“Ħu Ħsieb il-Ministeru li Aċċettajt fil-Mulej”
“Ħu ħsieb il-ministeru li aċċettajt fil-Mulej, u qis li twettqu.”—KOL. 4:17.
1, 2. Liema responsabbiltà għandhom il-Kristjani lejn l-umanità?
AĦNA għandna responsabbiltà serja lejn in-nies li jgħixu madwarna. Id-deċiżjonijiet li jieħdu issa jiddeterminaw jekk hux se jgħixu jew imutu matul “it-tribulazzjoni l-kbira.” (Riv. 7:14) Il-kittieb imnebbaħ tal-ktieb tal-Proverbji qal: “Lil min hu meħud għall-mewt eħilsu, lil min hu mkaxkar għall-qatla salvah.” Tabilħaqq kliem sinifikanti! Aħna nistgħu nkunu ħatjin tad-demm jekk nonqsu milli nerfgħu r-responsabbiltà taʼ li nwissu lin-nies dwar l-għażla li hemm quddiemhom. Fil-fatt, l-istess silta tkompli tgħid: “Jekk int tgħid: ‘Ma kontx naf b’dan’; taħseb li Dak, li jiżen il-qlub, ma jindunax? Dak li jgħasses fuqek, kollox jaf; Hu jrodd lil kulħadd skond għemilu.” Jidher ċar li l-qaddejja taʼ Ġeħova ma jistgħux jgħidu li ‘ma jafux’ bil-periklu li qed jiffaċċjaw in-nies.—Prov. 24:11, 12.
2 Ġeħova jqis il-ħajja bħala li hi taʼ valur. Hu jħeġġeġ lill-qaddejja tiegħu biex jagħmlu kull sforz ħalli jsalvaw kemm jistaʼ jkun nies. Kull ministru t’Alla għandu jgħid lil oħrajn bil-messaġġ li jsalva l-ħajjiet u li jinsab fil-Kelma t’Alla. L-inkarigu tagħna hu simili għal dak t’għassies li jxandar twissija meta jara li ġej xi periklu. Aħna ma rridux li d-demm taʼ dawk fil-periklu tal-mewt ikun fuq rasna. (Eżek. 33:1-7) Għalhekk, kemm hu vitali li aħna nipperseveraw fl-isforzi tagħna biex ‘nippridkaw il-kelma’!—Aqra t-2 Timotju 4:1, 2, 5.
3. Liema suġġetti se jiġu diskussi f’dan l-artiklu u fit-tnejn taʼ warajh?
3 Dan l-artiklu se jikkunsidra kif tistaʼ tegħleb ostakli li jistgħu jfixklu l-ministeru tiegħek li jsalva l-ħajjiet u kif tistaʼ tgħin numru akbar taʼ nies. L-artiklu taʼ wara se jeżamina kif tistaʼ tikkultiva l-arti tat-tagħlim taʼ veritajiet vitali. It-tielet artiklu taʼ l-istudju se jirrapporta ftit mir-riżultati inkuraġġanti li qed jinkisbu minn proklamaturi tas-Saltna madwar id-dinja. Madankollu, qabel ma niddiskutu dawn is-suġġetti jkun tajjeb li nirrivedu għala ż-żminijiet tagħna huma tant kritiċi.
Għala Ħafna Huma bla Tama
4, 5. X’qed iġġarrab l-umanità, u ħafna nies kif jirreaġixxu?
4 Il-ġrajjiet dinjin juru li qed ngħixu fi “tmiem is-sistema” u li t-tmiem hu qrib ħafna. L-umanità qed iġġarrab il-ġrajjiet u l-kundizzjonijiet li Ġesù u d-dixxipli tiegħu qalu li kienu se jikkaratterizzaw “l-aħħar jiem.” “Uġigħ tal-ħlas,” inkluż gwerer, nuqqas taʼ ikel, terremoti, u għawġ ieħor, inikket lill-umanità. Attitudnijiet taʼ wħud li ma jħarsux il-liġi, li huma egoisti, u li jiċħdu lil Alla jinsabu kullimkien. Anki għal dawk li jistinkaw biex jgħixu fi qbil mal-livelli tal-Bibbja, dawn huma “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.”—Mt. 24:3, 6-8, 12; 2 Tim. 3:1-5.
5 Madankollu, il-maġġuranza taʼ l-umanità m’hijiex konxja tas-sinifikat veru tal-ġrajjiet dinjin. B’riżultat taʼ dan, ħafna huma ansjużi dwar is-sigurtà tagħhom u dik tal-familja tagħhom. It-telfa taʼ xi maħbubin fil-mewt jew traġedji persunali oħrajn iħallu lil ħafna nies imnikktin. Mingħajr għarfien eżatt dwar għala jseħħu affarijiet bħal dawn u fejn tistaʼ tinstab is-soluzzjoni, dawn in-nies huma bla tama.—Efes. 2:12.
6. “Babilonja l-Kbira” għala ma kinitx kapaċi tgħin lis-segwaċi tagħha?
6 “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji tar-reliġjon falza, ftit li xejn ġabet faraġ lill-umanità. Għall-kuntrarju, permezz taʼ “l-inbid taż-żína tagħha,” hi ħawdet lil ħafna nies dwar kif jistaʼ jkollhom relazzjoni m’Alla. Iktar minn hekk, minħabba li taġixxi bħal mara żienja, ir-reliġjon falza qarrqet u kkontrollat lis-“slaten taʼ l-art” permezz taʼ duttrini foloz u prattiki spiritistiċi biex iżżomm il-maġġuranza taʼ l-umanità jaqdu lill-gvernijiet tagħhom mingħajr ebda reżistenza. B’hekk, ir-reliġjon falza kisbet kontroll u influwenza, imma fl-istess ħin abbandunat kompletament il-verità reliġjuża.—Riv. 17:1, 2, 5; 18:23.
7. Liema prospett hemm quddiem il-maġġuranza tal-bnedmin, imma xi wħud kif jistgħu jiġu megħjunin?
7 Ġesù għallem li l-maġġuranza tal-bnedmin qed jivvjaġġaw f’dik li hu sejħilha t-triq spazjuża li tieħu għall-qerda. (Mt. 7:13, 14) Xi individwi jinsabu f’din it-triq għax minn jeddhom għażlu li jiċħdu dak li tgħallem il-Bibbja, imma ħafna oħrajn jinsabu fiha għaliex ġew imqarrqin, jew tħallew fid-dlam, dwar dak li Ġeħova verament jirrikjedi minnhom. Forsi xi wħud ikunu lesti li jbiddlu ħajjithom li kieku jingħataw raġunijiet Skritturali ċari għala għandhom jagħmlu dan. Imma dawk li jibqgħu f’Babilonja l-Kbira u li jkomplu jiċħdu l-livelli tal-Bibbja m’humiex se jiġu salvati “mit-tribulazzjoni l-kbira.”—Riv. 7:14.
Ibqaʼ Ppriedka “bla Heda”
8, 9. Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kif irreaġixxew meta ffaċċjaw l-oppożizzjoni, u għala?
8 Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu kienu se jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u jagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Għalhekk, il-Kristjani veri dejjem qiesu sehemhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar bħala kwistjoni taʼ lealtà lejn Alla u ħtieġa fundamentali għall-fidi tagħhom. Minħabba f’hekk, is-segwaċi tal-bidu taʼ Ġesù pperseveraw anki meta ffaċċjaw l-oppożizzjoni. Huma straħu fuq Ġeħova għas-saħħa, billi talbu li hu jgħinhom ikomplu “jitkellmu l-kelma [tiegħu] bil-qlubija kollha.” Ġeħova wiġibhom billi mliehom bl-ispirtu qaddis, u huma tkellmu l-kelma t’Alla bil-qlubija.—Atti 4:18, 29.
9 Meta l-oppożizzjoni saret vjolenti, waqfu s-segwaċi taʼ Ġesù milli jippridkaw? Lanqas xejn. Irrabjati minħabba l-ippridkar taʼ l-appostli, il-mexxejja reliġjużi Lhud arrestaw lill-appostli, heddewhom, u sawtuhom. Madankollu, huma “baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.” Huma raw biċ-ċar li kellhom ‘jobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.’—Atti 5:28, 29, 40-42.
10. Il-Kristjani llum liema sfidi jiffaċċjaw, però x’jistaʼ jirriżulta mill-kondotta tajba tagħhom?
10 Il-biċċa l-kbira mill-qaddejja t’Alla llum ma kellhomx jissaportu swat jew ħabs minħabba l-attivitajiet tagħhom taʼ l-ippridkar. Madankollu, il-Kristjani veri kollha jiffaċċjaw diversi provi. Per eżempju, il-kuxjenza tiegħek imħarrġa minn fuq il-Bibbja forsi tirrikjedi minnek li tmur kontra l-kurrent jew li ġġiegħlek tispikka bħala li int differenti. Il-kollegi, il-ħbieb taʼ l-iskola, jew il-ġirien, forsi jaħsbu li int stramb għax tibbaża d-deċiżjonijiet tiegħek fuq prinċipji Bibliċi. Minkejja dan, ir-reazzjoni negattiva tagħhom m’għandhiex tiskuraġġik. Id-dinja tinsab fi dlam spiritwali, imma l-Kristjani għandhom “[jiddu] bħala dawwala.” (Flp. 2:15) Forsi xi osservaturi sinċieri jaraw u japprezzaw l-għemejjel mill-aqwa tiegħek u minħabba f’hekk jagħtu glorja lil Ġeħova.—Aqra Mattew 5:16.
11. (a) Xi wħud kif għandhom mnejn jirreaġixxu għax-xogħol taʼ l-ippridkar? (b) Liema tip t’oppożizzjoni ffaċċja l-appostlu Pawlu, u kif irreaġixxa għaliha?
11 Hemm bżonn il-kuraġġ biex il-messaġġ tas-Saltna jibqaʼ jiġi pridkat. Xi wħud, saħansitra qraba, għandhom mnejn iwaqqgħuk għaċ-ċajt jew b’xi mod ieħor jipprovaw jiskuraġġuk. (Mt. 10:36) L-appostlu Pawlu ġie msawwat fiżikament iktar minn darba minħabba li wettaq il-ministeru tiegħu lealment. Innota kif irreaġixxa għal din l-oppożizzjoni: “Wara li sofrejna u konna mżebilħin,” hu kiteb, “għamilna l-qalb permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba t’Alla b’taħbit kbir.” (1 Tess. 2:2) Żgur li kien taʼ sfida għal Pawlu li jibqaʼ jitkellem l-aħbar tajba wara li kien ġie maħtuf, imneżżaʼ, imsawwat bil-bsaten, u mitfugħ il-ħabs. (Atti 16:19-24) X’tah il-kuraġġ biex ikompli? Ix-xewqa kbira li kellu biex iwettaq l-inkarigu tiegħu taʼ ppridkar mogħti minn Alla.—1 Kor. 9:16.
12, 13. Liema sfidi jiffaċċjaw xi wħud, u kif ipprovaw jegħlbuhom?
12 Jistaʼ jkun taʼ sfida wkoll li nżommu ż-żelu tagħna f’territorji fejn in-nies rari jkunu d-dar jew fejn ftit li xejn hemm interess fil-messaġġ tas-Saltna. X’nistgħu nagħmlu f’ċirkustanzi bħal dawn? Forsi jkun neċessarju li nagħmlu iktar kuraġġ u nitkellmu man-nies f’sitwazzjonijiet iktar informali. Forsi jkollna wkoll naġġustaw l-iskeda tagħna jew niffokaw l-isforzi tagħna fuq l-ippridkar f’postijiet fejn nistgħu nilħqu iktar nies.—Qabbel Ġwanni 4:7-15; Atti 16:13; 17:17.
13 Diffikultajiet oħrajn li ħafna jkollhom jiffaċċjaw huma l-età avanzata u s-saħħa batuta li jistgħu jillimitaw dak li dawn l-uħud jistgħu jagħmlu b’mod raġunevoli fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Jekk dan hu minnu fil-każ tiegħek, taqtax qalbek. Ġeħova jaf sew il-limitazzjonijiet tiegħek u japprezza dak li tistaʼ tagħmel. (Aqra t-2 Korintin 8:12.) Minkejja t-tip t’avversità li forsi qed tiffaċċja—l-oppożizzjoni, l-apatija, jew is-saħħa batuta—agħmel dak kollu li tistaʼ sakemm jippermettu ċ-ċirkustanzi tiegħek sabiex taqsam l-aħbar tajba m’oħrajn.—Prov. 3:27; qabbel Marku 12:41-44.
‘Ħu Ħsieb il-Ministeru Tiegħek’
14. Liema eżempju ħalla l-appostlu Pawlu għal Kristjani sħabu, u liema parir ta?
14 L-appostlu Pawlu wettaq il-ministeru tiegħu bis-serjetà, u hu inkuraġġixxa lil sħabu fit-twemmin biex jagħmlu l-istess. (Atti 20:20, 21; 1 Kor. 11:1) Individwu wieħed li Pawlu għażel għal inkuraġġiment speċjali kien Kristjan fl-ewwel seklu jismu Arkippu. Fl-ittra tiegħu lill-Kolossin, Pawlu kiteb: “Għidu lil Arkippu: ‘Ħu ħsieb il-ministeru li aċċettajt fil-Mulej, u qis li twettqu.’” (Kol. 4:17) Aħna ma nafux min kien Arkippu jew x’kienu ċ-ċirkustanzi tiegħu, imma milli jidher hu kien aċċetta xi tip taʼ ministeru. Jekk int Kristjan dedikat, int ukoll aċċettajt ministeru. Qiegħed int tħares il-ministeru tiegħek sabiex twettqu?
15. Id-dedikazzjoni Kristjana x’tinvolvi, u dan iwassal għal liema mistoqsijiet?
15 Qabel il-magħmudija tagħna, aħna ddedikajna ħajjitna lil Ġeħova permezz taʼ talb mill-qalb. Dan kien ifisser li aħna konna determinati li nagħmlu r-rieda tiegħu. Allura nagħmlu tajjeb jekk issa nistaqsu lilna nfusna, ‘Huwa l-fatt li nagħmel ir-rieda t’Alla verament l-iktar ħaġa importanti f’ħajti?’ Jistaʼ jkollna diversi responsabbiltajiet li Ġeħova jistenna li nieħdu ħsiebhom—bħal per eżempju li nipprovdu għall-familja tagħna. (1 Tim. 5:8) Imma kif nużaw il-kumplament tal-ħin u l-enerġija tagħna? X’inhi l-prijorità f’ħajjitna?—Aqra t-2 Korintin 5:14, 15.
16, 17. Liema possibbiltajiet jistgħu jikkunsidraw Kristjani żgħażagħ jew dawk li għandhom ftit responsabbiltajiet?
16 Int żagħżugħ Kristjan dedikat li spiċċajt jew li dalwaqt se tispiċċa l-edukazzjoni skolastika meħtieġa? X’aktarx li għad m’għandekx responsabbiltajiet kbar tal-familja. Allura, x’bi ħsiebek tagħmel b’ħajtek? Liema deċiżjonijiet se jgħinuk l-aħjar biex twettaq il-wegħda tiegħek li tagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova? Ħafna rranġaw l-affarijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier, u huma kisbu ferħ u sodisfazzjon kbir minħabba dan.—Salm 110:3, Saydon; Koħ. 12:1.
17 Forsi int adult żagħżugħ b’xogħol sekulari full-time u bi ftit responsabbiltajiet ħlief li tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Mingħajr dubju int tieħu pjaċir tieħu sehem f’attivitajiet tal-kongregazzjoni sakemm tippermetti l-iskeda tiegħek. Tistaʼ forsi tgawdi ferħ saħansitra akbar? Ħsibt dwar jekk tistax tkabbar is-sehem tiegħek fil-ministeru? (Salm 34:9 [34:8, NW]; Prov. 10:22) F’xi territorji, għad hemm ħafna xogħol xi jsir biex jintlaħaq kulħadd bil-messaġġ tal-verità li jsalva l-ħajjiet. Tistaʼ tagħmel aġġustamenti f’ħajtek, biex forsi tkun tistaʼ taqdi f’post fejn il-bżonn taʼ proklamaturi tas-Saltna huwa akbar?—Aqra l-1 Timotju 6:6-8.
18. Liema aġġustamenti għamlet koppja waħda, u x’riżultati kellhom?
18 Ikkunsidra l-eżempju taʼ Kevin u Elena, mill-Istati Uniti.a Bħal miżżewġin friski oħrajn fl-inħawi tagħhom, huma ħassew li kellhom jixtru dar. It-tnejn kienu jaħdmu full-time, u għalhekk setgħu jgħixu ħajja komda. Madankollu, ix-xogħol sekulari tagħhom u x-xogħol tad-dar ma tantx ħallielhom ħin għas-servizz taʼ l-għalqa. Huma rrealizzaw li kienu qed jiddedikaw kważi l-ħin u l-enerġija kollha tagħhom għall-affarijiet materjali. Madankollu, meta osservaw il-ħajja sempliċi taʼ koppja ferħana li kienu qed jaqdu bħala pijunieri, Kevin u Elena kienu jafu li kien possibbli għalihom li jbiddlu l-prijorità taʼ ħajjithom. Wara li talbu għad-direzzjoni taʼ Ġeħova, huma biegħu d-dar tagħhom u marru jgħixu f’appartament. Elena naqqset is-sigħat li kienet tqattaʼ fix-xogħol sekulari u saret pijuniera. Inkuraġġit mill-esperjenzi li bdiet tgawdi martu, Kevin telaq mix-xogħol full-time tiegħu u beda jaqdi bħala pijunier. Xi żmien wara, marru jgħixu f’pajjiż fl-Amerika t’Isfel biex jaqdu fejn il-bżonn taʼ predikaturi tas-Saltna huwa kbir. “Minn dejjem kellna żwieġ hieni,” jgħid Kevin, “imma meta ħdimna biex nilħqu miri spiritwali, l-hena tagħna kien taʼ sodisfazzjon akbar.”—Aqra Mattew 6:19-22.
19, 20. L-ippridkar taʼ l-aħbar tajba għala huwa l-iktar xogħol importanti llum?
19 Illum l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba huwa l-iktar xogħol importanti li qed iseħħ fuq l-art. (Riv. 14:6, 7) Dan jikkontribwixxi għat-taqdis taʼ l-isem taʼ Ġeħova. (Mt. 6:9) Il-messaġġ tal-Bibbja jtejjeb il-ħajjiet tal-ħafna eluf li jħaddnuh kull sena, u dan jistaʼ jwassal għas-salvazzjoni tagħhom. Madankollu, “kif se jisimgħu jekk xi ħadd ma jippridkax?” staqsa l-appostlu Pawlu. (Rum. 10:14, 15) Tabilħaqq, kif? Għala ma tkunx determinat li tagħmel dak kollu li tistaʼ biex twettaq il-ministeru tiegħek?
20 Mod ieħor kif tistaʼ tgħin lin-nies jifhmu l-importanza taʼ dawn iż-żminijiet kritiċi u l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li jieħdu hu billi ttejjeb l-abbiltà tiegħek tat-tagħlim. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti kif tistaʼ tagħmel dan.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
Int Kif Twieġeb?
• Liema responsabbiltà għandhom il-Kristjani lejn l-umanità?
• Kif għandna nkampaw m’ostakli fix-xogħol taʼ l-ippridkar tagħna?
• Kif nistgħu nwettqu l-ministeru li aċċettajna?
[Stampa f’paġna 5]
Il-kuraġġ huwa bżonnjuż sabiex nippridkaw meta niffaċċjaw l-oppożizzjoni
[Stampa f’paġna 7]
X’tistaʼ tagħmel jekk tippriedka f’territorji fejn in-nies rari jkunu d-dar?