L-Aħbar Tajba Skont Mattew
5 Meta ra l-folol, hu telaʼ fuq il-muntanja, poġġa hemm, u d-dixxipli tiegħu marru ħdejh. 2 Imbagħad beda jgħallimhom:
3 “Ferħanin huma dawk li jafu li għandhom bżonn lil Alla,* għax is-Saltna t’Alla* se tkun tagħhom.
4 “Ferħanin huma dawk imdejqin, għax se jiġu inkuraġġiti.
5 “Ferħanin huma l-umli,* għax se jirtu l-art.
6 “Ferħanin huma dawk li jixtiequ ħafna* li ssir ġustizzja, għax se jaqtgħu xewqithom.
7 “Ferħanin huma dawk li juru ħniena, għax se jintwerew ħniena.
8 “Ferħanin huma dawk li m’għandhomx ħażen f’qalbhom, għax se jaraw lil Alla.
9 “Ferħanin huma dawk li jġibu l-paċi, għax se jkunu t-tfal t’Alla.
10 “Ferħanin huma dawk li qed jiġu ppersegwitati minħabba li qed jagħmlu t-tajjeb, għax is-Saltna t’Alla se tkun tagħhom.
11 “Ferħanin intom meta n-nies jgħajrukom, jippersegwitawkom, u jgħidu kull tip taʼ gideb mill-agħar dwarkom minħabba fija. 12 Ifirħu ħafna, għax Alla se jberikkom bil-kbir.* Fil-fatt b’dan il-mod ġew ippersegwitati l-profeti li ġew qabilkom.
13 “Intom il-melħ tal-art, imma jekk il-melħ jitlef it-togħma tiegħu, jistaʼ xi ħadd jerġaʼ jagħmlu jintiegħem bħall-melħ? Ma jibqaʼ tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra u jgħaddu minn fuqu n-nies.
14 “Intom id-dawl tad-dinja, bħal belt fuq muntanja li tidher żgur. 15 Meta n-nies jixegħlu lampa ma jqegħduhiex taħt qoffa, imma fuq gandlier ħalli tagħti d-dawl lil kull min ikun hemm fid-dar. 16 Bl-istess mod, ħallu d-dawl tagħkom jidher quddiem kulħadd, ħalli huma jaraw ix-xogħol tajjeb li qed tagħmlu u jfaħħru lil Missierkom tas-sema.
17 “Taħsbux li ġejt biex ngħid li l-Liġi taʼ Mosè jew il-kitbiet tal-profeti m’għandhomx valur, imma ġejt biex iseħħ it-tagħlim tagħhom. 18 Naċċertakom li anki jekk is-sema u l-art jispiċċaw, lanqas parti żgħira minn ittra tal-Liġi mhu se tispiċċa sakemm iseħħ dak kollu li hemm miktub fiha. 19 Għalhekk, kull min ma jobdix wieħed minn dawn il-kmandamenti li għan-nies ma jitqisux importanti u jgħallem lil oħrajn jagħmlu l-istess, ma jkunx jixraqlu li jidħol* fis-Saltna t’Alla. Iżda kull min jobdihom u jgħallimhom, se jkun jixraqlu li jidħol* fis-Saltna t’Alla. 20 Għax jekk ma tagħtux prova li intom iktar ġusti* mill-iskribi u l-Fariżej, żgur li ma tidħlux fis-Saltna t’Alla.
21 “Intom tafu xi ntqal lil dawk li għexu żmien twil ilu: ‘M’għandkomx toqtlu, imma kull min joqtol għandu jitlaʼ l-qorti.’ 22 Madankollu, jien ngħidilkom li kull min jibqaʼ rrabjat għal ħuh* se jiġi ġġudikat il-qorti; u kull min jgħajjar lil ħuh ikollu jmur il-Qorti Suprema; u kull min jgħidlu, ‘Ja iblah li ma tiswa għal xejn!’ se jispiċċa fin-nar taʼ Geħenna.*
23 “Għalhekk, jekk tkun qed tieħu l-offerta tiegħek lejn l-artal u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, 24 ħalli l-offerta tiegħek quddiem l-artal, u mur iltaqaʼ miegħu. L-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad erġaʼ lura biex tagħti l-offerta.
25 “Irranġa malajr maʼ min jiftaħ kawża kontrik, waqt li tkunu għadkom sejrin il-qorti, biex b’hekk ma jagħtikx f’idejn l-imħallef, u l-imħallef ma jagħtikx f’idejn dak li jitfgħek il-ħabs. 26 Nassigurak li mhux se toħroġ minn hemm sakemm tkun ħallast id-dejn kollu.*
27 “Intom tafu li ntqal: ‘Tagħmilx adulterju.’ 28 Imma jien ngħidilkom li kull min jibqaʼ jħares lejn mara u jkun jixtieq ikollu relazzjoni sesswali magħha, ikun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu. 29 Għalhekk, jekk għajnek* tkun qed tfixklek, aqlagħha u itfagħha ’l bogħod minnek, għax ikun aħjar li titlef għajn waħda milli tispiċċa kollok kemm int f’Geħenna.* 30 Ukoll, jekk idek* qed tfixklek, aħjar taqtagħha u titfagħha ’l bogħod minnek, għax ikun aħjar li titlef id waħda milli tispiċċa kollok kemm int f’Geħenna.*
31 “Iktar minn hekk intqal: ‘Kull min jiddivorzja lill-mara, għandu jagħtiha ċertifikat tad-divorzju.’ 32 Madankollu, jien ngħidilkom li kull min jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba l-immoralità sesswali,* iqegħedha fil-periklu li tagħmel adulterju, u kull min jiżżewwiġha jkun għamel adulterju wkoll.
33 “Ukoll, tafu li ntqal lil dawk li għexu żmien twil ilu: ‘Tmurx lura minn dak li ħlift, imma agħmel bħalma wegħedt lil Ġeħova.’* 34 Imma jien ngħidilkom: Taħilfu b’xejn, la bis-sema, għax din hi t-tron t’Alla; 35 la bl-art, għax din hi l-banketta għal saqajh; u lanqas b’Ġerusalemm, għax din hi l-belt tar-Re l-Kbir.* 36 Taħlifx b’ħajtek,* ladarba lanqas biss tistaʼ tbiddel il-kulur taʼ xagħra waħda minn rasek. 37 Ħalli ‘l-Iva’ tfisser iva, u ‘l-Le,’ le, għax min ma jagħmilx hekk ikun ġej mill-Ħażin.
38 “Tafu li ntqal: ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna.’ 39 Imma jien ngħidilkom: Jekk xi ħadd mill-agħar jiġġieled kontrik, tiġġilidlux, anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa taʼ ħarta, dawwar wiċċek u ħallih jagħtik daqqa n-naħa l-oħra. 40 U jekk xi ħadd ikun irid itellgħek il-qorti biex jiħodlok il-libsa, agħtih ukoll il-ħwejjeġ kollha li għandek fuqek. 41 Jekk xi ħadd fl-awtorità jġiegħlek iġġorrlu xi ħaġa għal kilometru,* kun lest li ġġorrha għal żewġ kilometri. 42 Min jitolbok xi ħaġa, agħtihielu, u min għandu bżonn jissellef mingħandek, isilfu mingħajr imgħax.
43 “Tafu li ntqal: ‘Ħobb lil ħaddieħor, imma obgħod lill-għadu tiegħek.’ 44 Imma jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom. 45 B’hekk turu li intom it-tfal taʼ Missierkom li qiegħed fis-sema, għax hu jtellaʼ x-xemx kemm fuq it-tajbin u kemm fuq il-ħżiena u jibgħat ix-xita kemm fuq il-ġusti u kemm fuq dawk li mhumiex. 46 Għax jekk tħobbu lil dawk li jħobbukom, xi premju tistennew? Mhux anki dawk li qed jiġbru t-taxxi jagħmlu hekk? 47 U taħsbu li qed tagħmlu xi ħaġa speċjali għax issellmu lil ħutkom? Anki dawk li mhux Iżraelin jagħmlu hekk! 48 Mela kunu perfetti,* bħalma hu perfett Missierkom tas-sema.