Meqjusin Denji li Jiġu Gwidati lejn Għejun taʼ l-Ilmijiet tal-Ħajja
“Il-Ħaruf . . . jirgħahom, u jiggwidahom lejn għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja.”—RIV. 7:17.
1. Il-Kelma t’Alla kif tidentifikahom lill-Kristjani midlukin, u liema responsabbiltà tahom Ġesù?
IL-KELMA t’Alla tidentifika lill-Kristjani midlukin li qed jindokraw l-interessi taʼ Kristu fuq l-art bħala “l-ilsir leali u għaqli.” Meta Kristu spezzjona lill-“ilsir” fl-1918, hu sab lill-midlukin fuq l-art jipprovdu lealment “l-ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq.” Għalhekk, minn dak iż-żmien ’l hawn Ġesù, is-Sid, kellu l-pjaċir jaħtarhom fuq “kulma għandu.” (Aqra Mattew 24:45-47.) B’dan il-mod, l-uħud midlukin jaqdu lil aduraturi oħrajn taʼ Ġeħova hawn fuq l-art qabel ma jirċievu wirt fis-sema.—Mal. 3:1-3.
2. Iddeskrivi kulma għandu Ġesù.
2 Sid għandu awtorità fuq kulma għandu, jew il-ġid tiegħu, biex jużah kif irid hu. Kulma għandu Ġesù Kristu, is-Sultan taʼ Ġeħova li ngħata t-tron, jinkludi l-interessi tas-Saltna kollha fuq l-art. Fosthom hemm “folla kbira” li ra l-appostlu Ġwanni f’viżjoni. Ġwanni jiddeskrivi l-folla l-kbira b’dan il-mod: “Ara, folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù u poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi bojod; u f’idejhom kellhom friegħi tal-palm.”—Riv. 7:9.
3, 4. Dawk tal-folla l-kbira b’liema mod huma privileġġati bil-kbir?
3 Il-membri taʼ din il-folla l-kbira huma fost dawk l-uħud li Ġesù rrefera għalihom bħala n-“nagħaġ oħrajn” tiegħu. (Ġw. 10:16) It-tama tagħhom hi li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. Huma fiduċjużi li Ġesù se “jiggwidahom lejn għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja. U Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” B’dan f’moħħhom, huma “ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.” (Riv. 7:14, 17) Huma jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, u għalhekk f’għajnejn Alla huma għandhom ‘ilbiesi bojod.’ Huma dikjarati ġusti bħala ħbieb t’Alla, bħal Abraham.
4 Iktar minn hekk, minħabba li dawk tal-folla l-kbira li dejjem tikber taʼ nagħaġ oħrajn huma meqjusin minn Alla bħala ġusti, dawn jistgħu jittamaw li jibqgħu ħajjin wara l-qerda taʼ din is-sistema fit-“tribulazzjoni l-kbira.” (Ġak. 2:23-26) Huma jistgħu jersqu qrib lejn Ġeħova, u bħala grupp, huma għandhom il-prospett meraviljuż li jibqgħu ħajjin wara Armageddon. (Riv. 7:15; Ġak. 4:8) Huma m’humiex indipendenti iżda huma lesti li jaqdu taħt id-direzzjoni tas-Sultan tas-sema u ħutu l-midlukin fuq l-art.
5. Dawk tal-folla l-kbira kif jappoġġaw lill-ħut Kristu l-midlukin?
5 Il-Kristjani midlukin iffaċċjaw u se jkomplu jiffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa mid-dinja taʼ Satana. Minkejja dan, huma jistgħu jistrieħu fuq l-appoġġ taʼ sħabhom tal-folla l-kbira. Filwaqt li l-Kristjani midlukin huma issa ftit fin-numru, il-folla l-kbira tiżdied kull sena bil-mijiet taʼ l-eluf. Il-midlukin ma jistgħux jindokraw personalment kull waħda mill-100,000 kongregazzjoni Kristjana madwar id-dinja. Għalhekk, aspett wieħed taʼ l-appoġġ li jirċievu l-midlukin min-nagħaġ oħrajn huwa li rġiel kwalifikati mill-folla l-kbira jaqdu bħala anzjani fil-kongregazzjoni. Dawn jgħinu biex jieħdu ħsieb il-miljuni taʼ Kristjani li issa huma fdati f’idejn “l-ilsir leali u għaqli.”
6. Kif ġie profetizzat l-appoġġ tal-Kristjani midlukin minn sħabhom in-nagħaġ oħrajn?
6 L-appoġġ mogħti mill-qalb lill-Kristjani midlukin minn sħabhom in-nagħaġ oħrajn kien imbassar mill-profeta Isaija. Hu kiteb: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Il-[“ħaddiema mhux imħallsin,” NW] taʼ l-Eġittu u l-qligħ taʼ Kus, u tas-Sabajin, nies twal, jgħaddu għal għandek u jsiru tiegħek. Jimxu warajk.’” (Is. 45:14) F’sens simboliku, il-Kristjani b’tama għall-art illum jimxu wara l-klassi taʼ l-ilsir midluk u l-Ġemgħa li Tiggverna tagħha billi jsegwu d-direzzjoni tagħhom. Bħala “ħaddiema mhux imħallsin,” in-nagħaġ oħrajn minn jeddhom u b’qalb sħiħa jagħtu mis-saħħa fiżika u mir-riżorsi tagħhom biex jappoġġaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar li qed isir madwar id-dinja u li Kristu inkariga lis-segwaċi midlukin tiegħu fuq l-art biex jagħmlu.—Atti 1:8; Riv. 12:17.
7. Għal liema ħaġa qed tiġi mħarrġa l-folla l-kbira?
7 Hekk kif jagħtu l-appoġġ tagħhom lil ħuthom il-midlukin, il-membri tal-folla l-kbira qed jitħarrġu mill-fdal midluk biex ikunu l-pedament tas-soċjetà umana ġdida li se jkun hemm wara Armageddon. Dan il-pedament irid ikun sod u stabbli, u l-membri tiegħu jridu jkunu lesti u kapaċi jimxu mad-direzzjoni tas-Sid. Kull Kristjan qed jingħata l-opportunità biex juri li hu jistaʼ jiġi użat mis-Sultan, Ġesù Kristu. Billi jeżerċita fidi u juri lealtà issa, hu juri li se jwieġeb tajjeb meta s-Sultan jagħtih direzzjonijiet fid-dinja l-ġdida.
Il-Folla l-Kbira Tagħti Prova tal-Fidi Tagħha
8, 9. Dawk tal-folla l-kbira kif qed jagħtu prova tal-fidi tagħhom?
8 In-nagħaġ oħrajn, li jissieħbu mal-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin, jagħtu prova tal-fidi tagħhom b’diversi modi. L-ewwel, huma jappoġġaw lill-midlukin billi jipproklamaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mt. 24:14; 28:19, 20) It-tieni, huma jissottomettu ruħhom minn jeddhom għad-direzzjoni provduta mill-Ġemgħa li Tiggverna.—Ebr. 13:17; aqra Żakkarija 8:23.
9 It-tielet, il-membri tal-folla l-kbira jappoġġaw lil ħuthom il-midlukin billi jgħixu fi qbil mal-prinċipji ġusti taʼ Ġeħova. Huma jistinkaw biex jikkultivaw “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.” (Gal. 5:22, 23) Illum, ma tantx hu komuni li wieħed jgħix fi qbil maʼ dawn il-kwalitajiet, minflok ma jipproduċi “l-għemejjel tal-laħam.” Minkejja dan, il-membri tal-folla l-kbira huma determinati li jevitaw “iż-żína, in-nuqqas taʼ ndafa, il-kondotta laxka, l-idolatrija, l-ipprattikar taʼ l-ispiritiżmu, il-mibegħda, il-ġlied, l-għira, l-għadab, it-tilwim, il-firda, is-setet, l-invidja, is-sokor, ix-xalar, u affarijiet bħal dawn.”—Gal. 5:19-21.
10. X’inhi d-determinazzjoni tal-membri tal-folla l-kbira?
10 Minħabba li aħna imperfetti, jistaʼ jkun diffiċli li nipproduċu l-frott spiritwali, nevitaw l-għemejjel tal-laħam, u nirreżistu l-pressjoni li tpoġġi fuqna d-dinja taʼ Satana. Minkejja dan, aħna determinati li ma nħallux l-iskuraġġiment li jiġi mid-dgħjufija persunali, nuqqasijiet temporanji, jew limitazzjonijiet fiżiċi jeffettwaw is-saħħa tal-fidi tagħna jew inaqqsu l-imħabba tagħna għal Ġeħova. Aħna nafu li Ġeħova se jagħmel bħalma wiegħed—jippreserva l-folla l-kbira matul it-tribulazzjoni l-kbira.
11. Liema tattiki uża Satana fl-isforzi tiegħu biex idgħajjef il-fidi tal-Kristjani?
11 Minkejja dan, aħna noqogħdu għassa kontinwament għax nafu li l-għadu veru tagħna huwa x-Xitan, u dan ma jaqtax qalbu malajr. (Aqra l-1 Pietru 5:8.) Hu pprova juża lill-apostati u oħrajn biex jġegħluna nemmnu li t-tagħlim li għandna huwa falz. Iżda din it-tattika ġeneralment falliet. B’mod simili, għalkemm il-persekuzzjoni kultant naqqset il-pass tax-xogħol taʼ l-ippridkar, spiss fil-fatt serviet biex issaħħaħ il-fidi taʼ dawk li jkunu qed jiġu persegwitati. Għalhekk, Satana qed juża iktar spiss metodu li hu x’aktarx li jħoss li se jkun iktar taʼ suċċess f’li jdgħajfilna l-fidi. Hu jieħu vantaġġ mis-sentimenti taʼ skuraġġiment. Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu mwissijin dwar dan il-periklu meta ntqalilhom: “Irriflettu sew dwar dak [Kristu] li ssaporta l-kliem ostili minn dawk li jidinbu kontra l-interessi tagħhom stess.” Għala? “Biex ma tegħjewx u ċċedu f’ruħkom.”—Ebr. 12:3.
12. Il-parir tal-Bibbja kif isaħħaħ lil dawk li qed isofru skuraġġiment?
12 Ġieli ħassejtek li trid tieqaf taqdi lil Ġeħova? Tħossok kultant li ma rnexxejtx? Jekk iva, tħallix lil Satana juża dawn is-sentimenti biex ifixklek milli taqdi lil Ġeħova. Studju tal-Bibbja fil-fond, talb bil-ħrara, u attendenza regulari għal-laqgħat u sħubija maʼ sħabek il-Kristjani se jsaħħuk u jżommuk milli ‘ċċedi f’ruħek.’ Ġeħova wiegħed li jgħin lil dawk li jaqduh biex jerġgħu jiksbu s-saħħa, u l-wegħda tiegħu hija waħda ċerta. (Aqra Isaija 40:30, 31.) Iffoka fuq l-attivitajiet Kristjani. Evita l-aljenazzjonijiet li jiħdulek il-ħin, u ffoka fuq li tgħin lil oħrajn. Imbagħad se tiġi msaħħaħ biex tissaporti minkejja l-iskuraġġiment.—Gal. 6:1, 2.
Mit-Tribulazzjoni għal ġo Dinja Ġdida
13. Liema xogħol hemm jistenniehom lil dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon?
13 Wara Armageddon, għadd kbir taʼ wħud ġusti li jiġu rxoxtati se jkollhom bżonn jitgħallmu dwar il-mogħdijiet taʼ Ġeħova. (Atti 24:15) Huma se jkollhom bżonn jitgħallmu dwar is-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù; u iktar minn hekk, huma jridu jiġu mgħallmin kif jeżerċitaw fidi f’dan is-sagrifiċċju sabiex jirċievu l-benefiċċji tiegħu. Huma se jkollhom bżonn iwarrbu ideat tar-reliġjon falza li kienu jħaddnu qabel u jabbandunaw il-mod taʼ ħajja li kienu jgħixu qabel. Huma jridu jitgħallmu jilbsu l-personalità l-ġdida li tidentifika lill-Kristjani veri. (Efes. 4:22-24; Kol. 3:9, 10) Dawk l-uħud min-nagħaġ oħrajn li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jkollhom ħafna xogħol x’jagħmlu. X’ferħ se jkun li nwettqu servizz bħal dan lil Ġeħova, ħelsin mill-pressjonijiet u l-aljenazzjonijiet taʼ din id-dinja mill-agħar!
14, 15. Iddeskrivi kif se jaġixxu meta jiltaqgħu dawk li jibqgħu ħajjin fit-tribulazzjoni l-kbira u l-uħud ġusti rxoxtati.
14 Qaddejja leali taʼ Ġeħova li mietu qabel il-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art ukoll se jkollhom ħafna x’jitgħallmu f’dak iż-żmien. Huma se jitgħallmu dwar l-identità tal-Messija mwiegħed, li għalih ittamaw bil-ħerqa iżda li qatt ma kellhom l-opportunità li jaraw. Meta kienu għadhom ħajjin, huma kienu diġà wrew li kienu lesti li jiġu mgħallmin minn Ġeħova. Immaġina x’ferħ u xi privileġġ se jkun li ngħinuhom jispjegaw lil Danjel it-twettiq tal-profeziji li kiteb hu iżda li ma fehemx!—Dan. 12:8, 9.
15 M’għandniex xi ngħidu, għalkemm l-uħud irxoxtati se jkollhom ħafna x’jitgħallmu mingħandna, aħna se jkollna ħafna mistoqsijiet x’nagħmlulhom. Huma jistgħu jagħtuna d-dettalji kollha tal-ġrajjiet imsemmijin fil-Bibbja iżda li m’humiex deskritti bid-dettall. Aħseb dwar kemm se jkun eċċitanti li ssir taf id-dettalji persunali dwar Ġesù mingħand il-kuġin tiegħu Ġwanni l-Għammied! L-affarijiet li nitgħallmu minn xhieda leali bħal dawn bla dubju se jkabbru saħansitra iktar l-apprezzament tagħna għall-Kelma t’Alla milli għandna fil-preżent. Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova li mietu—inkluż dawk tal-folla l-kbira li jmutu matul iż-żmien tat-tmiem—se jkollhom “irxoxt aħjar.” Huma bdew is-servizz tagħhom lil Ġeħova f’dinja dominata minn Satana. X’ferħ se jkun għalihom li jkomplu s-servizz tagħhom meta jkollhom ċirkustanzi ħafna iktar favorevoli fid-dinja l-ġdida!—Ebr. 11:35; 1 Ġw. 5:19.
16. Skond il-profezija, kif se jitwettaq Jum il-Ġudizzju?
16 F’xi żmien matul Jum il-Ġudizzju se jinfetħu l-iskrolli. Flimkien mal-Bibbja, dawn se jifformaw il-bażi biex jiġu ġudikati l-ħajjin kollha dwar jekk humiex denji li jirċievu l-ħajja taʼ dejjem. (Aqra Rivelazzjoni 20:12, 13.) Sa tmiem Jum il-Ġudizzju, kull individwu se jkollu bosta opportunitajiet biex juri l-pożizzjoni tiegħu fil-kwistjoni tas-sovranità universali. Se jżomm hu maʼ l-arranġament tas-Saltna u jippermetti lill-Ħaruf jiggwidah lejn “għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja”? Jew se jirreżisti, jiġifieri, jirrifjuta li jissottometti ruħu għas-Saltna t’Alla? (Riv. 7:17; Is. 65:20) Sa dak iż-żmien, kulħadd fuq l-art se jkollu l-opportunità li jieħu deċiżjoni persunali, mingħajr ma jkun imfixkel mid-dnub li ntiret jew minn sfond mill-agħar. Ħadd m’hu se jkun jistaʼ jqajjem dubji dwar id-dritt li għandu Ġeħova biex jagħmel il-ġudizzju finali. Huma biss dawk il-ħżiena li ma jridux jaġġustaw ħajjithom li se jinqerdu għal dejjem.—Riv. 20:14, 15.
17, 18. Il-Kristjani midlukin u n-nagħaġ oħrajn, b’liema antiċipazzjoni taʼ ferħ iħarsu lejn Jum il-Ġudizzju?
17 Illum il-Kristjani midlukin, minħabba li ġew meqjusin denji li jirċievu Saltna, iħarsu ’l quddiem ħerqanin biex jaħkmu matul Jum il-Ġudizzju. Xi privileġġ grandjuż se jkollhom! Il-prospett innifsu jqanqalhom biex isegwu l-parir li Pietru ta lil ħuthom taʼ l-ewwel seklu: “Agħmlu l-almu tagħkom biex taċċertaw ruħkom mis-sejħa u l-għażla tagħkom; għax jekk tibqgħu toktru f’dawn l-affarijiet żgur li ma tonqsu qatt. Fil-fatt, b’hekk tingħataw daħla glorjuża fis-saltna taʼ dejjem tal-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.”—2 Pt. 1:10, 11.
18 In-nagħaġ oħrajn jifirħu maʼ ħuthom il-midlukin. Huma jinsabu determinati li jappoġġawhom. Bħala ħbieb t’Alla llum, huma jitqanqlu biex jagħmlu l-almu tagħhom fis-servizz t’Alla. Matul Jum il-Ġudizzju, huma se jkunu ferħanin li jappoġġaw b’qalb sħiħa l-arranġamenti t’Alla hekk kif Ġesù jiggwidahom lejn l-għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja. Imbagħad—fl-aħħar—se jiġu meqjusin denji li jkunu l-qaddejja taʼ Ġeħova fuq l-art għal dejjem!—Rum. 8:20, 21; Riv. 21:1-7.
Tiftakar Int?
• X’jinkludi kulma għandu Ġesù?
• Dawk tal-folla l-kbira kif jappoġġaw lil ħuthom il-midlukin?
• Liema privileġġi u prospett igawdu dawk tal-folla l-kbira?
• Int kif tħares lejn Jum il-Ġudizzju?
[Stampa f’paġna 25]
Dawk tal-folla l-kbira ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf
[Stampa f’paġna 27]
X’tittama li titgħallem mill-uħud leali rxoxtati?