Imita l-Fidi Tagħhom
Hu Ddefenda l-Qima Pura
ELIJA ħares lejn il-folla tielgħa bi tbatija fuq il-Muntanja Karmel. Minkejja li kien għadu qed ibexbex, il-faqar u l-għaks li kienu qed jagħfsu fuq dawn in-nies kienu jidhru sew. In-nixfa li damet tliet snin u nofs kienet ħalliet il-marka tagħha fuqhom.
Fosthom kien hemm l-450 profeta taʼ Bagħal, mexjin dritti dritti u kburin, b’qalb mimlija mibegħda għal Elija, il-profeta taʼ Ġeħova. Is-Sultana Ġeżabel kienet qatlet ħafna mill-qaddejja taʼ Ġeħova, iżda dan ir-raġel kien għadu jżomm sod kontra l-qima taʼ Bagħal. Però, kemm setaʼ jdum iktar? Forsi dawk il-qassisin irraġunaw li raġel waħdu ma setaʼ qatt jibqaʼ sod kontrihom ilkoll. (1 Slaten 18:3, 19, 20) Is-Sultan Aħab ġie wkoll, riekeb fil-karru rjali tiegħu. Lanqas hu ma kien iġerrgħu lil Elija.
Lil dan l-uniku profeta veru kien qed jistennieh jum mhux bħall-oħrajn. Quddiem għajnejn Elija kienet qed titħejja x-xena għal waħda mill-akbar konfrontazzjonijiet drammatiċi li qatt rat id-dinja, dik taʼ bejn it-tajjeb u l-ħażin. Kif ħassu Elija hekk kif beda jisbaħ? Bħala “raġel b’sentimenti bħal tagħna,” żgur li kien xi daqsxejn beżgħan. (Ġakbu 5:17) Minn taʼ lanqas nistgħu nkunu ċerti minn ħaġa waħda: Imdawwar b’nies bla fidi, bis-sultan apostata tagħhom, u b’dawk il-qassisin qattilin, min jaf kemm ħassha Elija li kien waħdu.—1 Slaten 18:22.
Iżda, x’wassal lil Iżrael għal din il-kriżi? U int illum x’għandek x’taqsam maʼ dan ir-rakkont? Il-Bibbja tħeġġiġna nirriflettu fuq il-qaddejja devoti t’Alla u ‘nimitaw il-fidi tagħhom.’ (Ebrej 13:7) Issa kkunsidra l-eżempju t’Elija.
Battalja Twila Tasal għall-Qofol Tagħha
Għal parti kbira minn ħajtu, Elija qagħad iħares, bla ma setaʼ jagħmel xejn, hekk kif l-isbaħ ħaġa li kellhom pajjiżu u niesu tiġi mwarrba u kalpestata. Iżrael kien ilu żmien twil għaddej minn battalja, jissielet jekk jagħżilx ir-reliġjon pura jew dik falza, il-qima t’Alla Ġeħova jew l-idolatrija tal-ġnus taʼ madwar. Fi żmien Elija, din il-battalja kompliet sejra iżjed għall-agħar.
Is-Sultan Aħab kien iżżewweġ lil Ġeżabel, bint is-sultan taʼ Sidon. Ġeżabel kienet determinata li xxerred il-qima taʼ Bagħal mal-pajjiż taʼ Iżrael u tqaċċat kompletament il-qima taʼ Ġeħova. Aħab ma damx ma ċeda għall-influwenza tagħha. Hu bena tempju u artal lil Bagħal u kien minn taʼ quddiem fil-qima taʼ dan l-alla pagan. Hu offenda ferm lil Ġeħova.—1 Slaten 16:30-33.a
X’għamel il-qima taʼ Bagħal daqstant offensiva? Din qarrqet bil-poplu taʼ Iżrael, u ħajret lil ħafna minnhom jitbiegħdu mill-Alla l-veru. Kienet ukoll reliġjon imħassra u brutali. Kienet tinvolvi prostituzzjoni fit-tempju kemm taʼ rġiel kif ukoll taʼ nisa, tbahrid sesswali, saħansitra l-issagrifikar tat-tfal. Ġeħova rreaġixxa billi bagħat lil Elija għand Aħab sabiex iħabbarlu li kien se jkun hemm nixfa, u li din kienet se ddum sakemm il-profeta t’Alla jħabbar it-tmiem tagħha. (1 Slaten 17:1) Laħqu għaddew diversi snin sakemm Elija deher quddiem Aħab u qallu biex jiġmaʼ l-poplu u l-profeti taʼ Bagħal fuq il-Muntanja Karmel.
Iżda din il-battalja xi tfisser għalina llum? Xi wħud għandhom mnejn jaħsbu li storja dwar il-qima taʼ Bagħal ma tapplikax għal żmienna, ladarba madwarna ma naraw l-ebda tempju jew artal dedikat lil Bagħal. Imma dan ir-rakkont m’huwiex sempliċement ġrajja storika antika. (Rumani 15:4) Il-kelma “Bagħal” tfisser “sid” jew “kap.” Ġeħova qal lin-nies tiegħu li huma kellhom jagħżluh bħala l-“bagħal” tagħhom, jew sidhom bħal raġel miżżewweġ. (Isaija 54:5, NW) Ma taqbilx int li n-nies għadhom jaqdu għadd taʼ sidien oħrajn minflok lil Alla li Jistaʼ Kollox? Iva, meta n-nies jużaw ħajjithom biex jiġru wara l-flus, il-karriera, ir-rikreazzjoni, il-pjaċiri sesswali, jew xi wieħed mill-allat bla għadd li jiġu meqjumin minflok Ġeħova, huma jkunu qed jagħżlu sid. (Mattew 6:24; Rumani 6:16) Għalhekk, sa ċertu punt, l-iktar aspetti qawwijin li kienu jikkaratterizzaw il-qima taʼ Bagħal għadhom jeżistu llum. Il-ġlieda antika bejn Ġeħova u Bagħal tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjoni għaqlija rigward lil min irridu naqdu.
“Titlajjaw” —Kif?
Minn fuq il-quċċata tal-Muntanja Karmel, li hija esposta għall-irjieħ, wieħed jistaʼ jġib taħtu parti kbira mill-art taʼ Iżrael—mill-wied taʼ Kison sal-Baħar il-Kbir (il-Baħar Mediterran), li qiegħed fil-qrib, sal-muntanji tal-Libanu fl-orizzont imbiegħed fit-tramuntana.b Imma hekk kif telgħet ix-xemx f’dan il-jum hekk importanti, il-veduta kienet waħda taʼ swied il-qalb. L-art li Ġeħova kien taha lil ulied Abraham u li darba kienet fertili, issa kienet bħallikieku f’dell il-mewt. Issa kienet art fejn ix-xemx kienet tisreġ fuqha bla ħniena, rovinata minħabba l-bluha tal-poplu t’Alla stess! Hekk kif dawn in-nies inġemgħu flimkien, Elija resaq lejhom u qal: “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra? Jekk il-Mulej hu Alla, morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk inhu hu.”—1 Slaten 18:21.
X’ried ifisser Elija bl-espressjoni “titlajjaw minn naħa għal oħra”? Sewwa, dawk in-nies ma rrealizzawx li huma kellhom jagħżlu bejn il-qima taʼ Ġeħova u l-qima taʼ Bagħal. Huma ħasbu li setgħu jqimu lit-tnejn—jibqgħu ħbieb maʼ Bagħal bir-ritwali moqżieża tagħhom u fl-istess ħin jitolbu lil Alla Ġeħova biex jgħinhom. Forsi huma rraġunaw li Bagħal kien se jberkilhom l-uċuħ tar-rabaʼ u l-imrieħel tagħhom, waqt li Ġeħova “l-Mulej taʼ l-eżerċti” se jipproteġihom fil-battalji. (1 Samwel 17:45) Imma kienu nsew verità bażika—verità li ħafna nies illum għadhom ma fehmuhiex—li Ġeħova ma jaqsam il-qima tiegħu maʼ ħadd. Hu bi dritt jitlob u jistħoqqlu devozzjoni esklużiva. Kull qima lejh li tkun imħallta maʼ xi forma taʼ qima oħra m’hijiex aċċettabbli għalih, anzi toffendih!—Eżodu 20:5.
Għaldaqstant, dawn l-Iżraelin kienu qed ‘jitlajjaw’ bħal bniedem li jipprova jimxi f’żewġ toroq f’daqqa. Ħafna nies jagħmlu dan l-istess żball illum, billi jħallu lil xi “bagħal” ieħor jidħol inkiss inkiss f’ħajjithom, u jieħu post il-qima t’Alla! L-istedina urġenti u ċara t’Elija biex ma nibqgħux nitlajjaw tistaʼ tgħinna neżaminaw mill-ġdid il-prijoritajiet u l-qima tagħna.
Prova Deċiżiva
Elija mbagħad ippropona li ssir prova. Din kienet sempliċi ħafna. Il-qassisin taʼ Bagħal kellhom iwaqqfu artal u jpoġġu annimal tas-sagrifiċċju fuqu; imbagħad jitolbu lill-alla tagħhom biex iqabbad in-nar. Elija kellu jagħmel l-istess. Hu qal: “Dak l-alla li jwieġeb permezz tan-nar, dan ikun hu Alla.” Elija kien jaf tajjeb min kien l-Alla l-veru. Tant kellu fidi b’saħħitha li ma qagħadx jaħsibha imma ħalla l-profeti taʼ Bagħal jibdew huma. Hu ta lill-opponenti tiegħu kull vantaġġ, billi ħalliehom jagħżlu l-gendus għas-sagrifiċċju tagħhom u jersqu quddiem Bagħal l-ewwel.c—1 Slaten 18:24, 25.
Fi żmienna ma jseħħux mirakli bħal dawn. Minkejja dan, Ġeħova ma nbidilx. Aħna jistaʼ jkollna l-istess fiduċja fih li kellu Elija. Per eżempju, meta oħrajn ma jaqblux maʼ dak li tgħallem il-Bibbja, m’għandniex għalfejn nibżgħu li nħalluhom jitkellmu u jesprimu ruħhom. Bħal Elija, aħna nistgħu nistennew l-Alla l-veru jsolvi l-kwistjoni. Dan nagħmluh billi ma nistriħux fuqna nfusna imma nistrieħu fuq il-Kelma mnebbħa tiegħu, li hi mfassla biex “tikkoreġi.”—2 Timotju 3:16.
Il-profeti taʼ Bagħal ħejjew is-sagrifiċċju tagħhom u bdew isejħu lill-alla tagħhom. “Bagħal, weġibna!” huma għajtu għal darba wara l-oħra. U komplew jgħajtu hekk kif għaddew il-minuti u mbagħad is-sigħat. “Iżda ebda kelma ma kien hemm, u ebda tweġiba,” tgħid il-Bibbja. F’nofsinhar Elija beda jiddieħaq bihom u jgħidilhom b’mod sarkastiku li Bagħal żgur li kellu ħafna x’jagħmel ladarba ma wiġibhomx, u li kien imħabbat, jew inkella rieqed u kellu bżonn min iqajmu. “Għajjtu b’leħen ogħla,” ħeġġiġhom Elija lil dawk l-impusturi. Jidher ċar li hu ra din il-qima taʼ Bagħal bħala farsa, u ried lill-poplu t’Alla jirrealizza li ma kinitx ħlief qerq.—1 Slaten 18:26, 27.
Għal dan, il-qassisin taʼ Bagħal iktar qabdithom ferneżija, “u bdew jgħajjtu b’leħen ogħla, u jqattgħu ġisimhom, skond id-drawwa tagħhom, bi sjuf u skieken, sa ma beda jċarċar id-demm fuqhom.” Imma kollu għalxejn! “Ma kien hemm ebda kelma, ebda tweġiba, ebda widen.” (1 Slaten 18:28, 29) Tabilħaqq, ma kien hemm ebda Bagħal. Dan kien invenzjoni taʼ Satana bl-iskop li jbiegħed lin-nies lil hinn minn Ġeħova. Illum, l-istess bħal fil-passat, jekk nagħżlu xi sid ieħor minflok lil Ġeħova se nkunu diżappuntati u mġegħlin nistħu.—Salm 25:3; 115:4-8.
It-Tweġiba
Iktar tard fil-għaxija kien imiss lil Elija. Hu sewwa l-artal taʼ Ġeħova li kien ġie mġarraf, bla dubju mill-għedewwa tal-qima pura. Hu uża 12-il ġebla, u b’hekk forsi fakkar lil ħafna mill-ġens taʼ l-10 tribujiet taʼ Iżrael li xorta waħda kienu għadhom taħt il-Liġi li kienet ngħatat lit-12-il tribù kollha kemm huma. Imbagħad qiegħed is-sagrifiċċju tiegħu fuq l-artal u qalilhom biex ixarrbu kollox bl-ilma, li x’aktarx ġabuh mill-Baħar Mediterran li kien fil-viċin. Hu saħansitra qalilhom biex iħaffru gandott madwar l-artal u jimlewh ukoll bl-ilma. Bħalma lill-profeti taʼ Bagħal kien tahom kull vantaġġ, bl-istess mod hu ta lil Ġeħova kull żvantaġġ—tant kemm kellu fiduċja f’Alla tiegħu.—1 Slaten 18:30-35.
Meta kollox kien lest, Elija qal talba. Din it-talba sempliċi imma qawwija wriet ċar x’kienu l-prijoritajiet t’Elija. L-ewwel u qabel kollox, hu ried li jsir magħruf li Ġeħova, u mhux dan Bagħal, kien “Alla fost Iżrael.” It-tieni, hu ried lil kulħadd ikun jaf li l-irwol tiegħu kien dak taʼ qaddej taʼ Ġeħova; il-glorja u l-kredtu kellhom jingħataw kollha lil Alla. Fl-aħħar, hu wera li xorta kien għadu jimpurtah minn niesu, għax kien ħerqan biex jara lil Ġeħova jdawrilhom “qalbhom lura.” (1 Slaten 18:36, 37) Minkejja l-miżerja kollha li kienu ġabu fuqhom bin-nuqqas taʼ fedeltà tagħhom, Elija kien għadu jħobbhom. Meta nitolbu lil Alla, nistgħu aħna nuru l-istess tħassib għall-isem t’Alla, kif ukoll umiltà u mogħdrija lejn dawk li jeħtieġu l-għajnuna?
Qabel it-talba t’Elija, il-folol li kienu hemmhekk forsi kienu qed jaħsbuha jekk Ġeħova kienx se jirriżulta li hu gidba fiergħa bħalma kien Bagħal. Iżda wara t-talba ma kienx hemm ħin għad-dubji. Ir-rakkont jgħid: “U niżel nar mingħand il-Mulej, u ħaraq il-vittma, u l-ħatab, u l-ġebel, u t-trab, sa ma xorob l-ilma fil-gandott.” (1 Slaten 18:38) Xi tweġiba spettakolari! U n-nies kif irreaġixxew?
“Jaħweh [jew, Ġeħova], Alla hu! Jaħweh, Alla hu!” għajtu lkoll kemm huma. (1 Slaten 18:39) Fl-aħħar raw il-verità. Madankollu, s’issa kienu għadhom ma wrew l-ebda fidi. Ngħiduha kif inhi, billi ammettew li Ġeħova huwa l-Alla l-veru, wara li kienu raw in-nar nieżel mis-sema bi tweġiba għat-talba t’Elija, ma kinux qed jagħmlu xi turija impressjonanti tal-fidi. Għalhekk, Elija talabhom jagħmlu xi ħaġa oħra. Hu talabhom jagħmlu dak li suppost kienu għamlu ħafna snin qabel—jobdu l-Liġi taʼ Ġeħova. Il-Liġi t’Alla kienet tgħid li l-profeti foloz u l-idolatri kellhom jingħataw il-mewt. (Dewteronomju 13:6-10 [13:5-9, NW]) Dawn il-qassisin taʼ Bagħal kienu għedewwa akkaniti t’Alla Ġeħova u minn jeddhom kienu ħadmu kontra l-iskopijiet tiegħu. Kienu dawn jistħoqqilhom li jintwerew ħniena? Sewwa, xi ħniena qatt intweriet maʼ dawk it-tfal innoċenti kollha li ġew maħruqin ħajjin bħala sagrifiċċji lil Bagħal? (Proverbji 21:13; Ġeremija 19:5) Le, dawn l-irġiel ma kien jistħoqqilhom l-ebda ħniena. Għaldaqstant, Elija ordna li jiġu maqtulin, u fil-fatt hekk sar.—1 Slaten 18:40.
Xi wħud mill-kritiċi taʼ llum jikkritikaw il-mod kif intemmet din il-prova fuq il-Muntanja Karmel. Xi wħud jistgħu jinkwetaw li xi reliġjużi fanatiċi jużaw din il-konklużjoni biex jiġġustifikaw atti vjolenti taʼ intolleranza reliġjuża. U b’sogħba, illum il-ġurnata hawn wisq fanatiċi reliġjużi vjolenti. Iżda Elija ma kienx fanatiku. Hu kien qed jaġixxi għan-nom taʼ Ġeħova f’esekuzzjoni ġusta. Iżjed minn hekk, il-Kristjani ġenwini jafu li huma ma jistgħux jagħmlu bħal Elija u jaqbdu u joqtlu lin-nies il-ħżiena. Wara li ġie l-Messija, il-prinċipju għad-dixxipli kollha taʼ Ġesù nsibuh fil-kliem li Kristu qal lil Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Mattew 26:52) Fil-futur, Ġeħova se juża lil Ibnu biex iwettaq ġustizzja divina.
Ir-responsabbiltà taʼ Kristjan veru hi li jgħix ħajja taʼ fidi. (Ġwanni 3:16) Mod wieħed kif jagħmel dan hu billi jimita lil nies leali bħal Elija. Dan qiem biss lil Ġeħova u ħeġġeġ lil oħrajn jagħmlu bħalu. B’mod qalbieni, hu kixef il-qerq taʼ reliġjon li ntużat minn Satana biex iħajjar lin-nies jitbiegħdu minn Ġeħova. U hu ħalla f’idejn Ġeħova biex isolvi l-kwistjoni, u ma qagħadx fuq l-abbiltajiet u r-rieda tiegħu stess. Tabilħaqq, Elija ddefenda l-qima pura. Jalla kull wieħed u waħda minna nimitaw il-fidi tiegħu!
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar dak li ġara bejn Elija u Aħab iżjed qabel, ara l-artiklu “Għandek Int Fidi Bħal t’Elija?” fil-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Lulju, 1992.
b Il-Karmel ġeneralment tkun tħaddar u fertili, peress li l-irjieħ li jiġu minn fuq il-baħar iġibu magħhom ħafna umdità, u huma u telgħin ’il fuq taʼ spiss iħallu warajhom ħalbiet tax-xita u ħafna nida. Peress li Bagħal kien jingħata l-kredtu għax-xita, din il-muntanja evidentement kienet post importanti għall-qima taʼ Bagħal. Għaldaqstant, issa li l-Karmel kienet post niexef u vojt, ma setax ikun hemm post aħjar biex tintwera kemm kienet falza l-qima taʼ Bagħal.
c Taʼ min jinnota li Elija qalilhom biex ma jqabbdux in-nar għas-sagrifiċċju. Xi studjużi jgħidu li dawn l-idolatri kultant kienu jużaw artali li kien ikollhom ħofra moħbija taħthom sabiex in-nar ikun jidher li qisu tqabbad b’xi qawwa sopranaturali.
[Kumment f’paġna 20]
Jekk nagħżlu xi sid ieħor minflok lil Ġeħova se nkunu diżappuntati
[Stampa f’paġna 21]
“[Ġeħova], Alla hu!”