ U dan il-plier semmieh b’ismu.” (2 Samwel 14:27; 18:18) Il-fdalijiet taʼ dan il-plier ma nstabux. U dwar Absalom, l-istudenti tal-Bibbja jafuh bħala ribell magħruf li kkonfoffa biex jaħtaf it-tron taʼ missieru, David.
Ħafna llum jipprovaw jibqgħu miftakrin permezz taʼ dak li jkunu wettqu. Huma jfittxu l-glorja f’għajnejn nies li l-ideat tagħhom jinbidlu maʼ kull staġun li jgħaddi. Madankollu, x’jiġrilha fama bħal din? Christopher Lasch, fil-ktieb tiegħu The Culture of Narcissism, kiteb: “Fi żmienna, meta s-suċċess għandu x’jaqsam maʼ li wieħed jibqaʼ żagħżugħ, affaxxinanti, u oriġinali, il-popolarità tgħaddi malajr iktar minn qatt qabel, u dawk li jirbħu l-attenzjoni tal-pubbliku jinkwetaw bla waqfien minħabba li jibżgħu li se jitilfuha.” B’riżultat taʼ dan, ħafna ċelebritajiet jirrikorru għall-użu taʼ l-alkoħol u d-droga, u spiss jispiċċaw iqassru għomorhom. Tabilħaqq, huwa frugħa li tiġri wara l-fama.
Għalhekk, f’għajnejn min għandu jkollna reputazzjoni tajba? Billi tkellem dwar xi wħud li żammew mal-Liġi tiegħu, Ġeħova qal permezz tal-profeta Isaija: “Jiena nagħtihom f’dari u swari, nagħtihom monument u isem . . . Nagħtihom isem għal dejjem, li ma jitħassar qatt.” (Isaija 56:4, 5) Minħabba l-ubbidjenza tagħhom lejn Alla, dawk aċċettabbli għalih se jkollhom “monument u isem.” Alla se jiftakar isimhom “għal dejjem,” u b’hekk isimhom ma se jitħassar qatt. Dan hu t-tip taʼ reputazzjoni li l-Bibbja tinkuraġġina biex nagħmlu—reputazzjoni mill-aħjar f’għajnejn Ġeħova, il-Ħallieq tagħna.
Isaija kien qed jipprofetizza dwar iż-żmien meta individwi leali se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna fuq l-art. Il-“ħajja taʼ dejjem” f’dik il-Ġenna taʼ l-art se tkun “il-ħajja vera”—it-tip taʼ ħajja li Alla kellu fl-iskop tiegħu għall-umanità meta ħalaqha. (1 Timotju 6:12, 19) Minflok ma ngħixu ħajja li tgħaddi malajr u mingħajr sodisfazzjon, m’għandniex aħna nirsistu sabiex ingawdu l-ħajja taʼ dejjem?
Dedikazzjoni għal Xogħol Artistiku jew Filantropiku M’Hijiex Biżżejjed
Ħafna artisti għandhom ix-xewqa li jtejbu xogħolhom sabiex jilħqu dak li huma jikkunsidrawh bħala perfezzjoni fl-arti tagħhom. Il-ħajja preżenti hija qasira wisq għal dan. Meta kellu fuq id-90 sena, Hideo, l-artist li semmejna fl-artiklu taʼ qabel, ħadem iebes biex itejjeb is-sengħa artistika tiegħu. Anki jekk artist jilħaq il-livell fejn iħossu sodisfatt b’xogħlu stess, sa dak iż-żmien għandu mnejn li ma jkunx għadu jistaʼ jipproduċi xogħlijiet artistiċi daqskemm setaʼ jipproduċi meta kien għadu żagħżugħ u iktar f’saħħtu. Imma xi ngħidu li kieku kellu l-ħajja taʼ dejjem? Aħseb dwar il-possibbiltajiet kollha li jkollu sabiex jipperfezzjona l-arti tiegħu!
Xi ngħidu dwar li wieħed jistinka f’xogħol filantropiku? Hu taʼ min ifaħħru lil dak l-individwu li jitfaʼ l-attenzjoni tiegħu fuq il-foqra u li juża r-riżorsi tiegħu biex jgħin lil dawk li huma fil-bżonn. Il-Bibbja tistqarr: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Jistaʼ jkun sodisfaċenti tabilħaqq li tkun konċernat dwar il-benesseri taʼ ħaddieħor. Iżda, kemm jistaʼ jwettaq individwu wieħed, anki jekk jiddedika ħajtu kollha għal dan l-għan? Dak li aħna l-bnedmin nistgħu nwettqu biex inneħħu s-sofferenza taʼ ħaddieħor huwa limitat. L-ebda ammont t’għoti materjali ma jistaʼ jissodisfa l-bżonn bażiku li qed jiġi injorat mill-maġġuranza tan-nies u li qatt ma ġie sodisfat f’ħajjithom. X’inhu dan il-bżonn?
Nissodisfaw Bżonn Ġewwieni —Huwa Neċessarju
Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù rrefera għal bżonn fundamentali li nitwieldu bih meta qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.” (Mattew 5:3) Għaldaqstant, skond il-Bibbja, il-ferħ veru ma jiddependix milli tkun sinjur, ikollok fama, suċċess artistiku, jew milli wieħed ikun dedikat għal xogħol filantropiku. Pjuttost, dan jiddependi milli nissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħna—il-bżonn li nagħtu qima lil Alla.
L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lil dawk li ma kinux jafu lill-Ħallieq biex ifittxuh. Pawlu qal: “[Alla] minn raġel wieħed għamel il-ġnus kollha tal-bnedmin, biex jgħammru fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art, u b’digriet ordna ż-żminijiet stabbiliti u l-limiti fissi fejn jgħammru l-bnedmin, biex huma jfittxu ’l Alla, jekk iteftfu fid-dlam għalih u jirnexxilhom isibuh, għalkemm, fil-fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna. Għax bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.”—Atti 17:26-28.
Biex ikollna l-ferħ veru fil-ħajja huwa fundamentali li nissodisfaw il-bżonn li nqimu l-Alla l-veru. Il-fatt li nieħdu ħsieb il-bżonn spiritwali jagħtina wkoll l-opportunità li niksbu “l-ħajja vera.” Ikkunsidra l-eżempju taʼ Teresa, li f’pajjiżha kienet l-ewwel attriċi Afrikana-Amerikana li kellha parti prominenti f’serje taʼ drammi fuq it-televixin li kienet iddum siegħa kull darba. Madankollu, fi żmien qasir hi ħalliet dan kollu warajha. Għala? Hi tgħid: “Jien konvinta li min jagħti kas il-pariri tal-Kelma t’Alla jkun qed jgħix bl-aħjar mod.” Teresa ma riditx tipperikola r-relazzjoni tagħha m’Alla billi tieħu sehem fi rwol televiżiv li kien jigglorifika s-sess u l-vjolenza. Hi ma baqgħetx attriċi fuq it-televixin iżda qabdet it-triq li wasslitha għal ħajja tassew sodisfaċenti, għaliex qdiet bħala proklamatriċi full-time taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, biex tipprova tgħin lil ħaddieħor ikollu relazzjoni tajba m’Alla.
Rigward id-deċiżjoni li ħadet Teresa biex ma tkomplix bħala attriċi, wieħed li qabel kien jaħdem magħha ġie kwotat li qal: “Kont imnikket ħafna għax kont nobgħod il-ħsieb li naraha tarmi dak li kont naħseb li kellha. Imma jidher ċar li hi sabet xi ħaġa iktar importanti u sodisfaċenti.” Iktar tard Teresa mietet f’inċident. Però, wara mewtha, l-istess raġel li kien jaħdem magħha osserva: “Hi kienet ferħana, u dan hu kulma tistaʼ tixtieq li jkollok fil-ħajja. Kemm uħud minna jistgħu jgħidu l-istess?” Dawk li jpoġġu r-relazzjoni tagħhom m’Alla fl-ewwel post f’ħajjithom imma li tilħaqhom il-mewt, għandhom il-prospett mill-isbaħ taʼ l-irxoxt taħt il-ħakma tas-Saltna.—Ġwanni 5:28, 29.
Il-Ħallieq għandu skop għall-art u l-umanità li tinsab fuqha. Hu jixtieqek tifhem dan l-iskop u tgawdi l-ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna fuq l-art. (Salm 37:10, 11, 29) Issa huwa ż-żmien li titgħallem iktar dwar Ġeħova, il-Ħallieq tas-sema u l-art, u dwar l-iskop tiegħu għalik. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek se jkunu ferħanin jgħinuk tikseb dan l-għarfien. Jekk jogħġbok ikkuntattjahom, jew ikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.
[Stampa f’paġna 5]
X’kien hemm ħażin fl-irraġunar tar-raġel sinjur fit-tixbiha taʼ Ġesù?
[Stampa f’paġna 7]
Tixtieq tgawdi ħajja taʼ dejjem f’Ġenna fuq l-art?