ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 34
GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama
Kun Ċert li Ġeħova Ħafirlek
“Int ħfirt l-iżball u d-dnubiet tiegħi.”—SLM. 32:5.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se niddiskutu għala rridu nkunu ċerti li Ġeħova ħafrilna u versi mill-Bibbja li jikkonvinċuna li Ġeħova jaħfrilna meta nindmu.
1-2. Ġeħova x’jagħmel meta nindmu, u wara kif inħossuna? (Ara wkoll l-istampa.)
IR-RE DAVID għamel żbalji serji f’ħajtu, u minħabba f’hekk kien jaf x’jiġifieri li tħossok ħati għad-dnubiet li għamilt fil-passat. (Slm. 40:12; 51:3; superskrizzjoni) Minkejja dan, hu nidem b’mod sinċier, għamel il-bidliet f’ħajtu, u Ġeħova ħafirlu. (2 Sam. 12:13) Minħabba f’hekk, David ħassu ferħan meta fehem li Ġeħova kien ħafirlu.—Slm. 32:1.
2 Bħal David, anki aħna nistgħu nħossu l-ferħ li jiġi meta nifhmu li Ġeħova wera ħniena magħna u ħafrilna d-dnubiet tagħna. Kemm hu taʼ faraġ li nafu li Ġeħova lest li jaħfer id-dnubiet tagħna, anki dnubiet serji. Dan jekk nindmu b’mod sinċier, nitolbuh biex jaħfrilna, nitkellmu mal-anzjani, u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ma nerġgħux nagħmlu l-istess dnub. (Prov. 28:13; Atti 26:20; 1 Ġw. 1:9) U kemm iferraħna l-fatt li nafu li meta Ġeħova jaħfrilna, id-dnub li nkunu għamilna jkun qisu qatt ma sar għalih!—Eżek. 33:16.
Ir-Re David kiteb ħafna salmi li jiddeskrivu l-maħfra taʼ Ġeħova (Ara paragrafi 1-2)
3-4. Oħt kif ħassitha wara li tgħammdet, u x’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Ġieli xi wħud isibuha diffiċli jemmnu li Ġeħova vera ħafrilhom. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Jennifer, li trabbiet fil-verità. Bħala teenager bdiet tagħmel affarijiet ħżiena u tgħix ħajja doppja. Xi snin wara, hi biddlet ħajjitha, iddedikat ħajjitha lil Ġeħova, u tgħammdet. Hi tgħid: “Fil-ħajja li kelli qabel spiss kont nagħmel l-immoralità sesswali, nisker, nirrabja ħafna, u l-flus kienu l-iktar ħaġa importanti f’ħajti. Kont naf li bis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Ġeħova jistaʼ jaħfer id-dnubiet tagħna. Imma ma stajtx nikkonvinċi lil qalbi li Ġeħova kien ħafirli, avolja kont indimt u tlabtu biex jaħfirli.”
4 Ġieli ssibha diffiċli temmen li Ġeħova ħafirlek l-iżbalji li għamilt fil-passat? Jekk iva, tinsiex kif ħassu David dwar il-ħniena taʼ Ġeħova. Hu kien konvint li Ġeħova ħafirlu għax hu mimli ħniena. Ġeħova jridek tħossok l-istess. F’dan l-artiklu se niddiskutu għala rridu nkunu ċerti li Ġeħova ħafrilna d-dnubiet tagħna u x’se jgħinna nagħmlu dan.
GĦALA HU IMPORTANTI LI NEMMNU LI ĠEĦOVA ĦAFRILNA?
5. Satana xi jridna nemmnu? Agħti eżempju.
5 Meta vera nemmnu li Ġeħova jħobbna u ħafrilna, m’aħniex se nemmnu l-gidba taʼ Satana. Ftakar li Satana lest li jagħmel kollox biex iwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova. Biex jilħaq l-iskop tiegħu, Satana jistaʼ jġegħelna nemmnu li Ġeħova qatt ma jistaʼ jaħfrilna d-dnubiet tagħna. Ara xi ġralu r-raġel f’Korintu li għamel l-immoralità sesswali u tneħħa mill-kongregazzjoni. (1 Kor. 5:1, 5, 13) Meta hu iktar tard nidem, Satana ried li l-aħwa fil-kongregazzjoni ma jaħfrulux u ma jilqgħuhx lura fil-kongregazzjoni. Għala? Għax jekk il-kongregazzjoni ma taħfirlux, ir-raġel “tant [ikun] imdejjaq li jaqtaʼ qalbu” u minħabba f’hekk, jieqaf jaqdi lil Ġeħova. Satana ma nbidilx. Illum hu għadu juża l-istess tattiki. Imma “aħna nafuhom il-pjanijiet tiegħu.” Allura nafu kif niġġieldu kontrihom.—2 Kor. 2:5-11.
6. X’se jgħinna ma nibqgħux inħossuna ħatjin?
6 Meta vera nemmnu li Ġeħova ħafrilna, mhux ħa nibqgħu nħossuna ħatjin. Meta nagħmlu dnub, huwa normali li nħossuna mdejqin ħafna. (Slm. 51:17) Din hi xi ħaġa tajba, għax li nindunaw li għamilna xi ħaġa ħażina jistaʼ jgħinna biex nagħmlu l-bidliet u nirranġaw ħajjitna. (2 Kor. 7:10, 11) Però, jekk nibqgħu nħossuna ħatjin anki wara li nkunu ndimna, jaf naqtgħu qalbna u nieqfu naqdu lil Ġeħova. Li nemmnu li Ġeħova vera ħafrilna jistaʼ jgħinna nieqfu nħossuna mdejqin ħafna. Imbagħad se nkunu nistgħu nerġgħu naqdu lil Ġeħova kif jixtieq hu, b’kuxjenza nadifa u bil-ferħ. (Kol. 1:10, 11; 2 Tim. 1:3) Imma kif nistgħu nikkonvinċu lil qalbna li Ġeħova vera ħafrilna?
X’SE JGĦINNA NEMMNU LI ĠEĦOVA ĦAFRILNA?
7-8. Ġeħova kif iddeskriva lilu nnifsu lil Mosè, u minn xiex nistgħu nkunu konvinti? (Eżodu 34:6, 7)
7 Aħseb dwar kif Ġeħova ddeskriva lilu nnifsu. Pereżempju, innota x’qal lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj.a (Aqra Eżodu 34:6, 7.) Mill-kwalitajiet kollha li Ġeħova setaʼ semma, hu qal li hu ‘Alla ħanin u qalbu tajba.’ Allura, taħseb li meta xi ħadd li jħobb lil Ġeħova jagħmel dnub u jindem, Ġeħova mhux se jaħfirlu? Hu qatt mhu se jagħmel xi ħaġa krudili bħal din, għax inkella ma jkunx ħanin.
8 Aħna nistgħu nkunu konvinti li meta Ġeħova jgħid li hu ħanin ikun qed jgħid il-verità, għax hu qatt mhu se jigdeb. (Slm. 31:5) Allura nistgħu nemmnu dak li jgħid. Jekk qed issibha diffiċli temmen li Alla vera ħafirlek, staqsi lilek innifsek: ‘Nemmen li Ġeħova vera hu ħanin u qalbu tajba? Nemmen li Ġeħova jaħfer lil xi ħadd li vera jindem?’ Jekk iva, mela tistaʼ tkun konvint li hu anki lilek ħafer.
9. Salm 32:5 x’jgħallimna dwar il-mod kif Ġeħova jaħfer?
9 Immedita fuq dak li Ġeħova jgħallimna fil-Bibbja dwar il-maħfra tiegħu. Ikkunsidra x’kiteb David dwar il-maħfra taʼ Ġeħova. (Aqra Salm 32:5.) Hu qal: “Int ħfirt l-iżball u d-dnubiet tiegħi.” Bl-Ebrajk, il-kelma “ħfirt” f’dan il-vers tistaʼ tfisser ukoll “jerfaʼ,” jew “iġorr.” Meta ħafer lil David, Ġeħova kien qisu refaʼ d-dnubiet tiegħu u ġarrhom ’il bogħod. Imbagħad David straħ mill-ħtija li kien qed iġorr. (Slm. 32:2-4) Aħna nistgħu nħossu l-istess serħan. Meta vera nindmu mid-dnubiet li nkunu għamilna, m’għandniex għal xiex inkomplu nġorru t-toqol tal-ħtija li Ġeħova wiegħed li se jerfaʼ u jġorr ’il bogħod minna.
10-11. Il-frażi “lest li taħfer” x’tgħallimna dwar Ġeħova? (Salm 86:5)
10 Aqra Salm 86:5. David qal li Ġeħova ‘lest li jaħfer.’ Dan ifisser li meta nagħmlu żball, Ġeħova ma jaqbadx u jirrabja imma jixtieq jaħfrilna jekk nindmu. Ġeħova għala jagħmel hekk? It-tieni parti tal-vers tgħid: “Int turi ħafna mħabba u lealtà maʼ dawk kollha li jgħajtulek għall-għajnuna.” Bħalma tgħallimna fl-artiklu taʼ qabel dan, l-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova tant hi b’saħħitha li hu qatt ma jitlaq lill-qaddejja leali tiegħu. Allura, minħabba l-imħabba u l-lealtà tiegħu, hu “jaħfer mill-qalb” lil dawk kollha li jindmu minn dnubiethom. (Isa. 55:7, ntt.) Jekk qed issibha diffiċli temmen li Ġeħova ħafirlek l-iżbalji li għamilt fil-passat, staqsi lilek innifsek: ‘Jien nemmen li Ġeħova lest li jaħfer lil dawk kollha li jindmu u jitolbu għall-maħfra tiegħu? Jekk iva, nistaʼ nkun konvint li Ġeħova ħafirli meta tlabtu bil-ħniena.’
11 Il-Bibbja tinkuraġġina wkoll għax tgħidilna li Ġeħova jifhem kif aħna magħmulin u li aħna imperfetti. (Slm. 139:1, 2) Ejja naraw x’qal f’salm ieħor David u naraw kif dan jistaʼ jgħinna nemmnu li Ġeħova jrid jaħfrilna.
TOQGĦODX TIFTAKAR DAK LI JINSA ĠEĦOVA
12-13. Ġeħova x’jiftakar, u kif jittrattana? (Salm 103:14)
12 Aqra Salm 103:14. David jgħid li Ġeħova “jiftakar li aħna trab.” B’dan il-kliem, David spjega ċar waħda mir-raġunijiet għala Ġeħova hu lest li jaħfer lil dawk li jkunu nidmu. Ġeħova jaf li aħna imperfetti. Biex nifhmu aħjar, ejja naraw x’qal iktar David.
13 David qal li Ġeħova “jaf sew kif aħna magħmulin.” Hu ħalaq lil Adam “mit-trab tal-art,” u b’hekk jaf eżatt x’għandhom bżonn in-nies. Pereżempju, għandhom bżonn jieklu, jorqdu, u jieħdu n-nifs. Anki nies perfetti għandhom bżonn jagħmlu dawn l-affarijiet. (Ġen. 2:7) Imma meta Adam u Eva dinbu, il-frażi “li aħna trab” saret tfisser xi ħaġa iktar. Aħna trab għax aħna imperfetti u rridu niġġieldu biex ma niżbaljawx. Ġeħova mhux biss jaf li aħna imperfetti. David qal li hu “jiftakar li aħna trab.” Dan juri li peress li Ġeħova jaf li aħna imperfetti, hu dejjem se jittrattana b’qalb tajba. Fi ftit kliem, David kien qed jgħid: Ġeħova jifhem li xi drabi se niżbaljaw. Meta jiġri hekk, hu juri ħniena u maħfra magħna, jekk aħna nuru ndiema.—Slm. 78:38, 39.
14. (a) David x’qal iktar dwar kif jaħfer Ġeħova? (Salm 103:12) (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġeħova ħafer lil David? (Ara l-kaxxa “Kif Ġeħova Jaħfer u Jinsa.”)
14 X’nitgħallmu iktar minn Salm 103 dwar kemm jaħfer Ġeħova? (Aqra Salm 103:12.) David qal li meta Ġeħova jaħfer, hu jitfaʼ d-dnubiet tagħna ’l bogħod minna “daqs il-bogħod li hemm bejn tlugħ ix-xemx [il-Lvant] u nżulha [il-Punent].” Il-post minn fejn titlaʼ x-xemx u l-post minn fejn tinżel huma ’l bogħod ħafna minn xulxin u qatt ma jistgħu jiltaqgħu. Dan x’jgħallimna dwar il-mod kif jaħfer Ġeħova? Ktieb wieħed fuq dan il-vers qal: “Jekk Alla tefaʼ d-dnub tagħna daqshekk ’il bogħod, mela nistgħu nkunu ċerti li kull riħa, traċċa, u memorja tad-dnub telqet għalkollox.” Aħseb ftit: Ġieli riħa tistaʼ ġġibilna ħafna memorji. Imma meta Ġeħova jaħfrilna jkun bħallikieku lanqas traċċa tar-riħa ma tibqaʼ. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova qatt mhu se jerġaʼ jiftakar fid-dnub u minħabba f’hekk jiddeċiedi li jakkużana jew jikkastigana għalih.—Eżek. 18:21, 22; Atti 3:19.
15. X’nistgħu nagħmlu jekk xorta nħossuna ħatja tal-iżbalji li għamilna fil-passat?
15 Il-kliem taʼ David f’Salm 103 kif jistaʼ jgħinek jekk qed issibha diffiċli temmen li Ġeħova ħafirlek? Aħseb dwar kif iħossu Ġeħova. Hu jiftakar li int imperfett u jaħfer lil dawk kollha li jindmu mid-dnubiet tagħhom. Dan hu dak li għamilt int. Ftakar ukoll li Ġeħova ddeċieda li qatt iktar ma jerġaʼ jaħseb jew jiftakar dwar id-dnubiet li diġà ħafirlek. Allura, hu żgur li qatt mhu se jerġaʼ jakkużak jew jikkastigak minħabba fihom. Ġeħova ma jiffokax fuq id-dnubiet li għamilna fil-passat, u lanqas aħna m’għandna nagħmlu hekk. (Slm. 130:3) Li nemmnu li Ġeħova vera ħafrilna se jgħinna biex ma nħossuniex ħatja u nkomplu naqduh bil-ferħ.
16. Agħti eżempju li juri kemm hu perikoluż li tibqaʼ taħseb dwar dnubiet li Ġeħova ħafer. (Ara wkoll l-istampa.)
16 Aħseb dwar dan l-eżempju. Li tibqaʼ tħossok ħati għal xi dnubiet li għamilt fil-passat qisu qed issuq u l-ħin kollu tħares lejn il-mera tan-nofs biex tara x’qed jiġri warajk. Huwa tajjeb li kultant tħares għax dan jistaʼ jgħinek tevita xi periklu. Imma biex tasal fejn trid tasal trid tibqaʼ tħares ’il quddiem. Bl-istess mod, jistaʼ jkun tajjeb li kultant tiftakar fl-iżbalji li tkun għamilt fil-passat għax dan jistaʼ jgħinek ma terġax tagħmilhom. Imma jekk tibqaʼ ffokat fuq dnub li Ġeħova ħafer, se titlef il-ferħ u ma tkunx tistaʼ tibqaʼ taqdih bl-aħjar mod. Minflok, ibqaʼ ffokat fuq it-triq li hemm quddiemek, it-triq li se twassal lejn id-dinja l-ġdida li Alla wegħedna, fejn “in-nies mhux se jiftakru l-affarijiet taʼ qabel.” Kull memorja kerha se tkun tħassret.—Isa. 65:17; Prov. 4:25.
Bħalma xi ħadd li qed isuq irid jiffoka iktar fuq x’hemm quddiemu milli x’hemm warajh, aħna rridu niffokaw l-iktar fuq il-barkiet li ġejjin fil-futur milli fl-iżbalji tal-passat (Ara paragrafu 16)
KOMPLI KKONVINĊI LILEK INNIFSEK
17. Għala rridu nibqgħu nikkonvinċu lilna nfusna li Ġeħova jħobbna u dejjem lest li jaħfrilna?
17 Aħna rridu nibqgħu nikkonvinċu lilna nfusna li Alla jħobbna u dejjem lest li jaħfrilna. (1 Ġw. 3:19) Għala? Għax Satana se jibqaʼ jipprova jikkonvinċina li Ġeħova ma jħobbniex u li mhux se jaħfrilna d-dnubiet li nagħmlu. Il-mira taʼ Satana hi li jipprova jwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova. Peress li jaf li ftit żmien baqagħlu, Satana se jibqaʼ jagħmel kull sforz biex jirnexxilu. (Riv. 12:12) Imma ejja qatt ma nħalluh jirbaħ!
18. Kif tistaʼ tikkonvinċi lilek innifsek li Ġeħova jħobbok u dejjem lest li jaħfirlek?
18 Biex tkompli tikkonvinċi lilek innifsek li Ġeħova jħobbok, applika s-suġġerimenti li ddiskutejna fl-artiklu taʼ qabel dan. Kif tgħallimt f’dan l-artiklu, kompli kkonvinċi lilek innifsek li Ġeħova ħafirlek. Biex tagħmel dan aħseb fuq kif Ġeħova ddeskriva lilu nnifsu. Ħu l-ħin ħalli timmedita dwar x’qalu kittieba tal-Bibbja dwar il-mod kif Ġeħova jaħfer. Tinsiex li hu jaf li int tiżbalja għax imperfett u li dejjem lest li jurik ħniena. Ukoll, qatt tinsa li meta Ġeħova jgħidlek li ħafirlek, hu qatt mhu se jiftakar l-iżbalji tiegħek. Imbagħad, int se tħossok ferħan bħalma ħassu David għax se tkun konvint mill-ħniena taʼ Ġeħova, u se tkun tistaʼ tgħid, “Grazzi, Ġeħova, talli ‘ħfirt l-iżball u d-dnubiet tiegħi’!”—Slm. 32:5.
GĦANJA 1 L-attributi taʼ Ġeħova
a Ara l-artiklu “Ġeħova—L-Iktar Wieħed li Jaħfer” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Ġunju 2022, para. 4-7.