L-Edizzjoni l-Ġdida għall-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa
IR-RIVISTA li qed taqra hija l-ewwel ħarġa taʼ l-edizzjoni għall-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Nixtiequ nispjegawlek xi aspetti tad-dehra l-ġdida taʼ din ir-rivista.
L-edizzjoni għall-istudju hija pubblikata għax-Xhieda taʼ Ġeħova u għal studenti tal-Bibbja li qed jagħmlu progress. Se toħroġ darba fix-xahar u se jkun fiha erbaʼ jew ħames artikli għall-istudju. L-iskeda għall-konsiderazzjoni taʼ dawn l-artikli għall-istudju hija stampata fuq il-qoxra taʼ din ir-rivista. Kuntrarju għall-edizzjoni għall-pubbliku tat-Torri taʼ l-Għassa, l-edizzjoni għall-istudju mhux se jkollha stampa differenti fuq il-qoxra taʼ quddiem għal kull ħarġa, ladarba din m’hijiex se tiġi offruta fil-ministeru taʼ l-għalqa.
F’paġna 2 taʼ din ir-rivista se ssib sommarju qasir u tassew utli dwar l-iskop taʼ kull artiklu għall-istudju jew serje t’artikli kif ukoll lista taʼ l-artikli sekondarji. Dawk li jikkonduċu l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa se jsibu li dan l-aspett se jkun tassew t’għajnuna huma u jippreparaw għal diskussjoni siewja taʼ l-artikli fil-laqgħa tal-kongregazzjoni.
Se tinnota li l-artikli għall-istudju huma ftit iqsar milli kienu qabel. Għalhekk, hemm iktar ħin biex jiġu kunsidrati l-iskritturi prinċipali matul l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Aħna ninkuraġġuk minn qalbna biex tfittex l-iskritturi ċitati kollha kull ġimgħa. Qabel xi skritturi ċitati se jkun hemm miktub “Aqra” u għandhom jinqraw u jiġu diskussi matul l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Jistgħu jinqraw xi skritturi oħrajn skond ma jippermetti l-ħin. F’xi artikli, tistaʼ ssib xi skritturi li qabilhom se jkun hemm miktub “Qabbel.” Ladarba skritturi bħal dawn ma jipprovdux prova diretta għall-punti prinċipali fil-paragrafu, ġeneralment m’humiex se jinqraw fil-laqgħa tal-kongregazzjoni. Xorta waħda, l-iskritturi li trid tqabbel fihom iżjed informazzjoni interessanti, jew jistgħu jappoġġaw indirettament il-punti li jkunu qed jiġu diskussi. Ninkuraġġuk tiċċekkjahom waqt li tkun qed tipprepara għall-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Forsi se tkun tistaʼ tirreferi għalihom fil-kummenti tiegħek.
Ir-rapport taʼ kull sena mhux se jibqaʼ jidher fit-Torri taʼ l-Għassa. B’seħħ mill-2008, se jibda jidher bħala insert fil-Ministeru tas-Saltna kif ukoll fil-Yearbook. Madankollu, bħalma semmejna diġà, l-edizzjoni għall-istudju fiha artikli sekondarji. Għalkemm ħafna minn dawn mhux se jiġu diskussi f’laqgħa tal-kongregazzjoni, int imħeġġeġ li taqrahom bir-reqqa. Dawn ukoll fihom ikel spiritwali mill-“ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45-47.
Finalment, l-edizzjonijiet għall-istudju u għall-pubbliku tat-Torri taʼ l-Għassa m’humiex żewġ rivisti differenti. Huma t-tnejn It-Torri taʼ l-Għassa li Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova. It-tnejn li huma għandhom l-istess paragrafu f’paġna 2 li jispjega l-iskop tat-Torri taʼ l-Għassa. It-tnejn li huma se jkunu inklużi fil-volum illegat li joħroġ kull sena. U fl-artiklu “X’Tiftakar?” se jkun hemm materjal miż-żewġ edizzjonijiet, u dan se jiġi pubblikat fl-edizzjoni għall-istudju.
Mill-1879 ’l hawn, matul żminijiet taʼ gwerra, diffikultajiet ekonomiċi, u persekuzzjoni, It-Torri taʼ l-Għassa pproklama lealment veritajiet dwar is-Saltna t’Alla. Aħna nitolbu li bil-barka taʼ Ġeħova, se jkompli jwettaq dan l-iskop bid-dehra l-ġdida tiegħu. U nitolbu li Ġeħova jbierek lilek, il-qarrej, hekk kif tagħmel użu tajjeb mill-edizzjoni l-ġdida għall-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa.