Għala Taħfer?
L-ISTUDJUŻ u kittieb Lhudi Joseph Jacobs darba ddeskriva l-maħfra bħala “l-ogħla u l-iktar diffiċli mil-lezzjonijiet morali kollha.” Tabilħaqq, ħafna jsibu l-kelma “Naħfirlek” diffiċli ferm biex jgħiduha.
Il-maħfra, milli jidher, tixbah ħafna lill-flus. Tistaʼ tintefaq liberament u b’mod taʼ ħniena fuq oħrajn jew wieħed jistaʼ jgezzizha bix-xeħħa kollha għalih innifsu. Taʼ l-ewwel huwa l-mod kif irid Alla. Għandna nikkultivaw drawwiet ġenerużi taʼ nfiq fejn tidħol il-maħfra. Għala? Għaliex Alla jinkuraġġih dan u għaliex spirtu li ma jaħfirx u vendikattiv jistaʼ biss jgħarraq l-affarijiet.
Taʼ spiss nisimgħu bil-kelmiet: “Jien ma nisbilx; inpattiha!” B’dispjaċir, din l-istqarrija hija prinċipju li jiggwida lil ħafna ħajjiet illum. Waħda mara, per eżempju, irrifjutat li tkellem lill-mara taʼ ħuha għal iktar minn sebaʼ snin għaliex, kif tgħid il-mara, “tant qalgħet ħama fuqi u qatt ma kont kapaċi naħfrilha.” Imma trattament sieket bħal dan, meta wżat bħala skuża biex tinkiseb apoloġija mingħand l-akkużat jew bħala arma li biha wieħed jikkastiga, rari jissodisfa x-xewqa għall-vendetta. Minflok, dan jistaʼ sempliċement itawwal il-kontroversja, billi jwassal biex tiżżviluppa qalb iebsa. Jekk dan iċ-ċiklu taʼ wġigħ ma jiġix interrott, il-qabda potenti tal-vendetta tistaʼ tirrovina r-relazzjonijiet u saħansitra s-saħħa taʼ dak li jkun.
Il-Ħsara Minn Spirtu Li Ma Jaħfirx
Meta persuna ma taħfirx, il-konflitt li jirriżulta joħloq l-istress. Imbagħad, l-istress jistaʼ jwassal għal mardiet serji. Dr. William S. Sadler kiteb: “Ħadd ma jistaʼ japprezza daqstant bis-sħiħ daqs tabib il-persentaġġ għoli b’mod li jgħaġġbek tal-mard u s-sofferenzi umani li għandhom x’jaqsmu direttament maʼ inkwiet, biżaʼ, konflitt, . . . ħsieb negattiv u mod taʼ ħajja mhux nadif.” Tassew, iżda, kemm jikkaġuna ħsara t-taqlib emozzjonali? Pubblikazzjoni medika waħda twieġeb: “L-istatistiċi . . . indikaw li żewġ terzi mill-pazjenti li marru għand it-tabib kellhom sintomi kkaġunati jew aggravati minn stress mentali.”
Iva, l-imrar, li wieħed jieħu fastidju, u d-dispett, ħadd ma jistaʼ jgħid li ma jagħmlux ħsara. Dawn l-emozzjonijiet distruttivi huma bħal sadid li bil-mod il-mod jherri l-body taʼ karozza. Il-karozza minn barra tistaʼ tidher sabiħa, imma taħt iż-żebgħa proċess distruttiv qiegħed iseħħ.
Saħansitra iktar importanti, l-irrifjutar tagħna li naħfru fejn hemm bażi għall-ħniena jistaʼ wkoll jagħmlilna ħsara spiritwali. F’għajnejn Alla Jehovah, nistgħu nsiru bħall-irsir fit-tixbieha taʼ Ġesù. L-irsir inħafirlu dejn enormi minn sidu. Madankollu, meta rsir sieħbu talbu bil-ħniena biex jaħfirlu d-dejn li komparattivament kien ċkejken, hu kien aħrax u ma riedx jaħfer. Ġesù għamilha ċara li jekk aħna bl-istess mod ma nkunux lesti li naħfru, Jehovah se jirrifjuta li jaħfrilna dnubietna. (Mattew 18:21-35) Jekk aħna ma naħfrux, għalhekk, nistgħu nitilfu l-kuxjenza nadifa tagħna quddiem Alla u saħansitra t-tama tagħna għall-futur! (Qabbel 2 Timotew 1:3.) Allura, x’nistgħu nagħmlu?
Tgħallem Aħfer
Il-maħfra vera toħroġ mill-qalb. Tinvolvi li taħfer l-iżball taʼ xi ħadd li offendiek u tneħħi kwalunkwe xewqa għal tpattija. B’hekk, il-ġustizzja finali u r-rikompens li jistaʼ jkun hemm jiġu mħollijin f’idejn Jehovah.—Rumani 12:19.
Irid jiġi nnotat, madankollu, li ladarba “l-qalb tinganna iktar minn kull ħaġa oħra u hija ddisprata,” mhux dejjem ixxaqleb lejn il-maħfra saħansitra meta għandha tagħmel hekk. (Ġeremija 17:9) Ġesù nnifsu qal: “Mill-qalb joħorġu raġunar mill-agħar, qtil, adulterji, żina, serqiet, xihdiet foloz, dagħa.”—Mattew 15:19.
Għall-grazzja t’Alla, qalbna tistaʼ tiġi mħarrġa biex tagħmel dak li huwa sewwa. Madankollu, it-taħriġ li neħtieġu jrid jiġi minn sors ogħla. Ma nistgħux nirnexxu waħedna. (Ġeremija 10:23) Salmista li kien imnebbaħ b’mod divin irrikonoxxieh dan u talab għad-direzzjoni t’Alla. Bil-ħeġġa talab lil Jehovah bil-ħrara: “Għallimni r-regolamenti tiegħek. Agħmilni nifhem il-mogħdija taʼ l-ordnijiet tiegħek stess.”—Salm 119:26, 27.
Skond salm ieħor, is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem beda ‘jifhem il-mogħdija’ taʼ Jehovah. Esperjenzaha direttament u tgħallem minnha. Għalhekk, kellu l-ħila jgħid: “Jehovah hu ħanin u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba. Bħalma missier juri ħniena maʼ wliedu, Jehovah wera ħniena lejn dawk li qegħdin jibżgħu minnu.”—Salm 103:8, 13.
Jeħtieġ li nitgħallmu bħalma għamel David. Nistudjaw bit-talb l-eżempju perfett t’Alla tal-maħfra, kif ukoll dak taʼ Ibnu. B’hekk, nistgħu nitgħallmu naħfru mill-qalb.
Madankollu, xi wħud jistgħu bir-raġun jistaqsu: Xi ngħidu dwar dnub serju? Id-dnubiet kollha jridu jiġu maħfurin?
Infittxu Bilanċ
Meta persuna tkun saritilha offiża gravi, l-uġigħ jistaʼ jkun immens. Dan huwa partikolarment veru jekk dak li jkun hu l-vittma innoċenti taʼ dnub serju. Xi wħud saħansitra jistgħu jitħassbu, ‘Kif nistaʼ naħfer lil xi ħadd li ttradieni u weġġgħani b’tant krudeltà?’ Fil-każ taʼ dnub oħxon li jistaʼ jimmerita qtugħ mis-sħubija, il-vittma jistaʼ jkollu bżonn japplika l-parir taʼ Mattew 18:15-17.
Fi kwalunkwe każ, ħafna jistaʼ jiddependi fuq min ikun għamel l-offiża. Minn mindu sar il-ħażen kien hemm xi sinjal taʼ ndiema sinċiera? Inbidel il-midneb, forsi saħansitra għamel attentat biex jagħmel tibdiliet veri? F’għajnejn Jehovah indiema bħal din hija l-qofol għall-maħfra saħansitra fil-każ taʼ dnubiet verament orrendi. Per eżempju, Jehovah ħafer lil Manasse, wieħed mill-iktar slaten mill-agħar fl-istorja taʼ Iżrael. Fuq liema bażi? Alla għamel hekk għaliex Manasse fl-aħħar mill-aħħar umilja lilu nnifsu u nidem mill-mogħdijiet vili tiegħu.—2 Kronaki 33:12, 13.
Fil-Bibbja l-indiema ġenwina tinvolvi bidla sinċiera fl-attitudni, dispjaċir mill-qalb minħabba xi ħażen li sar. Fejn ikun xieraq u possibbli, l-indiema hija akkumpanjata minn sforz biex isir radd lura lill-vittma tad-dnub. (Luqa 19:7-10; 2 Korintin 7:11) Fejn m’hemmx indiema bħal din, Jehovah ma jaħfirx.a Barra minn hekk, Alla ma jistenniex illi l-Kristjani jaħfru lil dawk li darba kienu mdawlin spiritwalment imma li issa minn jeddhom, mingħajr indiema jipprattikaw il-ħażen. (Ebrej 10:26-31) F’każi estremi, il-maħfra tistaʼ verament tkun mhix xierqa.—Salm 139:21, 22; Eżekjel 18:30-32.
Jekk il-maħfra hijiex possibbli jew le, vittma taʼ dnub serju jistaʼ jkun irid jiżen mistoqsija oħra: Irrid jien nibqaʼ f’taqlib emozzjonali kbir, billi nħossni mweġġaʼ u rrabjat b’mod intensiv, sakemm il-kwistjoni tiġi solvuta għalkollox? Ikkunsidra eżempju. Is-Sultan David ħassu mweġġaʼ b’mod intensiv meta l-ġeneral tiegħu, Ġoab, qatel lil Abner u lil Amasa, “żewġt irġiel iktar twajbin u aħjar milli kien [Ġoab].” (1 Slaten 2:32) David esprima r-rabja tiegħu bil-kliem u bla dubju lil Jehovah fit-talb. Maż-żmien, iżda, l-intensità kollha kemm hi tas-sentimenti taʼ David x’aktarx li battiet. Ma kienx iddominat mir-rabja sa l-aħħar taʼ ħajtu. David saħansitra kompla jaħdem maʼ Ġoab, imma mhux sempliċement ħafer lil dan il-qattiel li ma nidimx. David ra li fl-aħħar tintgħamel il-ġustizzja.—2 Samwel 3:28-39; 1 Slaten 2:5, 6.
Jistaʼ jirrikjedi ħin u xogħol qabel ma dawk imweġġgħin mid-dnubiet serji taʼ oħrajn tkun għaddietilhom ir-rabja inizzjali tagħhom. Il-proċess taʼ fejqan jistaʼ jkun ferm iktar faċli meta dak li offenda jagħraf il-ħażin tiegħu u jindem. Madankollu, vittma innoċenti taʼ dnub għandu jkun kapaċi jsib faraġ u konsolazzjoni fl-għarfien tiegħu tal-ġustizzja u l-għerf taʼ Jehovah u fil-kongregazzjoni Kristjana, tkun xi tkun il-korsa taʼ dak li għamel il-ħażin.
Irrikonoxxi, wkoll, li meta tassew taħfer lil xi midneb, dan ma jfissirx li qiegħed tħalli d-dnub għaddej. Għall-Kristjan, il-maħfra tfisser li bil-fiduċja kollha tħalli l-kwistjoni f’idejn Jehovah. Hu l-Imħallef taʼ tjieba taʼ l-univers kollu, u se jesegwixxi l-ġustizzja fiż-żmien xieraq. Dak se jinkludi li jiġġudika “liż-żienja u lill-adulteri” qarreqin.—Ebrej 13:4.
Il-Benefiċċji Tal-Maħfra
Is-salmista David għanna: “Għax int, O Jehovah, tajjeb u lest li taħfer; u l-qalb tajba bl-imħabba lejn dawk kollha li qegħdin jirrikorru għandek hija abbundanti.” (Salm 86:5) Int, “lest li taħfer,” bħal Jehovah? Il-benefiċċji huma ħafna.
L-ewwel, li taħfer lill-oħrajn jippromwovi relazzjonijiet tajbin. Il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani: “Siru qalbkom tajba maʼ xulxin, billi tagħdru b’tenerezza, billi taħfru lil xulxin liberament sewwa sew bħalma Alla wkoll bi Kristu ħafrilkom liberament.”—Efesin 4:32.
It-tieni, il-maħfra ġġib il-paċi. Din m’hijiex biss paċi maʼ sħabna l-bnedmin imma kif ukoll paċi ġewwinija.—Rumani 14:19; Kolossin 3:13-15.
It-tielet, li naħfru lill-oħrajn jgħinna niftakru li aħna nfusna neħtieġu l-maħfra. Iva, ‘kollha dnibna u ma nilħqux il-glorja t’Alla.’—Rumani 3:23.
Fl-aħħarnett, li naħfru lill-oħrajn jiftaħ it-triq biex id-dnubiet tagħna jiġu maħfurin minn Alla. Ġesù qal: “Jekk taħfru lill-bnedmin in-nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-sema se jaħfer lilkom ukoll.”—Mattew 6:14.
Immaġina l-ħafna affarijiet li bil-fors okkupaw lil moħħ Ġesù kmieni fil-għaxija tal-mewt tiegħu. Kien ikkonċernat dwar id-dixxipli tiegħu, ix-xogħol taʼ l-ippridkar, u speċjalment l-integrità tiegħu lejn Jehovah. Madankollu, saħansitra meta kien qiegħed isofri b’mod intensiv fuq iz-zokk tat-tortura, dwar liema ħaġa tkellem? Fost l-aħħar kelmiet tiegħu kien hemm, “Missier, aħfrilhom.” (Luqa 23:34) Aħna nistgħu nimitaw l-eżempju perfett taʼ Ġesù billi naħfru lil xulxin mill-qalb. (w94 9/15)
[Nota taʼ taħt]
a Madankollu, Jehovah tassew iqis fatturi oħrajn meta jiżen il-maħfra. Per eżempju, jekk wieħed li għamel il-ħażen ma jafx il-livelli t’Alla, injoranza bħal din tistaʼ tnaqqas it-tagħbija taʼ ħtija. Meta Ġesù talab lil Missieru biex jaħfer lill-esekuturi tiegħu, Ġesù b’mod evidenti kien qiegħed jitkellem dwar is-suldati Rumani li tawh il-mewt. Huma ‘ma kinux jafu x’kienu qegħdin jagħmlu,’ billi kienu fl-injoranza dwar min hu tassew kien. Madankollu, il-mexxejja reliġjużi li kienu wara dik l-esekuzzjoni kellhom ħtija bil-wisq akbar—u għal ħafna minnhom, l-ebda maħfra ma kienet possibbli.—Ġwann 11:45-53; qabbel Atti 17:30.
[Stampa fpaġna 5]
Ħadtu int il-punt tat-tixbieha taʼ Ġesù dwar l-irsir li ma ħafirx?
[Stampi f’paġna 7]
Li naħfru lill-oħrajn jippromwovi relazzjonijiet tajbin u jġib l-hena