LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 1/1 pp. 14-17
  • Hija l-Evoluzzjoni fi Qbil mal-Bibbja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hija l-Evoluzzjoni fi Qbil mal-Bibbja?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta Kien Hemm Bniedem Wieħed
  • Il-​Waqgħa tal-​Bniedem mill-​Perfezzjoni
  • Tistaʼ Temmen fl-​Evoluzzjoni Kif Ukoll fil-​Kristjanità?
  • Għala l-​Evoluzzjoni Tiġbed lin-​Nies
  • Fidi fil-​Ħallieq Ibbażata fuq l-​Evidenza
  • Il-ħolqien jew l-evoluzzjoni?—It-2 parti: Għala għandek tiddubita l-evoluzzjoni?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Uża Alla l-​Evoluzzjoni Biex Joħloq Kollox?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Għandi nemmen fl-​evoluzzjoni?
    Tweġibiet għal 10 mistoqsijiet li ż-żgħażagħ jistaqsu
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 1/1 pp. 14-17

Hija l-​Evoluzzjoni fi Qbil mal-​Bibbja?

HUWA possibbli li Alla uża l-​evoluzzjoni biex jagħmel il-​bnedmin mill-​annimali? Veru li Alla dderieġa l-​batterji biex jiżviluppaw f’ħut u mbagħad ikomplu jiżviluppaw f’rettili u mammali, biex sa fl-​aħħar razza taʼ xadini saret bnedmin? Xi xjenzati u mexxejja reliġjużi jgħidu li jemmnu kemm fit-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni kif ukoll fil-​Bibbja. Huma jgħidu li l-​ktieb Bibliku tal-​Ġenesi huwa parabbola. Forsi int ġieli staqsejt, ‘It-​teorija li l-​bniedem evolva mill-​annimali taqbel maʼ dak li tgħid il-​Bibbja?’

Li nifhmu minfejn ġejjin hu vitali biex nifhmu min aħna, fejn sejrin, u kif għandna ngħixu. Jekk biss inkunu nafu x’inhi l-​oriġini tal-​bniedem inkunu nistgħu nifhmu għala Alla ppermetta s-​sofferenza u x’inhu l-​iskop tiegħu għall-​futur tal-​bniedem. Ma nistgħux ingawdu relazzjoni approvata m’Alla jekk ma nkunux ċerti li hu l-​Ħallieq tagħna. Għalhekk, ejja neżaminaw x’tgħid il-​Bibbja dwar l-​oriġini tal-​bniedem, il-​kundizzjoni tiegħu t’issa, u l-​futur tiegħu. Imbagħad naraw jekk it-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni taqbilx mal-​Bibbja.

Meta Kien Hemm Bniedem Wieħed

L-​evoluzzjonisti ġeneralment jgħidu li popolazzjoni t’annimali bil-​mod il-​mod żviluppat f’popolazzjoni taʼ bnedmin, u ma jaċċettawx il-​fatt li darba kien hemm biss bniedem wieħed. Madankollu, il-​Bibbja tagħtina stampa differenti ħafna. Din tgħid li aħna ġejjin minn bniedem wieħed, Adam. Ir-​rakkont tal-​Bibbja jippreżenta lil Adam bħala persuna reali. Jagħtina l-​ismijiet taʼ martu u taʼ xi wħud minn uliedu. Jgħidilna bid-​dettall x’għamel, x’qal, meta għex, u meta miet. Ġesù ma qiesx dan ir-​rakkont bħala sempliċi storja għal nies bla skola. Meta kien qed ikellem lill-​mexxejja reliġjużi li kellhom livell għoli t’edukazzjoni, hu qal: “Ma qrajtux li sa mill-​bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara?” (Mattew 19:3-5) Ġesù mbagħad ikkwota l-​kliem li hemm imniżżel dwar Adam u Eva f’Ġenesi 2:24.

Luqa, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja u storjografu serju, ippreżenta lil Adam bħala persuna reali daqs Ġesù. Luqa ttraċċa l-​linja ġenealoġika taʼ Ġesù sa l-​ewwel bniedem. (Luqa 3:23-38) Ukoll, meta l-​appostlu Pawlu tkellem quddiem udjenza li kienet tinkludi filosfi li kienu ġew mgħallmin fil-​famużi skejjel Griegi, hu qalilhom: “L-​Alla li għamel id-​dinja u kulma fiha . . . minn raġel wieħed għamel il-​ġnus kollha tal-​bnedmin, biex jgħammru fuq il-​wiċċ kollu taʼ l-​art.” (Atti 17:24-26) B’mod ċar, il-​Bibbja tgħallem li aħna mnisslin minn “raġel wieħed.” Hija l-​evoluzzjoni fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​kundizzjoni li kellu l-​bniedem fil-​bidu?

Il-​Waqgħa tal-​Bniedem mill-​Perfezzjoni

Skond il-​Bibbja, Ġeħova għamel lill-​ewwel bniedem perfett. Huwa impossibbli għal Alla li jagħmel xi ħaġa mod ieħor. Ir-​rakkont tal-​ħolqien jgħid: “U Alla ħalaq il-​bniedem fuq xbihietu . . . U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:27, 31) Kif ikun bniedem perfett?

Bniedem perfett għandu l-​libertà taʼ l-​għażla u kapaċi jimita l-​kwalitajiet t’Alla kompletament. Il-​Bibbja tgħid: “Alla għamel il-​bniedem dritt, iżda huma jfittxu tagħwiġ bla għadd.” (Koħèlet 7:29) Adam għażel li jirribella kontra Alla. Bir-​ribelljoni tiegħu, Adam tilef il-​perfezzjoni kemm għalih u kemm għad-​dixxendenti tiegħu. Il-​waqgħa tal-​bniedem mill-​perfezzjoni tispjega għala aħna niddiżappuntaw lilna nfusna taʼ sikwit, avolja nkunu rridu nagħmlu dak li hu tajjeb. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ma nipprattikax dak li nixtieq; imma nagħmel dak li nobgħod.”—Rumani 7:15.

Skond il-​Bibbja, bniedem perfett jgħix għal dejjem u b’saħħa perfetta. Mill-​kliem li Alla qal lil Adam naraw ċar illi kieku l-​ewwel bniedem obda minn Alla, kieku ma kienx imut. (Ġenesi 2:16, 17; 3:22, 23) Ġeħova żgur li ma kienx jiddikjara li l-​ħolqien tal-​bniedem kien “tajjeb ħafna” kieku l-​bniedem kellu t-​tendenza li jimrad jew jirribella. Il-​waqgħa mill-​perfezzjoni tispjega għala l-​ġisem uman, għalkemm disinjat b’mod meraviljuż, huwa suġġett għad-​difetti u l-​mard. Għaldaqstant, l-​evoluzzjoni ma taqbilx mal-​Bibbja. L-​evoluzzjoni tippreżenta lill-​bniedem modern bħala annimal li dejjem sejjer ’il quddiem. Il-​Bibbja tippreżenta lill-​bniedem modern bħala dixxendent taʼ bniedem perfett li dejjem sejjer lura.

L-idea li Alla dderieġa l-​evoluzzjoni sabiex jipproduċi l-​bniedem ma taqbilx ukoll maʼ dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​personalità t’Alla. Jekk Alla ggwida l-​proċess taʼ l-​evoluzzjoni, allura hu ggwida l-​umanità għall-​istat marid u mnikket li tinsab fih illum. Madankollu, dwar Alla, il-​Bibbja tgħid: “Hu l-​Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-​triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa. Mxew ħażin miegħu; m’humiex uliedu, għajb għalihom.” (Dewteronomju 32:4, 5) Għalhekk, is-​sofferenza li qed iġġarrab l-​umanità bħalissa m’hijiex ir-​riżultat tal-​fatt li Alla dderieġa l-​evoluzzjoni. Hija r-​riżultat taʼ li bniedem wieħed tilef il-​perfezzjoni għalih u għad-​dixxendenti tiegħu billi rribella kontra Alla. Issa li kkunsidrajna lil Adam, nistgħu ngħaddu għal Ġesù. Hija l-​evoluzzjoni fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja dwar Ġesù?

Tistaʼ Temmen fl-​Evoluzzjoni Kif Ukoll fil-​Kristjanità?

“Kristu miet għal dnubietna.” Bħalma forsi taf, dan il-​fatt hu wieħed mit-​tagħlim bażiku tal-​Kristjanità. (1 Korintin 15:3; 1 Pietru 3:18) Sabiex nifhmu għala l-​evoluzzjoni maʼ taqbilx maʼ din l-​istqarrija, l-​ewwel irridu nifhmu għala l-​Bibbja ssejħilna midinbin u x’jagħmlilna d-​dnub.

Aħna lkoll midinbin fis-​sens li aħna ma nistgħux nimitaw perfettament il-​kwalitajiet glorjużi t’Alla, bħalma huma l-​imħabba u l-​ġustizzja tiegħu. Għalhekk, il-​Bibbja tgħid: “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” (Rumani 3:23) Il-​Bibbja tgħallem li d-​dnub huwa l-​kaġun tal-​mewt. “It-​tingiża li twassal għall-​mewt hi d-​dnub,” jgħid l-​1 Korintin 15:56. Il-​fatt li aħna writna d-​dnub huwa wkoll il-​kaġun primarju tal-​mard. Ġesù indika li hemm konnessjoni bejn il-​mard u l-​istat midneb tagħna. Hu qal lill-​paralitiku, “Dnubietek maħfurin,” u r-​raġel ġie mfejjaq.—Mattew 9:2-7.

Kif tgħinna l-​mewt taʼ Ġesù? Il-​Bibbja tagħmel kuntrast bejn Adam u Ġesù Kristu u tgħid: “Bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu.” (1 Korintin 15:22) Billi ssagrifika ħajtu, Ġesù ħallas il-​prezz tad-​dnub li writna mingħand Adam. Għaldaqstant, kulmin jeżerċita l-​fidi f’Ġesù u jobdih se jirċievi dak li tilef Adam—il-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 3:16; Rumani 6:23.

Mela tistaʼ tara kif l-​evoluzzjoni m’hijiex fi qbil mal-​Kristjanità? Jekk niddubitaw li “kulħadd qed imut f’Adam,” kif nistgħu nittamaw li “kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu”?

Għala l-​Evoluzzjoni Tiġbed lin-​Nies

Il-​Bibbja turi kif tagħlim bħal taʼ l-​evoluzzjoni sar popolari. Hi tgħid: “Ikun hemm perijodu taʼ żmien meta ma jittollerawx it-​tagħlim mimli saħħa, imma, fi qbil max-​xewqat tagħhom, jiġbru għalliema madwarhom biex jgħarrxulhom widnejhom; u jbiegħdu widnejhom mill-​verità, u jduru lejn stejjer foloz.” (2 Timotju 4:3, 4) Minkejja li l-​evoluzzjoni ġeneralment tiġi preżentata b’lingwa xjentifika, fil-​verità din hija tagħlim reliġjuż. Din tgħallem ċertu filosofija dwar il-​ħajja u attitudni lejn Alla. It-​twemmin tagħha jappella b’mod sottili għat-​tendenzi egoistiċi u indipendenti tal-​bniedem. Ħafna li jemmnu fl-​evoluzzjoni jgħidu li jemmnu wkoll f’Alla. Madankollu, huma jħossuhom liberi biex jaħsbu li ma kienx Alla li ħoloq l-​affarijiet, li hu ma jindaħalx fl-​affarijiet tal-​bniedem, u li m’huwiex se jiġġudika lin-​nies. Dan hu twemmin li jgħarrax widnejn in-​nies.

Taʼ spiss, dawk li huma favur l-​evoluzzjoni ma jkunux motivati mill-​fatti, imma mix-​“xewqat tagħhom”—forsi x-​xewqa biex ikunu aċċettati minn xi komunità xjentifika li għaliha l-​evoluzzjoni hija duttrina stabbilita. Il-​professur tal-​bijokimika Michael Behe, li qattaʼ l-​biċċa l-​kbira minn ħajtu jistudja l-​funzjonijiet interni u kumplessi taċ-​ċelluli ħajjin, spjega li dawk li jgħallmu li l-​istruttura taċ-​ċelluli evolviet m’għandhom l-​ebda bażi għat-​tagħlim tagħhom. Jistaʼ jkun hemm evoluzzjoni f’dan il-​livell molekulari ċkejken? “L-​evoluzzjoni molekulari m’hijiex ibbażata fuq awtorità xjentifika,” kiteb hu. “M’hemm l-​ebda pubblikazzjoni fil-​letteratura xjentifika—f’ġurnali prestiġjużi, ġurnali speċjalizzati, jew kotba—li tiddeskrivi kif ġrat jew saħansitra kif setgħet tiġri l-​evoluzzjoni molekulari taʼ xi sistema bijokimika kumplessa u reali. . . . L-​affermazzjoni li seħħet evoluzzjoni molekulari skond it-​teorija taʼ Darwin hija biss fanfarunata.”

Jekk l-​evoluzzjonisti ma jistgħux jagħtu spjegazzjoni, għaliex jippridkaw l-​ideat tagħhom b’tant qawwa? Behe jispjega: “Ħafna nies, inkluż ħafna xjenzati importanti u rispettati ferm, sempliċement ma jridux ikunu jafu li hemm xi ħaġa oħra apparti n-​natura.”

Id-duttrina taʼ l-​evoluzzjoni tattira lil ħafna nies tal-​kleru li jkunu jriduha t’għorrief. Huma jixbhu lil dawk deskritti mill-​appostlu Pawlu fl-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Ruma. Pawlu kiteb: “Dak li jistaʼ jkun magħruf dwar Alla jidher fosthom . . . Il-​kwalitajiet inviżibbli tiegħu, jiġifieri l-​qawwa eterna u d-​Divinità tiegħu, kienu jidhru ċar mill-​ħolqien tad-​dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-​affarijiet li nħolqu, u b’hekk ma jistgħux iġibu skuża. Għalkemm kienu jafu lil Alla, ma gglorifikawhx bħala Alla u lanqas irringrazzjawh, imma bdew jirraġunaw bla sens u qalbhom iddallmet għax ma kellhiex intelliġenza. Għalkemm insistew li kienu għorrief, saru boloh.” (Rumani 1:19-22) Int kif tistaʼ tevita li tiġi mqarraq minn għalliema foloz?

Fidi fil-​Ħallieq Ibbażata fuq l-​Evidenza

Il-​Bibbja tenfasizza l-​importanza taʼ l-​evidenza meta tiddefinixxi x’inhi l-​fidi. Hi tgħid: “Il-​fidi hi l-​istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom, it-​turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” (Ebrej 11:1) Fidi vera f’Alla għandha tkun ibbażata fuq evidenza li turi li l-​Ħallieq hu reali. Il-​Bibbja turi fejn tistaʼ ssib din l-​evidenza.

David, wieħed mill-​kittieba ispirati tal-​Bibbja, kiteb: “Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-​għaġeb għamiltni.” (Salm 139:14) Jekk nieħdu l-​ħin biex nirriflettu fuq il-​mod taʼ l-​għaġeb kif inhuma disinjati ġisimna u ħlejjaq ħajjin oħrajn, se jitnissel fina sens taʼ biżaʼ u stagħġib kbir għall-​għerf li għandu Dak li għamilna. Kull parti mill-​eluf taʼ sistemi li għandna fina u li jaħdmu flimkien biex iżommuna ħajjin hi disinjata bl-​aħjar mod possibbli. Ukoll, l-​univers fiżiku jagħtina evidenza t’ordni u preċiżjoni matematika. David kiteb: “Is-​smewwiet ixandru l-​glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-​firxa tas-​sema.”—Salm 19:2 (19:1, NW).

Il-Bibbja nfisha hija sors abbundanti t’evidenza dwar il-​Ħallieq. Jekk tieħu l-​ħin biex teżamina l-​konsistenza li hemm fis-​66 ktieb tagħha, is-​superjorità tal-​livelli morali tagħha, u l-​fatt li l-​profeziji tagħha dejjem twettqu se jkollok evidenza abbundanti li l-​awtur tagħha huwa l-​Ħallieq. Anki li tifhem it-​tagħlim tal-​Bibbja se jagħtik il-​fiduċja li l-​Bibbja hija tabilħaqq il-​Kelma tal-​Ħallieq. Per eżempju, meta tifhem tagħlim Bibliku bħal x’jikkaġuna s-​sofferenza, is-​Saltna t’Alla, il-​futur taʼ l-​umanità, u l-​mod kif issib l-​hena, se tara b’mod ċar l-​għerf t’Alla. Għandu mnejn tħossok bħal Pawlu meta kiteb: “Kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!”—Rumani 11:33.

Hekk kif teżamina l-​evidenza u l-​fidi tiegħek tikber, se ssir konvint li meta taqra l-​Bibbja, tkun qed tismaʼ l-​Ħallieq innifsu. Hu jgħid: “Jiena għamilt l-​art, u ħlaqt il-​bniedem fuqha. Jiena, idejja firxu s-​smewwiet, u l-​qtajjaʼ kollha tagħhom nikkmanda.” (Isaija 45:12) Bla dubju, int qatt m’hu se jiddispjaċik għall-​isforz li tkun għamilt biex tagħti prova lilek innifsek li Ġeħova hu l-​Ħallieq taʼ kollox.

[Kumment f’paġna 14]

L-​appostlu Pawlu qal lil Griegi li kienu taʼ l-​iskola: “Alla . . . minn raġel wieħed għamel il-​ġnus kollha tal-​bnedmin”

[Kumment f’paġna 15]

L-​evoluzzjoni tippreżenta lill-​bniedem modern bħala annimal li dejjem sejjer ’il quddiem. Il-​Bibbja tippreżenta lill-​bniedem modern bħala dixxendent taʼ bniedem perfett li dejjem sejjer lura

[Kumment f’paġna 16]

“L-​evoluzzjoni molekulari m’hijiex ibbażata fuq awtorità xjentifika”

[Kumment f’paġna 17]

Il-​mod taʼ l-​għaġeb kif inhuma disinjati l-​ħlejjaq ħajjin inissel fina sens taʼ biżaʼ u stagħġib kbir għall-​għerf li għandu Dak li għamilna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja