Bidliet Eċċitanti fit-Torri taʼ l-Għassa!
1 Iktar kmieni din is-sena, il-kongregazzjonijiet irċivew avviż eċċitanti: B’seħħ minn Jannar 2008, It-Torri taʼ lGħassa se jkun f’żewġ edizzjonijiet differenti, waħda għall-pubbliku u l-oħra għall-fratellanza Kristjana tagħna! Forsi int bdejt taħseb: ‘Kif se jkunu differenti ż-żewġ rivisti? X’inhuma l-vantaġġi taʼ li jkollna edizzjonijiet separati? Se jkun hemm xi aspetti ġodda fl-edizzjonijiet il-ġodda?’
2 Id-Differenzi: Il-ħarġa taʼ l-ewwel tax-xahar se tkun magħrufa bħala l-Edizzjoni Pubblika. L-artikli kollha f’din il-ħarġa se jiġu preparati għall-benefiċċju tal-pubbliku. Il-ħarġa tal-15 tax-xahar se tkun magħrufa bħala l-Edizzjoni taʼ Studju u mhix se tiġi offruta fis-servizz taʼ l-għalqa. Se jkun fiha l-artikli taʼ l-istudju kollha taʼ xahar sħiħ kif ukoll artikli oħrajn li jinteressaw partikolarment lill-Kristjani dedikati. L-Edizzjoni Pubblika tat-Torri taʼ l-Għassa mhix se togħġob biss lix-Xhieda imma se togħġob b’mod speċjali lil dawk li m’humiex Xhieda li għandu mnejn ikollhom fidi fil-Bibbja. Mill-banda l-oħra, l-Awake! xorta se jibqaʼ jkollu l-għan li jolqot lil iktar nies, inkluż ix-xettiċi u dawk li r-reliġjon tagħhom m’hijiex Kristjana.
3 Il-Vantaġġi: Fl-Edizzjoni taʼ Studju, mhux se jkun hemm iktar bżonn li jiġu spjegati termini bħal “pijunier” sabiex ikunu jistgħu jifhmuhom dawk li m’humiex Xhieda. Din l-edizzjoni jistaʼ jkun fiha wkoll informazzjoni xierqa preparata b’mod speċjali għax-Xhieda taʼ Ġeħova u l-istudenti tal-Bibbja li qed jagħmlu progress spiritwali. Xi ngħidu għall-Edizzjoni Pubblika? Ladarba s-suġġetti u l-istil tal-kitba se jkunu diretti lejn il-pubbliku, wieħed li m’huwiex Xhud għandu jieħu pjaċir jaqra r-rivista minn qoxra sa qoxra. M’għandniex xi ngħidu, kull Xhud taʼ Ġeħova se jibbenefika billi jaqra kull ħarġa. Minħabba li se noffru Torri taʼ l-Għassa wieħed flimkien maʼ Awake! wieħed fil-ministeru taʼ l-għalqa kull xahar, se jkollna xahar sħiħ biex noħolqu preżentazzjonijiet effettivi.
4 Aspetti Ġodda: Hemm pjanati xi aspetti ġodda u eċċitanti għall-Edizzjoni Pubblika tat-Torri taʼ l-Għassa. Aspett wieħed se jiddiskuti tagħlim Skritturali bażiku b’mod tassew sempliċi. Se jkun hemm aspett ieħor dwar kif il-Bibbja tistaʼ tgħin lill-familji. Se jiġu preżentati proġetti taʼ studju tal-Bibbja għaż-żgħażagħ. Kull ħarġa se jkollha artiklu li jenfasizza partijiet Bibliċi speċifiċi li jgħallmuna dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova.
5 Aħna nitolbu li Ġeħova jbierek dan l-arranġament ġdid għat-Torri taʼ l-Għassa. Jalla din ir-rivista, flimkien maʼ l-Awake!, tilħaq bl-aħbar tajba lil ħafna iktar uħud li jistħoqqilhom.—Mt. 10:11.