Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Mattew
L-EWWEL individwu li kiteb rakkont eċċitanti dwar il-ħajja taʼ Ġesù Kristu kien Mattew—ħabib tal-qalb taʼ Ġesù Kristu u wieħed li darba kien kollettur tat-taxxi. Oriġinalment miktub bl-Ebrajk u iktar tard tradott għall-Grieg, l-Evanġelju taʼ Mattew tlesta madwar is-sena 41 E.K. u dan jorbot l-Iskrittura Ebrajka maʼ l-Iskrittura Griega Kristjana.
Minħabba li milli jidher kien intenzjonat primarjament għal udjenza Lhudija, dan l-Evanġelju li jqanqlek u mimli tifsir jippreżenta lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed, l-Iben t’Alla. Jekk nagħtu kas sew tal-messaġġ li fih, aħna se nsaħħu l-fidi tagħna fl-Alla l-veru, f’Ibnu, u fil-wegħdi Tiegħu.—Ebr. 4:12.
“QORBOT IS-SALTNA TAS-SMEWWIET”
Mattew jenfasizza t-tema tas-Saltna u t-tagħlim taʼ Ġesù, avolja dan ifisser li meta ppreżenta l-fatti ma żammx l-ordni kronoloġiku. Per eżempju, il-Priedka taʼ fuq il-Muntanja hija rakkontata fil-bidu tal-ktieb, għalkemm Ġesù taha bejn wieħed u ieħor lejn in-nofs tal-ministeru tiegħu.
Matul il-ministeru tiegħu fil-Galilija, Ġesù jagħmel mirakli, jagħti istruzzjonijiet ministerjali lit-tnax-il appostlu, jikkundanna lill-Fariżej, u jagħti tixbihat dwar is-Saltna. Imbagħad hu jitlaq mill-Galilija u jasal “fil-fruntieri tal-Lhudija, in-naħa l-oħra tal-Ġordan.” (Mt. 19:1) Fi triqtu, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: ‘Aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jiġi kundannat għall-mewt, u fit-tielet jum jiġi mqajjem.’—Mt. 20:18, 19.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
3:16—B’liema mod ‘infetħu s-smewwiet’ meta Ġesù tgħammed? Dan donnu jindika li Ġesù reġaʼ kiseb il-memorja dwar l-eżistenza tiegħu fis-sema qabel ma sar bniedem.
5:21, 22—Huwa agħar li tesprimi r-rabja milli żżommha f’qalbek? Ġesù wissa li individwu li jżomm f’qalbu rabja tbaqbaq kontra ħuh ikun qed jikkommetti dnub serju. Madankollu, huwa iktar serju li nesprimu r-rabja billi ngħidu xi kelma taʼ disprezz, u min jagħmel hekk irid jagħti kont f’qorti ogħla mill-qorti lokali tal-ġustizzja.
5:48—Huwa tassew possibbli għalina li nkunu ‘perfetti, bħalma hu perfett Missierna tas-sema’? Relattivament iva. Ġesù hawnhekk kien qed jiddiskuti s-suġġett taʼ l-imħabba, u hu qal lis-semmiegħa tiegħu biex jimitaw lil Alla u jkunu perfetti, jew sħaħ, fl-imħabba tagħhom. (Mt. 5:43-47) Kif? Billi jkabbruha tant li tkun tinkludi lill-għedewwa tagħhom.
7:16—Liema “frott” jidentifika lir-reliġjon vera? Dan il-frott ma jinkludix l-imġiba tagħna biss. Jinvolvi wkoll it-twemmin tagħna—it-tagħlim li nżommu miegħu.
10:34-38—Huwa minħabba l-messaġġ Skritturali li jkun hemm firdiet fil-familji? Lanqas xejn. Minflok, il-firdiet huma kaġunati mill-pożizzjoni li jieħdu l-membri tal-familja li ma jemmnux. Għandhom mnejn jagħżlu li jiċħdu jew jopponu lill-Kristjanità, u b’hekk iġibu firdiet fil-familja.—Lq. 12:51-53.
11:2-6—Jekk minħabba li Ġwanni kien semaʼ leħen Alla hu kien diġà jaf li Ġesù hu l-Messija, għala staqsa jekk Ġesù kienx “Dak li għandu jiġi”? Ġwanni setaʼ għamel din il-mistoqsija sabiex jikseb konferma persunali mingħand Ġesù. Però, iktar minn hekk, Ġwanni ried ikun jaf jekk kienx se jkun hemm “xi ħaddieħor” li kellu jiġi bil-qawwa tas-Saltna u jwettaq it-tamiet kollha tal-Lhud. It-tweġiba taʼ Ġesù wriet li ma kellux ikun hemm suċċessur.
19:28—X’inhu rappreżentat mit-“tnax-il tribù taʼ Iżrael” li se jiġu ġudikati? Dawn ma jirrappreżentawx lit-12-il tribù taʼ Iżrael spiritwali. (Gal. 6:16; Riv. 7:4-8) L-appostli li lilhom Ġesù kien qed ikellem kienu se jkunu parti minn Iżrael spiritwali, mhux imħallfin tal-membri tiegħu. Ġesù għamel ‘patt magħhom għal saltna.’ (Lq. 22:28-30; Riv. 5:10) Dawk taʼ Iżrael spiritwali se “jiġġudikaw lid-dinja.” (1 Kor. 6:2) Għalhekk, jidher ċar li t-“tnax-il tribù taʼ Iżrael,” li lilhom jiġġudikaw dawk li jinsabu fuq it-tronijiet fis-sema, jirrappreżentaw lid-dinja taʼ l-umanità li tinsab barra din il-klassi rjali taʼ qassisin, bħalma hi rappreżentata mit-12-il tribù f’Jum l-Espjazzjoni.—Lev., kap. 16.
Lezzjonijiet Għalina:
4:1-10. Dan ir-rakkont jgħallimna li Satana huwa reali u mhux xi kwalità astratta tal-ħażen. Hu juża “x-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja” biex iħajjarna. Minkejja dan, jekk napplikaw il-prinċipji Skritturali se niġu megħjunin nibqgħu leali lejn Alla.—1 Ġw. 2:16.
5:1–7:29. Kun konxju tal-bżonn spiritwali tiegħek. Ġib il-paċi. Iċħad ħsibijiet immorali. Żomm kelmtek. Meta titlob, agħti prijorità lil kwistjonijiet spiritwali qabel l-interessi materjali. Kun għani m’Alla. Fittex l-ewwel is-saltna u s-sewwa t’Alla. Eżerċita fidi fil-fidwa. Tiġġudikax lil oħrajn. Agħmel ir-rieda t’Alla. Kemm fiha tagħlim prattiku l-Priedka taʼ fuq il-Muntanja!
9:37, 38. Aħna għandna naġixxu fi qbil mar-rikjesta tagħna lis-Sid biex “jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu,” billi nieħdu sehem biż-żelu fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli.—Mt. 28:19, 20.
10:32, 33. Qatt m’għandna nibżgħu nitkellmu dwar it-twemmin tagħna.
13:51, 52. Il-fatt li nifhmu l-veritajiet tas-Saltna jġib miegħu r-responsabbiltà li ngħallmu lil oħrajn u naqsmu magħhom dawn it-teżori.
14:12, 13, 23. Perijodi taʼ solitudni huma essenzjali għal meditazzjoni sinifikanti.—Mk. 6:36; Lq. 6:12.
17:20. Għandna bżonn il-fidi biex negħlbu ostakli qishom muntanji li jtellfu l-progress spiritwali tagħna u biex inkampaw mad-diffikultajiet. M’għandniex noqogħdu nitgħażżnu biex nibnu u nsaħħu l-fidi tagħna f’Ġeħova u fil-wegħdi tiegħu.—Mk. 11:23; Lq. 17:6.
18:1-4; 20:20-28. L-imperfezzjoni umana u t-twemmin reliġjuż li kien jenfasizza l-prominenza għamlu lid-dixxipli taʼ Ġesù konċernati żżejjed dwar il-kobor. Aħna għandna nikkultivaw l-umiltà hekk kif ngħassu kontra tendenzi midinbin u nżommu ħarsa xierqa lejn il-privileġġi u r-responsabbiltajiet.
“BIN IL-BNIEDEM SE JINGĦATA BIEX ISAMMRUH MAʼ ZOKK”
“Riekeb fuq ħmar,” Ġesù jiġi Ġerusalemm fid-9 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K. (Mt. 21:5) L-għada, hu jiġi fit-tempju u jnaddfu. Fil-11 taʼ Nisan, hu jgħallem fit-tempju, jikkundanna lill-iskribi u lill-Fariżej, u wara dan jagħti lid-dixxipli tiegħu ‘sinjal tal-preżenza tiegħu u taʼ tmiem is-sistema.’ (Mt. 24:3) L-għada, hu jgħidilhom: “Intom tafu li jumejn oħra l-Qbiż, u Bin il-bniedem se jingħata biex isammruh maʼ zokk.”—Mt. 26:1, 2.
Il-jum hu l-14 taʼ Nisan. Wara li jistabbilixxi t-Tifkira tal-mewt tiegħu li kienet se sseħħ dalwaqt, Ġesù jiġi tradut, arrestat, mgħoddi ġuri, u mdendel maʼ zokk. Fit-tielet jum, hu jiġi mqajjem mill-imwiet. Qabel ma jitlaʼ s-sema, Ġesù rxoxtat jikkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.”—Mt. 28:19.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
22:3, 4, 9—Meta jsiru t-tliet sejħiet għall-festa tat-tieġ? L-ewwel sejħa biex tinġabar il-klassi taʼ l-għarusa saret meta Ġesù u s-segwaċi tiegħu bdew jippridkaw fis-sena 29 Q.E.K., u baqgħet għaddejja sas-sena 33 E.K. It-tieni sejħa saret miż-żmien li tferraʼ l-ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. sas-sena 36 E.K. Iż-żewġ sejħiet kienu diretti lil-Lhud jew lill-proseliti Lhud. Madankollu, it-tielet sejħa ħarġet għan-nies tat-toroq li jagħtu għall-belt, jiġifieri, lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi, u din bdiet fis-sena 36 E.K. bil-konverżjoni taʼ l-uffiċjal Ruman Kornelju u għadha għaddejja sa żmienna.
23:15—Għala proselit tal-Fariżej, jew xi ħadd konvertit minnhom kien “jistħoqqlu jmur Geħenna darbtejn iktar” mill-Fariżej infushom? Xi wħud li saru proseliti tal-Fariżej setgħu kienu midinbin kbar qabel. Madankollu, billi kkonvertew għall-estremiżmu tal-Fariżej, huma setgħu saru saħansitra iktar estremisti mill-għalliema kundannati tagħhom. Għalhekk, huma kien ‘jistħoqqilhom imorru Geħenna’ darbtejn iktar meta mqabblin mal-Fariżej Lhud.
27:3-5—Ġuda dwar xiex kien dispjaċut? M’hemm ebda indikazzjoni li d-dispjaċir taʼ Ġuda kien riżultat taʼ ndiema vera. Minflok ma fittex il-maħfra t’Alla, hu stqarr il-ħażen tiegħu lill-qassisin ewlenin u lill-irġiel ixjeħ. Minħabba li wettaq “dnub li jġib il-mewt,” Ġuda b’mod xieraq kien maħkum minn sentimenti taʼ ħtija u disperazzjoni. (1 Ġw. 5:16) Id-dispjaċir tiegħu kien imqanqal mill-istat iddisprat tiegħu.
Lezzjonijiet Għalina:
21:28-31. Dak li hu tassew importanti fil-ħarsa taʼ Ġeħova hu li nagħmlu r-rieda tiegħu. Per eżempju, aħna għandna nieħdu sehem biż-żelu fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli.—Mt. 24:14; 28:19, 20.
22:37-39. L-akbar żewġ kmandamenti kemm jiġbru fil-qosor b’mod eżatt dak li Alla jeħtieġ minn dawk li jadurawh!
[Stampa f’paġna 31]
Qiegħed int tieħu sehem biż-żelu fix-xogħol tal-ħsad?
[Sors]
© 2003 BiblePlaces.com
[Stampa f’paġna 31]
Mattew jenfasizza t-tema tas-Saltna