LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w22 Ġunju pp. 2-7
  • Ġeħova—L-​Iktar Wieħed li Jaħfer

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova—L-​Iktar Wieħed li Jaħfer
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA LEST LI JAĦFER
  • IL-​MOD KIF JAĦFER ĠEĦOVA HU DIFFERENTI MILL-​MOD KIF JAĦFRU N-​NIES
  • ĠEĦOVA LIL MIN JAĦFER?
  • KUN FIDUĊJUŻ LI ĠEĦOVA SE JAĦFIRLEK
  • Jehovah, Alla li ‘Lest Biex Jaħfer’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Alla li hu ‘lest biex jaħfer’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Taħfer Int Bħalma Jaħfer Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Kun Ċert li Ġeħova Ħafirlek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
w22 Ġunju pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 24

Ġeħova—L-​Iktar Wieħed li Jaħfer

“Int, O Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer; u l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek hi abbundanti maʼ dawk kollha li jsejħulek.”—SALM 86:5.

GĦANJA 42 It-​talba tal-​qaddej t’Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEMa

1. X’għallimna s-​Sultan Salamun f’​Ekkleżjasti 7:20?

IS-​SULTAN Salamun kiteb: “M’hemm l-​ebda bniedem ġust fuq l-​art li dejjem jagħmel it-​tajjeb u ma jidnibx.” (Ekk. 7:20) Kemm hu veru dan il-​kliem! Aħna lkoll niżbaljaw. (1 Ġw. 1:8) Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna bżonn il-​maħfra mingħand Alla u mingħand oħrajn.

2. Kif tħossok meta ħabib tal-​qalb jaħfirlek?

2 Bla dubju int tiftakar meta xi darba weġġajt lill-​ħabib tal-​qalb. Int xtaqt terġaʼ tirranġa l-​ħbiberija tiegħek miegħu. Għalhekk, tlabtu biex jaħfirlek. Kif ħassejtek meta ħafirlek? Bdejt tħossok aħjar? Iva, u x’aktarx bdejt tħossok ferħan ukoll!

3. Matul dan l-​artiklu, x’se nikkunsidraw?

3 Aħna rridu li Ġeħova jkun il-​ħabib tal-​qalb tagħna, imma kultant nistgħu ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li biha nweġġgħuh. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jrid jaħfrilna? X’inhi d-​differenza bejn meta Ġeħova jaħfer lil xi ħadd u meta aħna naħfru lil xi ħadd? U Alla lil min jaħfer?

ĠEĦOVA LEST LI JAĦFER

4. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova lest li jaħfrilna?

4 Il-​Kelma t’Alla tassigurana li Ġeħova lest li jaħfrilna. Meta Ġeħova ddeskriva lilu nnifsu lil Mosè fuq il-​Muntanja Sinaj, hu bagħat anġlu biex jgħid: “Ġeħova, Ġeħova, Alla ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità, jerfaʼ l-​qalb tajba bl-​imħabba għal eluf, jaħfer l-​iżball u l-​ksur tal-​liġi u d-​dnub.” (Eżo. 34:6, 7) Ġeħova qalbu tajba u ħanin, u dejjem lest li jaħfer lil dawk li jiddispjaċihom għad-​dnub li għamlu.—Neħ. 9:17; Salm 86:15.

Il-​kliem “Hu jaf tajjeb kif aħna msawrin,” minn Salm 103:13, 14, jidher ħdejn oħt. Hi mdawra b’ritratti li juru l-​affarijiet li għaddiet minnhom f’ħajjitha.

Ġeħova jaf dak kollu li għaddejna minnu u kif jaffettwana (Ara paragrafu 5)

5. Skont Salm 103:13, 14, Ġeħova x’jagħmel minħabba li jafna sew?

5 Bħala l-​Ħallieq tagħna, Ġeħova jaf kollox dwarna. Aħseb ftit, Ġeħova jaf kull dettall dwar kull persuna li hawn fuq l-​art. (Salm 139:15-​17) Għalhekk, jistaʼ jara l-​imperfezzjonijiet kollha li writna mingħand il-​ġenituri tagħna. Barra minn hekk, hu jaf l-​esperjenzi li għaddejna minnhom u li ġegħluna nsiru l-​persuna li aħna llum. Ġeħova x’jagħmel minħabba li jafna sew? Hu juri ħniena magħna.—Salm 78:39; aqra Salm 103:13, 14.

6. Ġeħova kif wera li hu lest li jaħfrilna?

6 Ġeħova wera li hu lest li jaħfrilna. Hu jifhem li minħabba dak li għamel l-​ewwel raġel, Adam, aħna nitwieldu bid-​dnub u mmutu. (Rum. 5:12) M’hemm xejn li nistgħu nagħmlu biex neħilsu lilna nfusna jew lil oħrajn mid-​dnub u l-​mewt. (Salm 49:7-​9) Madanakollu, Alla kollu mħabba wera ħniena u għamel xi ħaġa għalina biex jeħlisna. X’għamel? Bħalma juri Ġwanni 3:16, Ġeħova bagħat l-​uniku Iben tiegħu biex imut għalina. (Mt. 20:28; Rum. 5:19) Ġesù miet biex jeħles lil dawk li juru fidi fih. (Ebr. 2:9) Min jaf kemm ħass uġigħ Ġeħova meta ra lil Ibnu l-​maħbub imut mewta taʼ tbatija u umiljanti! Żgur li kieku Ġeħova ma riedx jaħfrilna ma kienx se jħalli lil Ibnu jmut għalina.

7. Liema eżempji juru li Ġeħova jaħfer?

7 Fil-​Bibbja nsibu ħafna eżempji taʼ wħud li Ġeħova ħafrilhom. (Efes. 4:32) Min jiġik f’moħħok? Forsi taħseb dwar is-​Sultan Manasse. Dan ir-​raġel ħażin għamel dnubiet kbar kontra Ġeħova. Hu ta qima lill-​allat foloz u ġiegħel lil oħrajn biex jagħmlu bħalu. Qatel lit-​tfal tiegħu u offriehom bħala sagrifiċċju lill-​allat foloz. Manasse saħansitra wasal biex jagħmel xbieha t’alla falz fit-​tempju taʼ Ġeħova. Dwaru l-​Bibbja tgħid: “Għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, biex joffendih.” (2 Kron. 33:2-​7) Minkejja dan kollu, meta Manasse wera li verament iddispjaċieh għal dak li għamel, Ġeħova ħafirlu. Tant hu hekk, li reġaʼ ħallieh isir sultan. (2 Kron. 33:12, 13) Forsi taħseb ukoll dwar is-​Sultan David, li għamel dnubiet serji kontra Ġeħova, bħal adulterju u qtil. Meta David ammetta li żbalja u vera ddispjaċieh għal dak li kien għamel, Ġeħova ħafirlu wkoll. (2 Sam. 12:9, 10, 13, 14) Iva, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jixtieq jaħfrilna d-​dnubiet tagħna, u kif se naraw, il-​mod kif jaħfer Ġeħova hu differenti mill-​mod kif jaħfru n-​nies.

IL-​MOD KIF JAĦFER ĠEĦOVA HU DIFFERENTI MILL-​MOD KIF JAĦFRU N-​NIES

8. Ġeħova għala hu l-​aqwa Mħallef?

8 Ġeħova hu “l-​Imħallef taʼ l-​art kollha.” (Ġen. 18:25) Imħallef tajjeb ikun jaf sew il-​liġi. Bħala l-​Imħallef tagħna, Ġeħova jifhem kompletament il-​liġijiet għax hu l-​Wieħed li tahomlna. (Is. 33:22) Ħadd ma jaf x’inhu tajjeb u ħażin daqs kemm jaf Ġeħova. U x’għandu bżonn iktar imħallef tajjeb? Hu għandu bżonn ikun jaf il-​fatti kollha qabel jieħu deċiżjoni. Għalhekk, Ġeħova hu l-​aqwa Mħallef għax hu dejjem ikun jaf il-​fatti kollha.

9. Qabel jiddeċiedi li jaħfer, Ġeħova liema informazzjoni jkollu?

9 Għall-​kuntrarju tal-​imħallfin umani, Ġeħova dejjem ikun jaf il-​fatti kollha. (Ġen. 18:20, 21; Salm 90:8) Hu mhux bħall-​bniedem li jkollu joqgħod fuq dak li jismaʼ jew jara. Ġeħova jifhem sew kif persuna tiġi affettwata mill-​kwalitajiet li tiret mill-​ġenituri, mill-​edukazzjoni li tkun irċiviet, fejn tkun trabbiet, u anki mis-​saħħa mentali u emozzjonali tagħha. Ġeħova jara wkoll x’hemm fil-​qalb. Hu jifhem għalkollox għala persuna tagħmel xi ħaġa. Għalih xejn mhu moħbi. (Ebr. 4:13) Għalhekk, Ġeħova jaħfer għax ikun jaf il-​fatti kollha tas-​sitwazzjoni.

Il-​kliem “Il-​Blata, perfett għemilu,” minn Dewteronomju 32:4, jidher ħdejn muntanja.

Ġeħova hu ġust, ma jurix preferenzi, u ħadd ma jistaʼ jixtrih (Ara paragrafu 10)

10. Għala nistgħu ngħidu li Ġeħova dejjem jiġġudika b’mod ġust? (Dewteronomju 32:4)

10 Ġeħova dejjem jiġġudika b’mod ġust għax ma jurix preferenzi. Hu qatt ma jaħfer lil persuna għax tkun tidher sabiħa, sinjura, importanti, jew għax ikollha ħafna abbiltajiet. (1 Sam. 16:7; Ġak. 2:1-​4) Ħadd ma jistaʼ jġiegħel lil Ġeħova jagħmel xi ħaġa jew jixtrih bil-​flus. (2 Kron. 19:7) Id-​deċiżjonijiet tiegħu qatt ma jkunu affettwati mir-​rabja jew sentimenti oħrajn. (Eżo. 34:7) Bla dubju, Ġeħova hu l-​aqwa Mħallef għax hu jifhem kollox dwarna u dwar is-​sitwazzjoni tagħna.—Aqra Dewteronomju 32:4.

11. Il-​mod kif jaħfer Ġeħova għala hu differenti mill-​mod kif jaħfru n-​nies?

11 Il-​kittieba tal-​Iskrittura Ebrajka fehmu li l-​maħfra taʼ Ġeħova hi differenti mill-​mod kif jaħfru n-​nies. F’xi każijiet huma użaw kelma Ebrajka li referenza waħda tgħid hekk dwarha: “Din il-​kelma tintuża biss biex tispjega l-​mod kif Ġeħova jaħfer lil dawk li jkunu għamlu dnub. Din il-​kelma qatt ma tintuża għall-​mod kif in-​nies jaħfru lil xulxin.” Ġeħova biss għandu l-​qawwa biex jaħfer kompletament lil dawk li ddispjaċiehom għad-​dnub li għamlu. Imma, x’jiġri meta Ġeħova jaħfrilna?

12-13. (a) Meta Ġeħova jaħfrilna, xi ngawdu? (b) Meta Ġeħova jaħfrilna, kemm indumu ngawdu l-​barkiet li nirċievu?

12 Meta naċċettaw il-​maħfra taʼ Ġeħova aħna ngawdu “staġuni taʼ serħan,” fosthom paċi tal-​moħħ u kuxjenza nadifa. Aħna nistgħu ngawdu dawn is-​sentimenti biss jekk “Ġeħova nnifsu” jaħfrilna. (Atti 3:19) Meta Ġeħova jaħfrilna, hu jħallina nerġgħu nsiru l-​ħbieb tiegħu, u jkun bħallikieku qatt m’għamilna d-​dnub.

13 Wara li Ġeħova jaħfrilna, hu mhux se jerġaʼ jsemmi jew jikkastigana għad-​dnub li nkunu għamilna. (Is. 43:25; Ġer. 31:34) Ġeħova jbiegħed minnu d-​dnubiet tagħna “daqskemm tlugħ ix-​xemx huwa ’l bogħod minn inżulha.”b (Salm 103:12) Meta naħsbu dwar kemm Ġeħova jaħfer bil-​kbir, inħossu li lanqas għandna kliem biżżejjed biex nirringrazzjawh. (Salm 130:4) Imma min jistaʼ jgawdi din il-​maħfra mingħand Ġeħova?

ĠEĦOVA LIL MIN JAĦFER?

14. Ġeħova kif jiddeċiedi jekk jaħfirx lil xi ħadd?

14 Kif rajna, Ġeħova ma jiddeċidix jekk jaħfirx lil xi ħadd skont id-​dnub li jagħmel. Tgħallimna wkoll li Ġeħova juża dak li jaf bħala l-​Ħallieq, il-​Wieħed li jagħtina l-​liġijiet, u l-​Imħallef tagħna biex jiddeċiedi jekk jaħfirx lil xi ħadd. Imma Ġeħova dwar liema affarijiet jaħseb qabel jiddeċiedi jekk jaħfirx jew le?

15. Skont Luqa 12:47, 48, x’inhi waħda mill-​affarijiet li Ġeħova jikkunsidra?

15 Xi ħaġa li Ġeħova jikkunsidra hi jekk il-​persuna li tkun għamlet id-​dnub kinitx taf li qed tagħmel ħażin. Ġesù spjega dan b’mod ċar f’​Luqa 12:47, 48. (Aqra.) Meta persuna tippjana biex tagħmel xi ħaġa ħażina u tkun taf li Ġeħova jobgħodha, hi tagħmel dnub serju. F’dan il-​każ, Ġeħova jistaʼ jagħżel li ma jaħfrilhiex. (Mk. 3:29; Ġw. 9:41) Però, ikollna nammettu li xi kultant inkunu nafu li dak li għamilna hu ħażin. F’dan il-​każ, hemm ċans li Ġeħova jaħfrilna? Iva! Għax hemm xi ħaġa oħra li Ġeħova jaħseb dwarha qabel jiddeċiedi jekk jaħfrilniex jew le.

Il-​kliem “Hu jaħfer bil-​kbir,” minn Isaija 55:7, jidher ħdejn ħu. Fuq wara jidher imdejjaq u dipress. Fuq quddiem jidher ferħan u kuntent.

Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jaħfrilna meta vera jiddispjaċina (Ara paragrafi 16-17)

16. L-​indiema x’inhi, u għala hi importanti jekk irridu li Ġeħova jaħfrilna?

16 Xi ħaġa oħra li Ġeħova jikkunsidra hi jekk il-​persuna li tkun għamlet id-​dnub tkunx verament nidmet minn dak li għamlet. Xi jfisser eżatt li persuna tindem? Dan ifisser li hi tbiddel il-​mod kif taħseb, l-​attitudni tagħha, u tkun determinata li tagħmel dak li hu sewwa. Din tinkludi l-​idea li persuna tħossha ddispjaċuta u mdejqa għall-​affarijiet ħżiena li tkun għamlet jew għax ma għamlitx l-​affarijiet li kellha tagħmel. Persuna li nidmet tkun imdejqa minħabba li l-​ħbiberija tagħha ma’ Ġeħova tkun iddgħajfet, tant li waslet biex tagħmel affarijiet ħżiena. Ftakar li s-​Sultan Manasse u s-​Sultan David għamlu dnubiet serji, però Ġeħova ħafrilhom minħabba li huma verament nidmu minn dak li għamlu. (1 Slat. 14:8) Iva, Ġeħova jaħfrilna biss jekk jara li aħna ndimna, jiġifieri verament iddispjaċiena. Imma li jiddispjaċina mhux biżżejjed, irridu nkunu lesti li nagħmlu xi ħaġa.c U din hi xi ħaġa oħra li Ġeħova jikkunsidra.

17. X’bidla trid tagħmel persuna, u dan għala hu importanti? (Isaija 55:7)

17 Xi ħaġa oħra importanti li jikkunsidra Ġeħova hi l-​bidla li tagħmel persuna. Dan ifisser li l-​persuna ma tibqax tagħmel affarijiet ħżiena u tibda tgħix ħajjitha kif jixtieq Ġeħova. (Aqra Isaija 55:7.) Il-​persuna għandha tbiddel il-​mod kif taħseb biex tiġi ggwidata minn Ġeħova. (Rum. 12:2; Efes. 4:23) Hi għandha tkun determinata li ma tibqax taħseb u taġixxi b’mod ħażin. (Kol. 3:7-​10) Bla dubju, hija l-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu li tipprovdi r-​raġuni għala Ġeħova jaħfrilna u jnaddafna mid-​dnub. Grazzi għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, Ġeħova se jaħfrilna meta jara li qed nagħmlu sforz biex inbiddlu ħajjitna.—1 Ġw. 1:7.

KUN FIDUĊJUŻ LI ĠEĦOVA SE JAĦFIRLEK

18. X’tgħallimna dwar il-​maħfra taʼ Ġeħova?

18 Ejja nerġgħu naraw xi punti importanti li ddiskutejna. Ġeħova hu l-​iktar persuna li taħfer fl-​univers. Għala nistgħu ngħidu dan? L-​ewwel, hu dejjem lest li jaħfer. It-​tieni, Ġeħova jifhimna sew għax jaf kollox dwarna. Hu l-​aqwa persuna li jistaʼ jkun jaf jekk aħna hux vera ddispjaċiena għal dak li nkunu għamilna. U t-​tielet, meta Ġeħova jaħfrilna, jaħfrilna kompletament, u għalih ikun bħallikieku qatt m’għamilna dnub. Dan jgħinna biex ikollna kuxjenza nadifa u ngawdu ħbiberija miegħu.

19. Minkejja li aħna imperfetti u se nkomplu nagħmlu d-​dnubiet, għala nistgħu nkunu ferħanin?

19 Bla dubju, minħabba li aħna imperfetti se nkomplu nagħmlu d-​dnubiet. Però, nistgħu nħossuna inkuraġġiti bil-​kliem li nsibu fl-​Insight on the Scriptures, it-​Tieni Volum, paġna 771, li jgħid: “Ġeħova hu ħanin u jaf li l-​qaddejja tiegħu huma dgħajfin. Għalhekk, m’għandhomx għalfejn iħossuhom imdejqin il-​ħin kollu minħabba li huma imperfetti u jiżbaljaw. (Salm 103:8-​14; 130:3) Jekk huma qed jagħmlu l-​almu tagħhom biex jgħixu ħajjithom kif togħġob lil Alla, huma jistgħu jkunu ferħanin. (Flp. 4:4-​6; 1 Ġw. 3:19-​22).” Mhuwiex dan inkuraġġanti għalina?

20. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Aħna vera kuntenti li Ġeħova lest li jaħfrilna meta jiddispjaċina vera għad-​dnubiet li nkunu għamilna. Imma kif nistgħu nimitaw il-​maħfra taʼ Ġeħova? Il-​mod kif naħfru aħna kif inhu simili għall-​mod kif jaħfer Ġeħova? Imma b’liema modi hu differenti? U għala hu importanti li nifhmu d-​differenza? Fl-​artiklu li jmiss se nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

X’TGĦALLIMT DWAR IL-​MAĦFRA TAʼ ĠEĦOVA MINN . . .

  • Salm 103:13, 14?

  • Dewteronomju 32:4?

  • Isaija 55:7?

GĦANJA 45 Il-​meditazzjoni taʼ qalbi

a Fil-​Kelma tiegħu, Ġeħova jassigurana li hu lest li jaħfer lil dawk li jiddispjaċihom għad-​dnub li għamlu. Però, xi kultant forsi nħossuna li ma ħaqqniex il-​maħfra tiegħu. F’dan l-​artiklu se naraw għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova dejjem lest li jaħfrilna meta verament jiddispjaċina għad-​dnubiet li nagħmlu.

b Ara l-​ktieb Ersaq Qrib Lejn Ġeħova, kap. 26, para. 9.

c ESPRESSJONI SPJEGATA: L-​indiema tfisser li persuna vera jiddispjaċiha għal dak li tkun għamlet. Dan turih billi tbiddel il-​mod kif taħsibha, jiddispjaċiha għall-​mod taʼ ħajja li kienet qed tgħix, għall-​affarijiet ħżiena li tkun għamlet, jew minħabba l-​affarijiet li suppost kellha tagħmel. Persuna turi li verament nidmet b’dak li tagħmel.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja