Negħlbu l-Isfidi tal-Ministeru Minn Dar Għal Dar
“Għamilna l-qalb permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba t’Alla b’taħbit kbir.”—1 TESS. 2:2.
1. Ġeremija liema sfidi ffaċċja, u kif irnexxielu jegħlibhom?
ĠEREMIJA kien bniedem b’sentimenti bħal tagħna. Meta Ġeħova qallu dwar l-inkarigu biex ikun “profeta fuq il-ġnus,” hu għajjat: “Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir.” Minkejja dan, billi kellu fiduċja f’Ġeħova, hu aċċetta l-inkarigu. (Ġer. 1:4-10) Għal iktar minn 40 sena, Ġeremija tqabad kontra li jiġi mwarrab, l-apatija, it-twaqqigħ għaċ-ċajt, u saħansitra l-vjolenza fiżika. (Ġer. 20:1, 2) Kultant, ħassu qalbu maqtugħa. Madankollu, hu baqaʼ jiddikjara messaġġ li ma kienx popolari lil nies li l-biċċa l-kbira minnhom ma tawx kas. Bis-saħħa t’Alla, Ġeremija wettaq dak li qatt ma setaʼ jwettaq waħdu.—Aqra Ġeremija 20:7-9.
2, 3. Il-qaddejja t’Alla llum kif jiffaċċjaw sfidi bħal dawk taʼ Ġeremija?
2 Ħafna mill-qaddejja t’Alla llum jistgħu jifhmu għala Ġeremija ħassu hekk. Meta ħsibna dwar il-prospett li nippridkaw minn dar għal dar, uħud minna konna nirraġunaw, ‘Din hi xi ħaġa li qatt m’hu se jirnexxili nagħmilha.’ Però, meta rrealizzajna li kienet ir-rieda taʼ Ġeħova li nipproklamaw l-aħbar tajba, għelibna l-biżaʼ tagħna u ħabrikna fl-ippridkar. Minkejja dan, ħafna minna ffaċċjajna ċirkustanzi f’ħajjitna li għamluha diffiċli, minn taʼ l-inqas għal xi żmien, biex inkomplu nippridkaw. Bla dubju huwa taʼ sfida li nibdew nippridkaw minn dar għal dar u li nibqgħu nippridkaw sa l-aħħarnett.—Mt. 24:13.
3 Xi ngħidu jekk ilek ftit tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova u tattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni imma qed iżżomm lura milli tibda tippriedka minn dar għal dar? Jew xi ngħidu jekk int Xhud mgħammed li ssibha diffiċli biex tieħu sehem fix-xogħol minn bieb għal bieb, avolja int tistaʼ tagħmel dan fiżikament? Kun ċert li nies minn kull qasam tal-ħajja qed jirnexxilhom jegħlbu l-istess sfidi fil-ministeru minn dar għal dar. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, int ukoll tistaʼ tegħlibhom.
Nagħmlu l-Qalb
4. X’għen lill-appostlu Pawlu jxandar l-aħbar tajba bil-qlubija?
4 Int bla dubju tirrikonoxxi li x-xogħol taʼ l-ippridkar madwar id-dinja qed jitwettaq bl-ispirtu t’Alla u mhux bil-qawwa jew l-għerf uman. (Żak. 4:6) Dan huwa minnu wkoll fil-każ tal-ministeru taʼ Kristjani individwali. (2 Kor. 4:7) Ikkunsidra l-appostlu Pawlu. Hekk kif ftakar fi żmien meta hu u l-missjunarji sħabu ġew trattati ħażin minn xi opponenti, hu kiteb: “Wara li sofrejna u konna mżebilħin f’Filippi, . . . għamilna l-qalb permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba t’Alla b’taħbit kbir.” (1 Tess. 2:2; Atti 16:22-24) Nistgħu nsibuha diffiċli biex nimmaġinaw li predikatur żeluż bħal Pawlu xi drabi sabha diffiċli biex jippriedka. Madankollu, bħalna lkoll, Pawlu kellu jistrieħ fuq Ġeħova sabiex ixandar l-aħbar tajba bil-qlubija. (Aqra Efesin 6:18-20.) Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu?
5. Liema hu mod wieħed kif nistgħu nagħmlu l-qalb biex nippridkaw?
5 Mod wieħed kif nagħmlu l-qalb biex nippridkaw huwa permezz tat-talb. Waħda pijuniera qalet: “Jien nitlob biex inkun kunfidenti meta nitkellem, nilħaq qalb in-nies, u nsib il-ferħ fil-ministeru. Wara kollox, dan hu x-xogħol taʼ Ġeħova, mhux tagħna, allura ma nistgħu nagħmlu xejn mingħajr l-għajnuna tiegħu.” (1 Tess. 5:17) Ilkoll kemm aħna rridu nitolbu kontinwament għall-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla biex nippridkaw bil-qlubija.—Lq. 11:9-13.
6, 7. (a) Liema viżjoni rċieva Eżekjel, u x’kienet tfisser? (b) Liema lezzjoni tipprovdi l-viżjoni t’Eżekjel għall-qaddejja t’Alla llum?
6 Il-ktieb t’Eżekjel jikxef xi ħaġa oħra li tistaʼ tgħinna nitkellmu bil-qlubija. F’viżjoni, Ġeħova ta romblu lil Eżekjel, u fuq iż-żewġ naħat tiegħu kellu miktub “tnehid u biki u ħsara” u qallu biex jieklu, billi qal: “Bniedem, ħa jibilgħu l-istonku tiegħek, u jimtela l-ġewwieni tiegħek b’dan il-ktieb li qiegħed nagħtik.” X’kienet tfisser din il-viżjoni? Eżekjel kellu jassorbi bis-sħiħ il-messaġġ li kien se jwassal. Dan kellu jsir parti minnu, biex ngħidu hekk, billi jeffettwa l-iktar sentimenti ġewwinin tiegħu. Il-profeta jkompli jirrakkonta: “Jien kiltu, u f’ħalqi ħassejtu ħelu għasel.” Għal Eżekjel, li jiddikjara l-messaġġ t’Alla fil-pubbliku kien taʼ pjaċir—bħallikieku qed jiekol l-għasel. Hu ħassu privileġġat bil-kbir li jirrappreżenta lil Ġeħova u jwettaq dan l-inkarigu mogħti minn Alla, avolja dan kien ifisser li jagħti messaġġ qawwi lil nies li ma ridux jagħtu kas.—Aqra Eżekjel 2:8–3:4, 7-9.
7 Din il-viżjoni fiha lezzjoni imprezzabbli għall-qaddejja t’Alla llum. Aħna wkoll għandna messaġġ qawwi x’nagħtu lil nies li mhux dejjem japprezzaw l-isforzi tagħna. Sabiex aħna nkomplu nikkunsidraw il-ministeru Kristjan bħala privileġġ mogħti minn Alla, irridu nkunu mitmugħin sew spiritwalment. Drawwiet taʼ studju superfiċjali jew irregulari m’humiex biżżejjed biex jgħinuna nassorbu bis-sħiħ il-Kelma t’Alla. Tistaʼ int ittejjeb il-kwalità jew ir-regolarità tal-qari u l-istudju persunali tiegħek tal-Bibbja? Tistaʼ timmedita iktar spiss dwar dak li taqra?—Salm 1:2, 3.
Nibdew Diskussjonijiet Minn fuq il-Bibbja
8. Liema metodu għen lil xi pubblikaturi tas-Saltna biex jibdew diskussjonijiet minn fuq il-Bibbja fil-ministeru minn dar għal dar?
8 Għal ħafna pubblikaturi, l-iktar ħaġa diffiċli mill-ministeru minn dar għal dar hija kif se jibdew il-konversazzjoni maʼ l-inkwilin. M’għandniex xi ngħidu, f’xi territorji hija sfida biex tibda konversazzjonijiet. Xi pubblikaturi jħossuhom iktar komdi meta jitkellmu man-nies fil-bieb jekk jibdew il-preżentazzjoni tagħhom bi ftit kliem magħżul bl-għaqal u mbagħad joffru xi fuljett lill-inkwilin, kif inhu indikat fil-kaxxa. It-titlu tal-fuljett jew l-istampa kulurita tiegħu tistaʼ tiġbed l-attenzjoni taʼ l-inkwilin, u b’hekk inkunu nistgħu nsemmu fil-qosor l-iskop taż-żjara tagħna u nqajmu xi mistoqsija. Mod ieħor kif nistgħu nibdew il-konversazzjoni hu billi nuru lill-inkwilin xi tlieta jew erbaʼ fuljetti differenti u ngħidulu jagħżel wieħed li jinteressa lilu. M’għandniex xi ngħidu, il-mira tagħna mhix li sempliċement inħallu l-fuljetti jew li nużawhom f’kull bieb, imma li nibdew diskussjonijiet minn fuq il-Bibbja li jwasslu għal studji tal-Bibbja.
9. Għala hu importanti li nippreparaw sew?
9 Tuża liema metodu tuża, preparazzjoni tajba se tgħinek tkun kunfidenti u żeluż fil-ministeru minn dar għal dar. Wieħed pijunier osserva: “Nesperjenza iktar ferħ jekk inkun preparat tajjeb. Jgħinni nkun irrid nuża l-preżentazzjoni li nkun ippreparajt.” Pijunier ieħor qal, “Meta nkun familjari mal-pubblikazzjonijiet li nkun se noffri, ikolli iktar żelu biex nużahom.” Filwaqt li hu taʼ benefiċċju li tirrivedi dak li tkun se tgħid f’qalbek, ħafna jsibuha iktar t’għajnuna li jipprattikaw il-preżentazzjoni tagħhom b’leħen għoli. Il-fatt li jagħmlu hekk jgħinhom jagħtu l-aħjar tagħhom lil Ġeħova.—Kol. 3:23; 2 Tim. 2:15.
10. X’jistaʼ jsir biex il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa jkunu prattiċi u taʼ benefiċċju?
10 Laqgħat prattiċi għas-servizz taʼ l-għalqa jgħinuna biex inkunu iktar effettivi u nsibu ferħ akbar fil-ministeru minn dar għal dar. Jekk l-iskrittura tal-jum għandha x’taqsam direttament maʼ l-attività taʼ l-ippridkar, tistaʼ tinqara u tiġi diskussa fil-qosor. Madankollu, il-ħu li jikkonduċi l-laqgħa għas-servizz taʼ l-għalqa għandu jieħu biżżejjed ħin biex jiddiskuti jew iħejji turija taʼ preżentazzjoni sempliċi li hija adattata għat-territorju jew jikkunsidra informazzjoni oħra li hija prattika u li tistaʼ tintuża fil-ministeru dakinhar. Dan se jkompli jgħin lil dawk li huma preżenti biex jagħtu xiehda effettiva. Bi preparazzjoni tajba minn qabel, anzjani u oħrajn li jikkonduċu dawn il-laqgħat jistgħu jwettqu dan u xorta jikkonkludu fil-ħin.—Rum. 12:8.
Il-Qawwa taʼ li Nisimgħu
11, 12. Il-fatt li nisimgħu b’mogħdrija kif jistaʼ jgħinna nilħqu qalb in-nies bl-aħbar tajba? Agħti xi eżempji.
11 M’hijiex biss il-preparazzjoni tajba imma l-interess persunali profond f’oħrajn li jgħinna nibdew diskussjonijiet minn fuq il-Bibbja u nilħqu qalb in-nies fil-ministeru. Mod wieħed kif nuru dan l-interess hu bil-mod kif nisimgħu. Indokratur li jivvjaġġa osserva: “Il-paċenzja u l-fatt li turi li int lest tismaʼ għandhom qawwa taʼ l-għaġeb biex jiġbdu lin-nies lejn il-verità, u dan huwa mod kif turi interess persunali ġenwin fihom.” Li nisimgħu b’mogħdrija jistaʼ jkun il-muftieħ biex l-inkwilin jiftaħ qalbu, bħalma se turi l-esperjenza li se nikkunsidraw.
12 F’ittra pubblikata fil-gazzetta Le Progrès, taʼ Saint-Étienne, fi Franza, waħda mara ddeskriviet iż-żjara taʼ żewġ persuni li ħabbtulha l-bieb ftit wara li mititilha t-tifla tagħha li kellha tliet xhur. “Mill-ewwel indunajt li kienu x-Xhieda taʼ Ġeħova,” kitbet hi. “Kont lesta biex bl-edukazzjoni kollha ngħidilhom li m’iniex interessata, imma mbagħad innotajt il-browxer li kienu qed joffru. Kien dwar għala Alla jippermetti s-sofferenza. Għalhekk, stidinthom ġewwa bl-iskop li nwaqqaʼ l-argumenti tagħhom. . . . Ix-Xhieda damu ftit iktar minn siegħa. Semgħuni b’mogħdrija kbira, u x’ħin kienu se jitilqu, tant ħassejtni aħjar li aċċettajt li jerġgħu jiġu jżuruni.” (Rum. 12:15) Maż-żmien, din il-mara aċċettat studju tal-Bibbja. Huwa interessanti li dak li tiftakar dwar l-ewwel żjara kien il-mod kif l-aħwa nisa semgħuha u mhux dak li qalu.
13. Kif nistgħu nadattaw il-preżentazzjoni tagħna taʼ l-aħbar tajba għall-individwi li niltaqgħu magħhom?
13 Meta nisimgħu b’mogħdrija, inkunu fil-fatt qed inħallu lin-nies jgħidulna għala għandhom bżonn is-Saltna. B’hekk, inkunu f’pożizzjoni ħafna aħjar biex naqsmu l-aħbar tajba magħhom. X’aktarx li int osservajt li evanġelizzaturi effettivi ġeneralment huma semmiegħa tas-sengħa. (Prov. 20:5) Huma juru interess ġenwin fin-nies li jiltaqgħu magħhom fil-ministeru. Huma jieħdu nota mhux biss taʼ isimhom u l-indirizz tagħhom imma wkoll taʼ l-interessi u l-bżonnijiet tagħhom. Meta xi ħadd jesprimi li qed tinkwetah xi ħaġa partikulari, huma jagħmlu riċerka u ma jdumux ma jirritornaw u jaqsmu magħhom dak li jkunu sabu. Bħall-appostlu Pawlu, huma jadattaw il-preżentazzjoni tagħhom tal-messaġġ tas-Saltna għall-individwi li jiltaqgħu magħhom. (Aqra l-1 Korintin 9:19-23.) Interess sinċier bħal dan jiġbed lin-nies lejn l-aħbar tajba u jirrifletti b’mod taʼ l-għaġeb “il-mogħdrija tenera t’Alla tagħna.”—Lq. 1:78.
Żomm Attitudni Pożittiva
14. Hekk kif inwettqu l-ministeru tagħna, kif nistgħu nirriflettu l-kwalitajiet taʼ Ġeħova?
14 Ġeħova wera li jistmana meta tana l-libertà taʼ l-għażla. Għalkemm hu Alla li Jistaʼ Kollox, hu ma jisforza lil ħadd biex jaqdih imma jappella lin-nies fuq il-bażi taʼ l-imħabba, billi jbierek lil dawk li jwieġbu b’apprezzament għall-provvedimenti meraviljużi tiegħu. (Rum. 2:4) Bħala l-ministri tiegħu, kull darba li nagħtu xiehda aħna għandna nkunu lesti biex nippreżentaw l-aħbar tajba b’mod li jistħoqqlu l-Alla tagħna mimli ħniena. (2 Kor. 5:20, 21; 6:3-6) Għaldaqstant, irridu nżommu attitudni pożittiva lejn in-nies fit-territorju tagħna. X’jistaʼ jgħinna negħlbu din l-isfida?
15. (a) Ġesù x’istruwixxa lill-appostli tiegħu biex jagħmlu jekk in-nies ma jaċċettawx il-messaġġ? (b) X’jistaʼ jgħinna niffokaw fuq li nsibu lil dawk li jistħoqqilhom?
15 Ġesù istruwixxa lis-segwaċi tiegħu biex ma joqogħdux jinkwetaw bla bżonn jekk xi wħud ma jaċċettawx il-messaġġ imma minflok biex jiffokaw fuq li jsibu lil dawk li jistħoqqilhom. (Aqra Mattew 10:11-15.) Miri żgħar u li jistgħu jintlaħqu jgħinuna nagħmlu dan. Wieħed ħu jqabbel lilu nnifsu maʼ wieħed li jfittex affarijiet prezzjużi. Il-motto tiegħu hu, “Qed inħares ’il quddiem biex insib id-deheb illum.” Ħu ieħor għandu l-mira ‘li jiltaqaʼ maʼ individwu wieħed li juri interess kull ġimgħa u jirritorna wara ftit jiem biex jikkultiva l-interess.’ Xi pubblikaturi jistinkaw biex jekk inhu possibbli jaqsmu minn taʼ l-inqas skrittura waħda maʼ kull inkwilin. Liema mira realistika tistaʼ tagħmel għalik innifsek?
16. Liema raġunijiet għandna biex inkomplu nippridkaw?
16 Is-suċċess tal-ministeru minn dar għal dar ma jiddependix biss minn kif iwieġbu n-nies fit-territorju. Veru, ix-xogħol taʼ l-ippridkar għandu rwol vitali fis-salvazzjoni taʼ wħud taʼ qalb onesta, imma jservi wkoll skopijiet oħrajn li huma importanti. Il-ministeru Kristjan jagħtina opportunità biex nuru l-imħabba tagħna lejn Ġeħova. (1 Ġw. 5:3) Jgħinna nevitaw il-ħtija tad-demm. (Atti 20:26, 27) Iwissi lil dawk li ċaħdu lil Alla li “waslet is-siegħa biex [Alla] jagħmel il-ġudizzju.” (Riv. 14:6, 7) Fuq kollox, permezz taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba, l-isem taʼ Ġeħova qed jiġi mfaħħar madwar id-dinja kollha. (Salm 113:3) Għalhekk, sew jekk in-nies jisimgħu u sew jekk le, aħna rridu nkomplu nipproklamaw il-messaġġ tas-Saltna. Tabilħaqq, l-isforzi tagħna kollha biex nipproklamaw l-aħbar tajba huma sbieħ f’għajnejn Ġeħova.—Rum. 10:13-15.
17. In-nies dalwaqt x’se jkollhom jirrikonoxxu?
17 Għalkemm ħafna llum jinjoraw ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar, dalwaqt se jibdew iqisuh b’lenti differenti. (Mt. 24:37-39) Ġeħova aċċerta lil Eżekjel li meta l-ġudizzji li hu pproklama kienu se jseħħu, il-poplu ribelluż taʼ Iżrael kien ‘ħa jkun jaf li kien hemm profeta f’nofsu.’ (Eżek. 2:5) B’mod simili, meta Alla jwettaq il-ġudizzji tiegħu kontra din is-sistema dinjija, in-nies se jkollhom jirrikonoxxu li l-messaġġ li x-Xhieda taʼ Ġeħova ppridkaw pubblikament u minn dar għal dar fil-fatt oriġina mill-Alla l-veru, Ġeħova, u li x-Xhieda verament qdew bħala r-rappreżentanti tiegħu. Xi privileġġ għandna li nġorru ismu u niddikjaraw il-messaġġ tiegħu f’dawn iż-żminijiet kruċjali! Bis-saħħa tiegħu, jalla nkomplu negħlbu l-isfidi tal-ministeru minn dar għal dar.
Int Kif Twieġeb?
• Kif nistgħu nagħmlu l-qalb biex nippridkaw?
• X’jistaʼ jgħinna nibdew diskussjonijiet minn fuq il-Bibbja fil-ministeru minn dar għal dar?
• Kif nistgħu nuru interess sinċier f’oħrajn?
• X’jistaʼ jgħinna nżommu attitudni pożittiva lejn in-nies fit-territorju tagħna?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
Mod Wieħed Kif Tibda Diskussjonijiet Minn fuq il-Bibbja
Biex tibda:
◼ Wara li ssellem lill-inkwilin, tistaʼ turih fuljett u tgħid, “L-iskop taż-żjara tiegħi llum hu li naqsam ħsieb inkuraġġanti fuq dan is-suġġett importanti.”
◼ Jew forsi tistaʼ toffri fuljett u tgħid, “Illum ġejt inżurek ftit għaliex nixtieq inkun naf x’taħseb dwar dan is-suġġett.”
Jekk il-fuljett jiġi aċċettat:
◼ Mingħajr ma ddum, staqsi mistoqsija sempliċi li titlob l-opinjoni taʼ l-inkwilin ibbażata fuq it-titlu tal-fuljett.
◼ Ismaʼ b’attenzjoni, billi tipprova tifhem l-opinjoni taʼ l-inkwilin. Irringrazzjah tal-kummenti tiegħu u żommhom f’moħħok matul il-konversazzjoni.
Biex tkompli d-diskussjoni:
◼ Aqra u ddiskuti skrittura jew tnejn, billi tadatta l-preżentazzjoni tiegħek għall-interessi u l-bżonnijiet taʼ l-individwu.
◼ Fejn jintwera l-interess, offri xi letteratura u jekk inhu possibbli uri kif isir studju tal-Bibbja. Ftiehem biex tmur lura.