Imita lill-Iktar Wieħed li Jaf Jagħmel Dixxipli
“Oqogħdu attenti kif tisimgħu.”—LUQA 8:18.
1, 2. Għala għandek tagħti kas il-mod kif Ġesù ttratta lin-nies matul il-ministeru tiegħu?
ĠESÙ KRISTU kien qed iwettaq l-irwol tiegħu bħala l-Għalliem il-Kbir u l-iktar wieħed li jaf jagħmel dixxipli meta qal lis-segwaċi tiegħu: “Oqogħdu attenti kif tisimgħu.” (Luqa 8:16-18) Dan il-prinċipju japplika għall-ministeru tiegħek bħala Kristjan. Jekk tagħti widen għall-istruzzjoni spiritwali, int se tapplikaha u se tkun proklamatur tas-Saltna effettiv. M’għandniex xi ngħidu, ma tistax tismaʼ l-leħen taʼ Ġesù llum, imma tistaʼ taqra dwar dak li qal u għamel, bħalma turina l-Iskrittura. Din x’turina dwar il-mod kif Ġesù ttratta lin-nies matul il-ministeru tiegħu?
2 Ġesù kien predikatur eċċellenti taʼ l-aħbar tajba u għalliem li jispikka tal-verità Skritturali. (Luqa 8:1; Ġwanni 8:28) Ix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli jinvolvi kemm l-ippridkar u kemm it-tagħlim, però xi Kristjani li huma predikaturi taʼ min ifaħħarhom isibuha diffiċli biex jgħallmu lin-nies b’mod effettiv. Filwaqt li l-ippridkar jinvolvi x-xandir taʼ messaġġ, biex wieħed li jagħmel dixxipli jgħallem lin-nies dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu spiss jirrikjedi li jkollu relazzjoni maʼ l-individwu. (Mattew 28:19, 20) Dan jistaʼ jsir billi nimitaw lil Ġesù Kristu, l-Għalliem il-Kbir u l-iktar wieħed li jaf jagħmel dixxipli.—Ġwanni 13:13.
3. Il-fatt li timita lil Ġesù jistaʼ jkollu liema effett fuq l-isforzi tiegħek biex tagħmel dixxipli?
3 Jekk timita l-metodi taʼ tagħlim taʼ Ġesù, tkun qed issegwi t-twissija taʼ l-appostlu Pawlu: “Ibqgħu mexjin bl-għerf maʼ dawk li huma barra, u użaw il-ħin bl-aħjar mod. Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kolossin 4:5, 6) Sabiex nimitaw lil Ġesù fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli jirrikjedi sforz, imma dan se jagħmel it-tagħlim tiegħek effettiv għax se jgħinek ‘twieġeb lil kulħadd’ skond il-bżonn persunali tiegħu.
Ġesù Inkuraġġixxa lil Oħrajn biex Jitkellmu
4. Għala jistaʼ jingħad li Ġesù kien semmiegħ tajjeb?
4 Minn mindu kien tfajjel, Ġesù kellu d-drawwa li jagħti widen lin-nies u jinkuraġġihom biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom. Per eżempju, meta kellu 12-il sena, il-ġenituri tiegħu sabuh fit-tempju f’nofs l-għalliema, “jismagħhom u jistaqsihom.” (Luqa 2:46) Ġesù ma marx it-tempju biex jimbarazza lill-għalliema bl-għarfien tiegħu. Hu mar hemm biex jagħti widen, għalkemm hu staqsa mistoqsijiet ukoll. Kwalità waħda li għamlitu approvat minn Alla u mill-bnedmin kienet il-fatt li kien semmiegħ tajjeb.—Luqa 2:52.
5, 6. Kif nafu li Ġesù ta widen għall-espressjonijiet taʼ dawk li hu għallem?
5 Wara li tgħammed u ġie midluk bħala l-Messija, Ġesù baqaʼ interessat f’li jagħti widen lin-nies. Ma ntilifx f’dak li kien qed jgħallem tant li nesa lil dawk li marru jisimgħuh jitkellem. Spiss, hu kien jieqaf, jistaqsi l-opinjoni tagħhom, u jismaʼ t-tweġiba tagħhom. (Mattew 16:13-15) Per eżempju, wara li miet Lazzru, ħu Marta, Ġesù qalilha: “Kulmin qed jgħix u jeżerċita l-fidi fija ma jmut qatt.” Imbagħad staqsieha: “Temmnu dan?” U Ġesù verament ta widen hekk kif Marta wieġbet: “Iva, Mulej; jien nemmen li int il-Kristu, l-Iben t’Alla.” (Ġwanni 11:26, 27) Min jaf kemm kien sodisfaċenti li jismaʼ lil Marta tesprimi l-fidi tagħha b’dan il-mod!
6 Meta ħafna dixxipli abbandunaw lil Ġesù, hu kien interessat f’li jismaʼ l-opinjonijiet taʼ l-appostli tiegħu. Għalhekk hu staqsa: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” Xmun Pietru wieġeb: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem; u aħna emminna u sirna nafu li int il-Qaddis t’Alla.” (Ġwanni 6:66-69) Min jaf kemm dan il-kliem ferraħ lil Ġesù! Espressjoni taʼ fidi simili minn student tal-Bibbja żgur li se tferrħek.
Ġesù Ta Widen b’Rispett
7. Ħafna Samaritani għala poġġew il-fidi f’Ġesù?
7 Raġuni oħra għala Ġesù kien effettiv f’li jagħmel dixxipli hi li hu kien jimpurtah min-nies u semagħhom b’rispett. Per eżempju, f’okkażjoni minnhom, Ġesù ta xiehda lil waħda mara Samaritana ħdejn l-għajn taʼ Ġakobb f’Sikar. Matul din il-konversazzjoni, Ġesù ma tkellimx hu biss; hu ta widen għal dak li riedet tgħid. Filwaqt li kien qed jismagħha, Ġesù nnota l-interess tagħha fil-qima u qalilha li Alla kien qed ifittex lil dawk li kienu se jaqdu Lilu bl-ispirtu u bil-verità. Ġesù wera rispett għal din il-mara u kien interessat fiha, u minħabba f’hekk hi qalet lil oħrajn dwaru, u “ħafna mis-Samaritani minn dik il-belt poġġew il-fidi fih minħabba l-kelma li xehdet il-mara.”—Ġwanni 4:5-29, 39-42.
8. Il-fatt li n-nies in ġenerali jħobbu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom kif jistaʼ jgħinek tibda konversazzjonijiet fil-ministeru?
8 In-nies ġeneralment jieħdu pjaċir jesprimu l-opinjonijiet tagħhom. Per eżempju, dawk li kienu jgħixu f’Ateni tal-qedem kienu jieħdu pjaċir jagħtu l-opinjoni tagħhom u jisimgħu xi ħaġa ġdida. Dan wassal għall-priedka effettiva taʼ l-appostlu Pawlu fl-Arjopagu f’din il-belt. (Atti 17:18-34) Biex tibda konversazzjoni maʼ inkwilin fil-ministeru tiegħek illum, forsi tistaʼ tgħid, “Qed inżurek għax jien interessat fl-opinjoni tiegħek dwar [ċertu suġġett].” Agħti widen għall-ħarsa taʼ l-individwu, u kkummenta dwarha, jew staqsi mistoqsija dwarha. Imbagħad, b’qalb tajba uri dak li tgħid il-Bibbja fuq is-suġġett.
Ġesù Kien Jaf X’Għandu Jgħid
9. Ġesù x’għamel qabel ma ‘fissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-Iskrittura’ lil Kleofa u lil sieħbu?
9 Ġesù dejjem kien jaf x’għandu jgħid. Minbarra li kien semmiegħ tajjeb, hu spiss kien konxju taʼ dak li kienu qed jaħsbu n-nies, u kien jaf eżattament x’għandu jgħid. (Mattew 9:4; 12:22-30; Luqa 9:46, 47) Biex nagħtu eżempju: Ftit wara l-irxoxt taʼ Ġesù, tnejn mid-dixxipli tiegħu kienu qed jimxu minn Ġerusalemm sa Għemmaws. Ir-rakkont taʼ l-Evanġelju jgħid: “Huma u jitkellmu u jiddiskutu, Ġesù nnifsu resaq lejhom u beda miexi magħhom; imma għajnejhom kienu miżmumin biex ma jagħrfuhx. Qalilhom: ‘Fuqiex qed tiddiskutu bejnietkom intom u mexjin?’ U waqfu b’wiċċhom imnikket. Wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: ‘Int xi barrani li qed tgħix għalik waħdek f’Ġerusalemm, u b’hekk ma tafx x’ġara fiha f’dawn il-jiem?’ U qalilhom: ‘X’ġara?’” L-Għalliem il-Kbir ta widen hekk kif spjegaw li Ġesù n-Nazzarenu għallem lin-nies, wettaq mirakli, u ngħata l-mewt. Issa xi wħud kienu qed jgħidu li kien ġie mqajjem mill-imwiet. Ġesù ħalla lil Kleofa u lil sieħbu jesprimu lilhom infushom. Imbagħad, spjega dak li riedu jkunu jafu u beda “jfissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-Iskrittura.”—Luqa 24:13-27, 32.
10. Kif tistaʼ ssir taf il-ħarsa reliġjuża taʼ individwu li tiltaqaʼ miegħu fil-ministeru tiegħek?
10 Għandek mnejn ma tkun taf xejn dwar il-ħarsa reliġjuża taʼ xi inkwilin. Sabiex issir taf x’inhi, forsi tistaʼ tgħid li tieħu gost tismaʼ x’jaħsbu n-nies dwar it-talb. Imbagħad forsi tistaʼ tistaqsi, “Taħseb li xi ħadd verament jismaʼ t-talb?” It-tweġiba tistaʼ tikxef ħafna dwar il-ħarsa u l-isfond reliġjuż taʼ l-individwu. Jekk hu interessat f’affarijiet reliġjużi, forsi tkun tistaʼ ssir taf iktar dwar il-ħarsa tiegħu billi tistaqsih, “Taħseb li Alla jismaʼ t-talb kollu, jew forsi hemm xi talb li ma japprovahx?” Mistoqsijiet bħal dawn jistgħu jwasslu għal konversazzjoni informali. Meta jkun xieraq li taqsam ħsieb Skritturali, għandek tagħmel dan bit-tattika, billi ma tattakkax dak li jemmen l-individwu. Jekk jieħu pjaċir jismaʼ dak li qed tgħid, għandu mnejn jieħu pjaċir li terġaʼ żżuru. Imma xi ngħidu jekk jistaqsi xi ħaġa li ma tistax twieġeb? Tistaʼ tagħmel ftit riċerka u terġaʼ tmur lura preparat biex tipprovdi ‘raġuni għat-tama tiegħek, bil-ħlewwa u b’rispett profond.’—1 Pietru 3:15.
Ġesù Għallem lil Dawk li Jistħoqqilhom
11. X’se jgħinek issib lil dawk li jistħoqqilhom jiġu mgħallmin?
11 Ir-raġel perfett Ġesù kellu d-dixxerniment li għenu jidentifika lil dawk li kien jistħoqqilhom jiġu mgħallmin. Aħna nsibuh ħafna iktar taʼ sfida biex insibu lil dawk ‘li għandhom attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem.’ (Atti 13:48) Anki l-appostli kellhom l-istess sfida, u Ġesù qalilhom: “F’kull belt jew raħal li tidħlu, fittxu lil min jistħoqqlu.” (Mattew 10:11) Bħall-appostli taʼ Ġesù, int għandek tfittex lin-nies li huma lesti li jagħtu widen u jiġu mgħallmin il-verità tal-Bibbja. Int tistaʼ ssib lil dawk li jistħoqqilhom billi tismaʼ bir-reqqa lil dawk kollha li tkellem, billi tinnota l-attitudni taʼ kull individwu.
12. Kif tistaʼ tkompli tgħin lil persuna interessata?
12 Wara li titlaq individwu li jkun wera xi interess fil-messaġġ tas-Saltna, tagħmel tajjeb jekk tkompli taħseb dwar il-bżonnijiet spiritwali tiegħu. Jekk tikteb dak li tkun sirt taf wara li tkellimt maʼ xi ħadd dwar l-aħbar tajba, dan se jgħinek tkompli tgħin lil dak l-individwu spiritwalment. Matul iż-żjajjar lura, trid tismaʼ bir-reqqa biex issir taf iktar dwar it-twemmin, l-attitudni, jew iċ-ċirkustanzi taʼ l-individwu.
13. X’jistaʼ jgħinek issir taf kif individwu jħossu dwar il-Bibbja?
13 Kif tistaʼ tinkuraġġixxi lin-nies biex jgħidulek kif iħossuhom dwar il-Kelma t’Alla? F’xi nħawi, ikun effettiv jekk tistaqsi, “Sibt int li hu diffiċli li tifhem il-Bibbja?” It-tweġiba għal din il-mistoqsija spiss tikxef l-attitudni taʼ l-individwu lejn l-affarijiet spiritwali. Mod ieħor hu li taqra skrittura u tistaqsi, “X’taħseb dwar din?” Bħal Ġesù, int tistaʼ twettaq ħafna fil-ministeru tiegħek billi tuża mistoqsijiet tajbin. Madankollu, hemm bżonn taʼ twissija.
Ġesù Uża Mistoqsijiet b’Mod Effettiv
14. Mingħajr ma tinterroga lin-nies, kif tistaʼ turi interess fl-opinjoni tagħhom?
14 Uri interess fl-opinjoni t’oħrajn mingħajr ma ġġegħelhom iħossuhom skomdi. Segwi l-metodu taʼ Ġesù. Hu ma interrogax lil dak li jkun bla tattika, imma uża mistoqsijiet li jqanqlu l-ħsieb. Ġesù kien ukoll semmiegħ taʼ qalb tajba li serraħ lil nies sinċieri u ġegħelhom iħossuhom komdi. (Mattew 11:28) Nies taʼ kull xorta ħassewhom komdi biex javviċinawh b’dak li kien qed jinkwetahom. (Marku 1:40; 5:35, 36; 10:13, 17, 46, 47) Jekk trid lil individwi jħossuhom komdi jgħidulek dak li jaħsbu dwar il-Bibbja u dak li tgħallem, trid tevita li tinterrogahom.
15, 16. Kif tistaʼ tinkuraġġixxi lin-nies jieħdu sehem f’konversazzjonijiet dwar suġġetti reliġjużi?
15 Minbarra li tuża mistoqsijiet b’mod effettiv, tistaʼ tinkuraġġixxi konversazzjoni billi tgħid xi ħaġa interessanti, u mbagħad tagħti widen għat-tweġiba tagħhom. Per eżempju, Ġesù qal lil Nikodemu: “Jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid, ma jistax jara s-saltna t’Alla.” (Ġwanni 3:3) Dan il-kliem tant kien interessanti li Nikodemu ma setax iżomm lura milli jwieġeb u jagħti widen lil Ġesù. (Ġwanni 3:4-20) Għandek mnejn tkun tistaʼ tibda konversazzjonijiet man-nies b’mod simili.
16 Illum, il-fatt li qed ifiġġu ħafna reliġjonijiet ġodda huwa taʼ interess f’postijiet bħall-Afrika, l-Ewropa tal-Lvant, u l-Amerika Latina. F’postijiet bħal dawn, spiss tistaʼ tibda konversazzjoni billi tgħid: “Jien spiss naħseb dwar il-fatt li hawn ħafna reliġjonijiet. Imma nittama li dalwaqt nara nies minn kull ġens magħqudin fil-qima vera. Tixtieq li tara dan iseħħ?” Billi tgħid xi ħaġa li ma jkunux qed jistennew li jisimgħu dwar it-tama tiegħek, forsi tkun tistaʼ tinkuraġġixxi lin-nies jesprimu l-ħarsa tagħhom. U huwa iktar faċli twieġeb mistoqsija meta jkun hemm il-possibbiltà taʼ żewġ tweġibiet. (Mattew 17:25) Wara li inkwilin ikun ikkummenta dwar il-mistoqsija tiegħek, wiġibha int stess bi skrittura jew tnejn. (Isaija 11:9; Sofonija 3:9) Billi tismaʼ bir-reqqa u tinnota kif l-individwu jwieġbek, forsi tkun tistaʼ tiddetermina x’għandek tiddiskuti meta tagħmel iż-żjara lura.
Ġesù Ta Widen lit-Tfal
17. X’jurina li Ġesù kien interessat fit-tfal?
17 Ġesù kien interessat mhux biss fil-kbar, imma wkoll fiż-żgħar. Hu kien jaf dwar il-logħob li kienu jilagħbu t-tfal u l-affarijiet li kienu jgħidu. Kultant kien jistieden lit-tfal biex imorru għandu. (Luqa 7:31, 32; 18:15-17) Ħafna tfal kienu jkunu fost il-folol li kienu jisimgħu lil Ġesù. Meta xi subien żgħar bdew jgħajtu u jfaħħru lill-Messija, Ġesù nnota dan u wera li l-Iskrittura kienet bassritu. (Mattew 14:21; 15:38; 21:15, 16) Illum, ħafna tfal qed isiru dixxipli taʼ Ġesù. Allura kif tistaʼ tgħinhom?
18, 19. Kif tistaʼ tgħin lil uliedek spiritwalment?
18 Sabiex tgħin lil uliedek spiritwalment, trid tagħtihom widen. Trid tifhem x’ideat forsi għandhom li m’humiex fi qbil mal-ħsieb taʼ Ġeħova. Ikun għaqli li, jgħid x’jgħid it-tifel jew it-tifla tiegħek, l-ewwel twieġeb b’kumment pożittiv. Imbagħad tistaʼ tuża skritturi adattati biex tgħin lit-tifel jew it-tifla tiegħek tifhem kif Ġeħova jqis l-affarijiet.
19 Il-mistoqsijiet jistgħu jgħinuk tikseb il-ħarsa tat-tfal. Imma bħall-kbar, it-tfal ma jħobbux jiġu interrogati. Minflok ma tgħabbi lil uliedek b’għadd taʼ mistoqsijiet diffiċli, għala ma tagħmilx stqarrija qasira dwarek innifsek? Skond is-suġġett li tkunu qed tiddiskutu, forsi tistaʼ tgħid li qabel kont tħossok b’ċertu mod u tispjega għala. Imbagħad forsi tistaʼ tistaqsi, “Int tħossok hekk ukoll?” It-tweġiba tat-tifel jew it-tifla tiegħek għandha mnejn twassal għal diskussjoni t’għajnuna u inkuraġġanti mill-Iskrittura.
Kompli Imita lill-Iktar Wieħed li Jaf Jagħmel Dixxipli
20, 21. Għala għandek tkun semmiegħ tajjeb fix-xogħol tiegħek taʼ li tagħmel dixxipli?
20 Jekk qed tiddiskuti xi suġġett maʼ wliedek jew maʼ xi ħadd ieħor, huwa vitali li tkun semmiegħ tajjeb. Tabilħaqq, hija espressjoni taʼ mħabba. Billi tagħti widen, tkun qed turi l-umiltà, u dak li jkun qed jitkellem ikun qed jintwera rispett u konsiderazzjoni bl-imħabba. M’għandniex xi ngħidu, li tismaʼ jirrikjedi li toqgħod attent għall-espressjonijiet tal-persuna.
21 Hekk kif tieħu sehem fil-ministeru Kristjan, ibqaʼ ismaʼ bir-reqqa lill-inkwilini. Jekk tagħti attenzjoni sħiħa għal dak li jgħidu, x’aktarx li se ssir taf liema aspetti tal-verità tal-Bibbja se jinteressawhom l-iktar. Imbagħad stinka biex tgħinhom billi tuża d-diversi metodi taʼ tagħlim li uża Ġesù. Hekk kif tagħmel dan, se tiġi premjat bil-ferħ u s-sodisfazzjon minħabba li tkun qed timita lill-iktar wieħed li jaf jagħmel dixxipli.
Int Kif Twieġeb?
• Ġesù kif inkuraġġixxa lil oħrajn biex jesprimu l-ħsibijiet tagħhom?
• Ġesù għala ta widen lil dawk li kien jgħallem?
• Kif tistaʼ tuża l-mistoqsijiet fil-ministeru tiegħek?
• X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lit-tfal spiritwalment?
[Stampa f’paġna 28]
Meta tkun qed tippriedka, kun żgur li tagħti widen
[Stampa f’paġna 30]
Aħna nkunu qed nimitaw lil Ġesù meta ngħinu lit-tfal spiritwalment