Dak li Jbassar Ġeħova Jitwettaq
“JIEN hu Alla, u ħadd ħliefi m’hemm. Jien Alla u m’hemm ħadd bħali! Sa mill-bidu ngħarraf it-tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx.” (Isaija 46:9, 10) Hekk jgħid Ġeħova, dak li kapaċi jbassar il-futur mingħajr ma jiżbalja.
Mhux xi sigriet li l-bniedem m’huwiex kapaċi jbassar il-futur b’mod eżatt. Għaldaqstant, il-fatt li l-Bibbja hija ktieb taʼ profeziji għandu jqanqal lil kulmin qed ifittex il-verità biex jara jekk huwiex minnu dak li tgħid hi, li Alla huwa l-awtur tagħha. Ejja nikkunsidraw xi profeziji Bibliċi li seħħew diġà.
Ċivilizzazzjonijiet Antiki
Alla bassar li Edom, Mowab, u Għammon kienu se jiġu meqrudin għal dejjem. (Ġeremija 48:42; 49:17, 18; 51:24-26; Għabdija 8, 18; Sofonija 2:8, 9) L-għibien taʼ dawn il-popli bħala ġnus distinti jagħti prova taʼ kemm il-Kelma profetika t’Alla hija eżatta.
M’għandniex xi ngħidu, xi ħadd jistaʼ jqajjem l-argument li kulħadd jistaʼ jbassar li ġens, ikun kemm ikun b’saħħtu, maż-żmien m’huwiex se jibqaʼ jeżisti. Imma dan l-argument jinjora l-fatt vitali li l-Bibbja ma waqfitx hemm. Per eżempju, din ipprovdiet dettalji dwar kif kienet se tingħeleb Babilonja. Il-Bibbja bassret li l-belt kienet se tintrebaħ mill-Medin, li s-suldati li kienu se jinvaduha kellhom jitmexxew minn Ċiru, u li x-xmajjar li kienu mezz taʼ difiża għall-belt kienu se jiġu mnixxfin.—Isaija 13:17-19; 44:27–45:1.
Il-Bibbja mhux fil-każijiet kollha tbassar li xi ġens jew poplu mirbuħ kien se jgħib għal dejjem. Għal kuntrarju, meta Alla bassar li Ġerusalemm kienet se taqaʼ f’idejn il-Babiloniżi, hu qal li l-belt kellha terġaʼ tiġi restawrata, minkejja li l-Babiloniżi kellhom id-drawwa li qatt ma jeħilsu lill-ilsiera tagħhom. (Ġeremija 24:4-7; 29:10; 30:18, 19) Dan twettaq, u d-dixxendenti Lhud baqgħu jeżistu bħala poplu distint sa llum.
Iżjed minn hekk, Ġeħova bassar li l-Eġittu ma kellux jibqaʼ qawwa dinjija, imma li “wara dan l-Eġittu [kellu] jitgħammar bħal fi żmien il-qedem.” Maż-żmien, din il-qawwa dinjija antika kellha ssir “saltna ċkejkna.” (Ġeremija 46:25, 26; Eżekjel 29:14, 15) Anki dan wera li kien minnu. Barra minn hekk, Ġeħova bassar li l-Greċja ma kinitx se tibqaʼ qawwa dinjija, imma qatt ma qal li dan il-ġens ma kienx se jeżisti iżjed. X’nitgħallmu mill-fatt li ċ-ċivilizzazzjonijiet li Ġeħova bassar li kellhom jinqerdu għalkollox għabu, filwaqt li oħrajn li Ġeħova m’għamilx l-istess tbassira dwarhom baqgħu jeżistu? Li l-Kelma t’Alla fiha profeziji ġenwini u li tistaʼ toqgħod fuqhom.
Dettaljati b’Mod taʼ l-Għaġeb
Bħalma semmejna iżjed ’il fuq, Ġeħova pprovda ħafna dettalji dwar il-mod kif kellha taqaʼ Babilonja. Bl-istess mod, meta bassar il-qerda taʼ Tir, il-ktieb t’Eżekjel qal li l-ġebel, l-injam, u t-trab tagħha kellhom jitwaddbu “f’nofs taʼ baħar.” (Eżekjel 26:4, 5, 12) Din il-profezija twettqet fis-sena 332 Q.E.K. meta Alessandru l-Kbir qabbad lill-armata tiegħu jużaw it-terrapien mill-parti mirbuħa tal-belt prinċipali taʼ Tir biex jibnu mogħdija tal-ġebel sal-parti l-oħra tal-belt li kienet fuq gżira. Imbagħad din ġiet mirbuħa wkoll.
Il-profezija mniżżla f’Danjel 8:5-8, 21, 22 u 11:3, 4 tipprovdi wkoll dettalji impressjonanti dwar ċertu “sultan tal-Greċja” li kien setgħan b’mod straordinarju. Dan il-ħakkiem kellu jmut meta l-qawwa tiegħu tkun fl-aqwa tagħha, u s-saltna tiegħu kellha tinqasam f’erbgħa imma mhux bejn id-dixxendenti tiegħu. Iktar minn 200 sena wara li nkitbet din il-profezija, Alessandru l-Kbir ta prova li kien dan is-sultan setgħan. L-istorja sekulari tgħidilna li hu miet qabel iż-żmien u l-imperu tiegħu nqasam bejn erbgħa mill-ġenerali tiegħu—li ma kinux dixxendenti tiegħu.
Il-kritiċi jsostnu li din il-profezija nkitbet meta din il-ġrajja kienet diġà seħħet. Iżda, erġaʼ agħti daqqa t’għajn lejn dan ir-rakkont li għadna kif semmejna fil-ktieb taʼ Danjel. Meta tħares lejh bħala profezija, id-dettalji li fih huma rimarkevoli. Iżda meta tħares lejh bħala rakkont storiku li qed jitqies bħala profezija, ma jidhirx li fih nuqqas kbir taʼ dettalji? Jekk xi impustur li għex wara Alessandru kien qed jipprova jimpressjona ’l-qarrejja bi profezija immaġinarja, dan għala ma żiedx il-punt li eżatt mal-mewt t’Alessandru, tnejn minn uliedu pprovaw isaltnu imma ġew assassinati? Għala ma semmiex li kellhom jgħaddu għaxriet taʼ snin qabel ma l-erbaʼ ġenerali stabbilew ruħhom fuq partijiet differenti taʼ l-imperu t’Alessandru? U jekk niġu f’dan, għala ma semmiex l-ismijiet tas-sultan setgħan u l-erbaʼ ġenerali tiegħu?
L-istqarrija li l-profezija Biblika nkitbet wara li kienet diġà seħħet hija xi ħaġa li ilha tingħad, imma li qatt ma ġiet provata, minn dawk li qabel ma eżaminaw l-evidenza, iddeċidew li huwa impossibbli li tbassar il-futur. Peress li huma jirrifjutaw li jaċċettaw il-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla, iridu bilfors jispjegaw kollox minn ħarsa umana u fiżika biss. Minkejja dan, Alla b’ispirazzjoni tana biżżejjed dettalji profetiċi biex jurina li hu s-sors tal-profeziji Bibliċi.a
Jekk tieħu l-ħin biex timmedita fuq profeziji speċifiċi u t-twettiq tagħhom, il-profezija Biblika tistaʼ ssaħħaħlek il-fidi. Għala ma tagħmilx studju tal-profeziji Bibliċi? It-tabella f’paġna 200 tal-ktieb “Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?” tistaʼ tgħinek tagħmel dan.b Jekk tapplika dan is-suġġeriment, ibda dan il-proġett bil-mira li ssaħħaħ il-fidi tiegħek. Tgħaġġilx biex sempliċement tkun qrajt il-materjal. Minflok, immedita b’apprezzament fuq il-fatt li kulma jbassar Ġeħova jitwettaq eżatt.
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni li turi kemm il-profezija Biblika mhux veru nkitbet wara li jkun seħħ il-fatt, ara paġni 106-11 tal-ktieb Is There a Creator Who Cares About You? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 24]
PRINĊIPJI BIEX JGĦINUNA FIL-ĦAJJA
Dan hu punt ieħor fuqiex timmedita. L-Alla li bassar tant bl-eżatt il-qawma u l-waqgħa tal-qawwiet dinjin huwa l-istess Wieħed li tana l-prinċipji Bibliċi biex jgħinuna fil-ħajja. Xi wħud minnhom huma:
Dak li tiżraʼ taħsad.—Galatin 6:7.
Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.—Atti 20:35.
L-hena jiddependi milli wieħed jissodisfa l-bżonnijiet spiritwali tiegħu.—Mattew 5:3.
Jekk tapplika dawn il-prinċipji f’ħajtek tistaʼ tkun fiduċjuż li se jġibulek hena u suċċess.
[Stampi f’paġni 22, 23]
Il-Kelma t’Alla bassret it-tmiem permanenti taʼ dawn iċ-ċivilizzazzjonijiet . . .
EDOM
BABILONJA
. . . imma mhux taʼ dawn
GREĊJA
EĠITTU
[Sorsi]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
WHO photo by Edouard Boubat
[Stampa f’paġna 23]
Alessandru l-Kbir