Aħfer Minn Qalbek
“Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom.”—MATTEW 18:35.
1, 2. (a) Midinba magħrufa kif uriet l-apprezzament tagħha lejn Ġesù? (b) Ġesù x’punt ħareġ bi tweġiba?
X’AKTARX li kienet prostituta. Ma tistenniex li ssib mara bħal din f’dar taʼ persuna reliġjuża. Jekk xi wħud tkażaw għax rawha hemmhekk, b’dak li għamlet tkażaw ferm iktar. Resqet lejn ir-raġel li kellu l-iktar morali għoljin u wriet l-apprezzament tagħha għal xogħlu billi ħaslitlu saqajh bid-dmugħ tagħha u xxottathomlu b’xagħarha.
2 Dan ir-raġel, Ġesù, ma ħassux imbottat minn din il-mara, “midinba magħrufa” fil-belt. Imma Xmun il-Fariżew, sid id-dar fejn kienu, inkwieta dwar il-fatt li kienet midinba. Ġesù wieġeb billi rrakkonta dwar żewġt irġiel li kellhom dejn maʼ raġel li jislef il-flus. Wieħed kellu jagħtih ħafna—madwar il-paga taʼ sentejn taʼ ħaddiem. L-ieħor kellu jagħti frazzjon taʼ dan l-ammont—inqas minn tliet xhur paga. Meta ħadd minnhom ma setaʼ jħallas id-dejn, ir-raġel “ħafrilhom it-tnejn.” Biċ-ċar, dak li lilu nħafirlu l-iktar kellu raġuni akbar biex juri mħabba. Wara li rabat dan maʼ l-att ħanin tal-mara, Ġesù żied il-prinċipju: “Min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.” Imbagħad qalilha: “Dnubietek maħfura.”—Luqa 7:36-48.
3. X’għandna bżonn nikkunsidraw dwarna nfusna?
3 Staqsi lilek innifsek, ‘Kieku kont jien dik il-mara, jew kieku kont f’sitwazzjoni simili u ntwerejt ħniena, kont inkun aħrax f’li naħfer lill-oħrajn?’ Forsi twieġeb, ‘Żgur li le!’ Minkejja dan, temmen verament li int inklinat li taħfer? Huwa dan fin-natural tiegħek? Taħfer int taʼ spiss u mill-qalb? Jiddeskrivuk bħala wieħed li taħfer? Ejja naraw għala kull wieħed minna għandu jagħti l-attenzjoni tiegħu għal dan billi jirrifletti fuqu bl-onestà kollha.
Bżonn għall-Maħfra u kif Din Intweriet Lejna
4. Liema fatt irridu nammettu dwarna nfusna?
4 Int imperfett, bħalma taf tajjeb. Jekk tiġi mistoqsi, tistaʼ saħansitra tammettih dan, forsi billi tiftakar fil-kliem li nsibu fl-1 Ġwann 1:8: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina.” (Rumani 3:23; 5:12) Xi wħud għandhom mnejn urew l-imperfezzjoni tagħhom permezz taʼ dnubiet gravi u offensivi. Imma anki jekk ma tafx li int ħati b’dan il-mod, żgur li hemm ħafna drabi u modi li bihom inqast mil-livelli t’Alla—int dnibt. Mhux hekk?
5. Dwar liema ħaġa għandna nkunu grati lejn Alla?
5 Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tiegħek tistaʼ tikkorrispondi mad-deskrizzjoni taʼ l-appostlu Pawlu: “Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx iċ-ċirkonċiżjoni f’ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien maʼ Kristu: ħafrilna dnubietna kollha.” (Kolossin 2:13; Efesin 2:1-3) Innota l-frażi “ħafrilna dnubietna kollha.” Dan ikopri ħafna. Kull wieħed minna għandu raġuni tajba li jitlob bil-ħrara bħalma għamel David: “Minħabba l-isem tiegħek, Mulej, aħfirli ħżuniti, kbira kemm hi kbira.” (Korsiv tagħna.)—Salm 25:11.
6. Dwar liema ħaġa nistgħu nkunu żguri rigward Jehovah u l-maħfra?
6 Kif tistaʼ int—jew xi ħaddieħor fostna—tirċievi l-maħfra? Fatt fundamentali hu li Alla Jehovah għandu t-tendenza li jaħfer. Din hi karatteristika mill-personalità tiegħu. (Eżodu 34:6, 7; Salm 86:5) M’għandniex xi ngħidu, Alla jistenna li aħna nduru lejh bit-talb u nitolbuh jiskużana, nitolbuh jaħfrilna. (2 Kronaki 6:21; Salm 103:3, 10, 14) Hu pprovda wkoll bażi legali biex jestendi din il-maħfra—is-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-fidwa.—Rumani 3:24; 1 Pietru 1:18, 19; 1 Ġwann 4:9, 14.
7. B’liema mod għandek tkun trid timita lil Jehovah?
7 Int għandek tara mudell taʼ kif għandek tittratta lil bnedmin oħra fil-mod taʼ kif Alla lest li jaħfer. Pawlu ffoka fuq dan, billi kiteb: “Kunu twajba maʼ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.” (Efesin 4:32) M’hemm ebda dubju li l-punt taʼ Pawlu jinvolvi li nitgħallmu mill-eżempju t’Alla, għax il-vers li jmiss ikompli: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.” (Efesin 5:1) Taraha l-konnessjoni? Alla Jehovah lilek ħafirlek, għalhekk—Pawlu jirraġuna b’qawwa—int trid timita Lilu u turi ‘ħniena u maħfra’ maʼ oħrajn. Imma staqsi lilek innifsek, ‘Jien qed nagħmlu dan? Jekk dan m’huwiex fin-natural tiegħi, qed naħdem f’dik id-direzzjoni, billi nistinka tassew biex nimita lil Alla f’li naħfer?’
Irridu Naħdmu biex Inkunu Wħud li Naħfru
8. X’irridu nirrikonoxxu dwar dawk li minnhom hija fformata l-kongregazzjoni tagħna?
8 Tkun ħaġa sabiħa li taħseb li fil-kongregazzjoni Kristjana, hemm ftit okkażjonijiet meta jkollna nipprattikaw il-korsa divina tal-maħfra. Ir-realtà m’hijiex hekk. Veru li ħutna Kristjani qed jistinkaw biex isegwu l-mudell taʼ mħabba taʼ Ġesù. (Ġwann 13:35; 15:12, 13; Galatin 6:2) Huma ilhom, u għadhom jaħdmu, biex jabbandunaw modi taʼ ħsieb, kliem, u aġir komuni f’din id-dinja mill-agħar. Huma verament jixtiequ juru l-personalità l-ġdida. (Kolossin 3:9, 10) Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-kongregazzjoni globali, u kull kongregazzjoni lokali, hija fformata minn bnedmin imperfetti. Meta toqgħod tqis, ċertament li huma aħjar milli kienu qabel, madankollu xorta għadhom imperfetti.
9, 10. Għala m’għandniex niskantaw jekk iqumu l-problemi bejn l-aħwa?
9 Fil-Bibbja, Alla deliberatament jgħidilna li nistgħu nistennew l-imperfezzjoni fil-kongregazzjoni, fost ħutna rġiel u nisa. Ikkunsidra, per eżempju, il-kliem taʼ Pawlu dokumentat f’Kolossin 3:13: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.”
10 B’mod sinjifikanti, il-Bibbja hawn tfakkarna dwar il-konnessjoni bejn il-fatt li Alla jaħfer lilna u d-dover u l-ħtieġa min-naħa tagħna li naħfru lil oħrajn. Dan għala hu taʼ sfida? Għax Pawlu ammetta li xi ħadd għandu mnejn “ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor.” Hu rrealizza li kienu se jeżistu affarijiet bħal dawn. Żgur li eżistew fl-ewwel seklu, saħansitra fost Kristjani “qaddisin,” li kellhom ‘tama tistenniehom fis-smewwiet.’ (Kolossin 1:2, 5) Għalhekk, kif nistgħu nimmaġinaw li jistaʼ jkun differenti llum, meta l-biċċa l-kbira mill-Kristjani veri m’għandhomx xiehda mill-ispirtu li huma l-“magħżulin taʼ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu”? (Kolossin 3:12) Għaldaqstant, m’għandniex nikkonkludu li hemm xi ħaġa eċċezzjonalment ħażina jekk fil-kongregazzjoni tagħna hemm raġunijiet għal ilmenti—sentimenti mweġġgħin minħabba nuqqasijiet reali jew immaġinarji.
11. Id-dixxiplu Ġakbu dwar liema ħaġa fetħilna għajnejna?
11 Il-kliem taʼ Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm, ukoll juri li rridu nistennew li għandna mnejn, minn taʼ l-inqas kultant, inħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet li jitolbu minna li naħfru lil ħutna. “Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Mela ħa juri bl-imġiba tajba tiegħu, għemilu bi ħlewwa għaqlija. Imma jekk intom għandkom l-għira u l-imrar f’qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied, qisu li b’hekk ma tiftaħrux u tigdbu kontra l-verità.” (Ġakbu 3:13, 14) “L-għira u l-imrar” fi qlub il-Kristjani veri? Iva, kliem Ġakbu jissuġġerixxi b’mod ċar li dawn l-affarijiet kienu tfaċċaw fil-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu u se jitfaċċaw illum ukoll.
12. Xi problema qamet fil-kongregazzjoni taʼ Filippi tal-qedem?
12 Eżempju reali involva lil żewġ Kristjani midlukin li kellhom reputazzjoni mill-aħjar għax kienu stinkaw spalla maʼ spalla maʼ Pawlu. Forsi tiftakar taqra dwar Evodja u Sintiki, membri tal-kongregazzjoni taʼ Filippi. Għalkemm ma jiddeskrivix il-kwistjoni fid-dettall, Filippin 4:2, 3 juri li kien hemm xi problema bejniethom. Bdiet din b’xi kumment bla ħsieb li jweġġaʼ, b’xi osservazzjoni taʼ nuqqas dwar xi ħadd tal-familja, jew b’xi evidenza taʼ għira kompetittiva? Kienet x’kienet, din il-ħaġa tant saret serja li Pawlu semaʼ dwarha f’Ruma, minn daqstant bogħod. X’aktarx li ż-żewġ aħwa spiritwali ma baqgħux ikellmu lil xulxin. Dan wassalhom biex jevitaw lil xulxin fil-laqgħat u jgħaddu kummenti iebsa dwar xulxin maʼ ħbiebhom.
13. X’inhu li x’aktarx irnexxielhom jagħmlu Evodja u Sintiki, u dan x’lezzjoni jipprovdi għalina?
13 Jinstemaʼ familjari dan, bħal xi ħaġa li seħħet bejn xi wħud fil-kongregazzjoni tiegħek jew xi ħaġa li kont involut fiha int stess? Għandu mnejn li saħansitra issa teżisti problema taʼ din ix-xorta sa ċertu punt. X’nistgħu nagħmlu? Fil-każ tal-qedem, Pawlu ħeġġeġ lil dawk iż-żewġ aħwa dedikati “biex ikunu taʼ fehma waħda fil-Mulej.” Forsi qablu li jiddiskutu l-problema, li jsolvu d-differenzi taʼ bejniethom, li jesprimu rieda li jaħfru lil xulxin, u mbagħad li attwalment jimitaw l-attitudni taʼ maħfra li għandu Jehovah. M’għandniex għalfejn niddubitaw jekk Evodja u Sintiki rnexxilhomx, u aħna wkoll jistaʼ jirnexxilna. Attitudni taʼ maħfra bħal din tistaʼ tiġi applikata b’suċċess illum.
Agħmel il-Paċi—Aħfer
14. Taʼ spiss għala jkun possibbli u l-aħjar li sempliċement tagħlaq għajnejk għad-differenzi persunali?
14 X’hemm tassew bżonn biex taħfer meta jkollok xi problema maʼ Kristjan ieħor? Sinċerament, m’hemm l-ebda metodu sempliċi, imma l-Bibbja toffri eżempji t’għajnuna u pariri realistiċi. Rakkomandazzjoni fundamentali—għalkemm m’hijiex waħda faċli biex taċċettaha u tapplikaha—hi sempliċement li tinsa l-kwistjoni, li tħalliha għaddejja. Taʼ spiss meta jkun hemm xi problema, bħal dik bejn Evodja u Sintiki, kulħadd iħoss li l-ieħor ikun fil-ħażin jew primarjament ħati. Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal din, int forsi taħseb li l-Kristjan l-ieħor jaħti primarjament jew għamel l-iktar ħsara. Minkejja dan, tistaʼ sempliċement tagħlaq għajnejk u taħfer? Trid tirrealizza li jekk il-Kristjan l-ieħor hu primarjament jew totalment ħati, u dan rari li jkun il-każ, int tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tħalli l-kwistjoni għaddejja bħala xi ħaġa maħfura u li spiċċat.
15, 16. (a) Mikea kif iddeskriva lil Jehovah? (b) X’ifisser li Alla “jaqbeż il-ħtija”?
15 Ejja nibqgħu nżommu lil Alla bħala l-eżempju tagħna f’dik li hi maħfra. (Efesin 4:32–5:1) Inkwantu għall-mudell Tiegħu f’li jħalli l-iżbalji jgħaddu, il-profeta Mikea kiteb: “Min hu Alla bħalek li jneħħi l-ħażen, u jaħfer id-dnub [“jaqbeż il-ħtija,” NW] lil fdal wirtu? Hu ma żammx il-korla tiegħu għal dejjem, għax lilu jogħġbu juri ħniena.”—Mikea 7:18.
16 Billi tiddeskrivi lil Jehovah bħala wieħed li “jaqbeż il-ħtija,” il-Bibbja m’hijiex tgħid li hu m’huwiex kapaċi jiftakar il-ħażin, jew li għandu xi xorta taʼ amnesija selettiva. Ikkunsidra l-każi taʼ Sansun u David, li t-tnejn li huma kkommettew żbalji serji. Alla kien kapaċi jiftakar dawk id-dnubiet ħafna wara; anki aħna nafu dwar xi ftit mid-dnubiet tagħhom għax Jehovah ġiegħel li jitniżżlu fil-Bibbja. Xorta waħda, Alla tagħna li jaħfer wera ħniena maʼ dawn it-tnejn, billi qegħedhom quddiemna bħala eżempji taʼ fidi biex nimitawhom.—Lhud 11:32; 12:1.
17. (a) Liema atteġġjament jistaʼ jgħinna biex nagħlqu għajnejna għall-iżbalji, jew l-offiżi, t’oħrajn? (b) Jekk nipprovaw nagħmlu dan, kif inkunu qed nimitaw lil Jehovah? (Ara n-nota taʼ taħt.)
17 Iva, Jehovah kien kapaċi ‘jaqbeż’a il-ħtijiet, saħansitra bħalma David talbu jagħmel ripetutament. (2 Samwel 12:13; 24:10) Nistgħu nimitaw lil Alla f’dan, billi nkunu lesti li nagħlqu għajnejna għan-nuqqasijiet u l-offiżi li l-qaddejja sħabna jikkommettu bħala bnedmin imperfetti? Immaġina li qiegħed fuq ġett li qed jinqataʼ mill-art b’ħeffa kbira. Kif tħares barra, tara ħdejn ir-runway persuna li tafek, tgħajbek bħalma jagħmlu t-tfal b’diżrispett. Taf li kienet irrabjata u forsi dik il-mossa kienet għalik. Jew forsi ma riditx tagħmilha lilek. Kien x’kien, hekk kif l-ajruplan jogħla ’l fuq, tara lil dik il-persuna taħtek, li issa tidher qisha tikka. F’siegħa int tkun mijiet taʼ mili ’l bogħod, u l-mossa offensiva tagħha ħallejtha ’l bogħod, warajk. Bl-istess mod, ħafna drabi se jgħinna naħfru jekk nipprovaw inkunu bħal Jehovah u b’mod għaqli nagħlqu għajnejna għall-offiża. (Proverbji 19:11) Ma jkunx jidher insinjifikanti n-nuqqas minn hawn u għaxar snin oħra jew mitejn sena wara li jibda l-Millennju? Mela għala ma tħallihx għaddej?
18. Jekk inħossuna li ma nistgħux ninsew xi offiża, liema parir nistgħu napplikaw?
18 Madankollu, f’xi każ rari, għandek mnejn tlabt dwar il-kwistjoni u pprovajt taħfer, imma ħassejtek li ma tistax. Imbagħad x’jiġri? Ġesù ħeġġeġ li wieħed imur għand il-parti l-oħra u jipprova jsolvi d-differenzi privatament biex tinkiseb il-paċi. “Mela jekk tkun qiegħed ittallaʼ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa maʼ ħuk, u mbagħad ejja tallaʼ l-offerta tiegħek.”—Mattew 5:23, 24.
19. Liema attitudni għandu jkollna u liema attitudni għandna nevitaw hekk kif infittxu l-paċi maʼ ħuna?
19 Huwa sinjifikanti li Ġesù ma qalx biex tmur għand ħuk biex tikkonvinċih li int kellek raġun u li hu kellu tort. Forsi dan huwa veru. Iżda x’aktarx li kien hemm xi ħtija min-naħa tat-tnejn. Kien x’kien il-każ, il-mira m’għandhiex tkun li ġġiegħel lill-parti l-oħra ċċedi, bħallikieku tridha tinżel għarkobbtejha quddiemek. Jekk dan hu l-mod kif tersaq biex tiddiskuti, żgur li se tfalli. Il-mira lanqas m’għandha neċessarjament tkun li tirrevedi kull dettall taʼ l-offiża vera jew immaġinarja. Meta diskussjoni kalma fl-ispirtu taʼ l-imħabba Kristjana tirrivela li fil-qalba tal-problema kien hemm nuqqas taʼ ftehim, it-tnejn tistgħu tipprovaw issolvu l-kwistjoni. Imma anki jekk id-diskussjoni ma twassalx għal ftehim totali, huwa dan dejjem neċessarju? Ma jkunx aħjar jekk intom għallinqas taqblu li t-tnejn li intom tridu sinċerament taqdu lil Alla tagħna li jaħfer? Meta tiffaċċjaw din ir-realtà, forsi jkun eħfef għalikom it-tnejn li tgħidu mill-qalb, “Jiddispjaċini li fl-imperfezzjoni tagħna kellna din id-differenza. Jekk jogħġbok, ejja ninsewha.”
20. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ l-appostli?
20 Ftakar li l-appostli kellhom id-differenzi tagħhom ukoll, bħal meta xi wħud minnhom irsistew biex ikollhom unur akbar. (Mark 10:35-39; Luqa 9:46; 22:24-26) Dan ikkaġuna tensjoni, forsi sentimenti mweġġaʼ, jew saħansitra offiżi gravi. Imma huma kienu kapaċi jagħlqu għajnejhom għal dawn id-differenzi u jibqgħu jaħdmu flimkien. Wieħed minnhom iktar tard kiteb: “Min irid iħobb ’il ħajtu u jara jiem hienja, ħa jħares ilsienu mill-ħażen u xufftejh mill-qerq; ħa jaħrab il-ħażen u jagħmel it-tajjeb, ifittex is-sliem u jqis li jiksbu.”—1 Pietru 3:10, 11.
21. Ġesù pprovda liema pariri profondi dwar il-maħfra?
21 Iktar kmieni nnotajna fażi waħda minn katina: Alla ħafrilna ħafna dnubiet li kkommettejna fil-passat, għalhekk għandna nimitawh u naħfru lil ħutna. (Salm 103:12; Isaija 43:25) Imma hemm fażi oħra maʼ din il-katina. Wara li tana t-talba mudell, Ġesù qal: “Jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll.” Iktar minn sena wara, hu rrepeta s-sugu taʼ dan, billi għallem lid-dixxipli biex jitolbu: “Aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina.” (Mattew 6:12, 14; Luqa 11:4) Imbagħad, ftit ġranet biss qabel ma miet, Ġesù żied: “Meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.”—Mark 11:25.
22, 23. Li nkunu lesti li naħfru kif jistaʼ jeffettwa l-futur tagħna?
22 Iva, il-prospetti tagħna biex nibqgħu nirċievu l-maħfra t’Alla jiddependu fil-parti l-kbira fuq kemm aħna lesti li naħfru lil ħutna. Meta tqum problema persunali maʼ xi Kristjan ieħor, staqsi lilek innifsek, ‘Li nikseb il-maħfra t’Alla m’huwiex bil-wisq iżjed importanti milli nuri li xi ħu jew oħt kienu żbaljati fuq xi nuqqas żgħir, xi offiża insinjifikanti, jew xi riflessjoni taʼ imperfezzjoni umana?’ It-tweġiba tafha.
23 Iżda, xi ngħidu meta l-kwistjoni tkun iżjed serja minn xi offiża persunali jew problema żgħira? U l-parir taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 18:15-18 meta japplika? Ejja issa nikkunsidraw dawn il-kwistjonijiet.
[Nota taʼ taħt]
a Wieħed studjuż jgħid li l-metafora Ebrajka wżata f’Mikea 7:18 hija “meħuda mill-kondotta taʼ vjaġġatur li jibqaʼ għaddej mingħajr ma jinnota xi oġġett li ma jixtieqx jagħtih l-attenzjoni tiegħu. L-idea taʼ dan m’hijiex li Alla ma jagħtix kas tad-dnub, jew li hu jqisu bħala xi ħaġa taʼ ftit li xejn importanza, imma li hu ma jinnotahx f’xi każi partikulari bil-ħsieb li jikkastigah; li hu ma jikkastigax, imma jaħfer.”—Mħallfin 3:26; 1 Samwel 16:8.
Tiftakar Int?
◻ Jehovah kif jagħtina mudell biex insegwuh dwar il-maħfra?
◻ X’irridu niftakru dwar dawk fil-kongregazzjoni?
◻ Fil-biċċa l-kbira tal-każi, x’għandna nkunu kapaċi nagħmlu dwar nuqqasijiet jew offiżi?
◻ Jekk ikun hemm bżonn, x’nistgħu nagħmlu biex inżommu l-paċi maʼ ħuna?
[Stampa f’paġna 15]
Meta jkollok xi differenza maʼ xi Kristjan ieħor, ipprova ħalliha għaddejja; maż-żmien il-kwistjoni bil-mod il-mod issir insinjifikanti