‘Komplu Aħfru lil Xulxin Liberament’
“Stabru b’xulxin, . . . aħfru lil xulxin [“liberament,” “NW”].”—KOLOSSIN 3:13.
1. (a) Pietru għala għandu mnejn ħaseb li kien qiegħed ikun ġeneruż meta ssuġġerixxa li naħfru lil oħrajn “sa sebaʼ darbiet”? (b) Ġesù x’ried ifisser meta qal li għandna naħfru “sa sebgħa u sebgħin darba”?
“MULEJ, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?” (Mattew 18:21) Pietru għandu mnejn ħaseb li kien qiegħed ikun ġeneruż ferm bis-suġġeriment tiegħu. F’dak iż-żmien, it-tradizzjoni rabbinika kienet tgħid li wieħed ma kellux jaħfer iktar minn tliet darbiet għall-istess offiża.a Mela, immaġina Pietru kif baqaʼ, meta Ġesù wieġbu: “Ma ngħidlikx sa seba[’] darbiet, . . . imma sa sebgħa u sebgħin darba”! (Mattew 18:22) Ir-ripetizzjoni tan-numru sebgħa kienet ekwivalenti għal li wieħed jgħid “bla limitu.” Skond Ġesù, tistaʼ tgħid li m’hemm ebda limitu għal kemm-il darba Kristjan għandu jaħfer lil oħrajn.
2, 3. (a) Liema huma xi sitwazzjonijiet li fihom għandu mnejn jidher diffiċli li naħfru lil oħrajn? (b) Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li jkun għall-ġid tagħna li naħfru lil oħrajn?
2 Madankollu, m’huwiex dejjem faċli li tapplika dak il-parir. Min minna ma qomosx meta ġie mweġġaʼ inġustament? Forsi xi ħadd li kont tafda kixef xi ħaġa li fdajtlu. (Proverbji 11:13) Għandu mnejn li r-rimarki bla ħsieb taʼ xi ħabib tal-qalb ‘nifduk bħal sejf.’ (Proverbji 12:18) Trattament abbużiv minn xi ħadd li kont tħobb jew li tant kont tafda għandu mnejn weġġgħak profondament. Meta jiġru dawn l-affarijiet, ir-reazzjoni naturali tagħna għandha mnejn tkun li nħossuna rrabjati. Forsi nkunu inklinati li, lil dak li offendiena ma nkellmuhx iktar, u jekk ikun possibbli nevitawh għalkollox. Jekk naħfrulu, għandu mnejn jidher li se nħalluh jgħaddiha lixxa talli weġġagħna. Madankollu, billi nżommu f’qalbna, se nispiċċaw inweġġgħu lilna nfusna.
3 Ġesù għalhekk jgħallimna naħfru—“sa sebgħa u sebgħin darba.” Żgur li t-tagħlim tiegħu qatt ma kien se jiswielna taʼ ħsara. Kulma għallem oriġina mingħand Jehovah, Dak ‘li jgħallimna għall-ġid tagħna.’ (Isaija 48:17; Ġwann 7:16, 17) Loġikament, li naħfru lil oħrajn, bilfors li se jkun għall-ġid tagħna. Qabel ma niddiskutu għala għandna naħfru u kif nistgħu nagħmlu dan, ikun tajjeb li l-ewwel niċċaraw x’inhi l-maħfra u x’m’hijiex. Il-kunċett tagħna dwar il-maħfra jistaʼ jkollu xi effett fuq l-abbiltà tagħna li naħfru meta oħrajn joffenduna.
4. Li naħfru lil oħrajn x’ma jfissirx, imma l-maħfra kif inhi definita?
4 Li naħfru lil oħrajn għal xi offiżi persunali ma jfissirx li nċekknu jew nagħlqu għajnejna għal dak li jkunu għamlu; lanqas ma jfisser li nħallu lil oħrajn japprofittaw ruħhom minna inġustament. Wara kollox, meta Jehovah jaħfrilna, hu ċertament li ma jkunx qed iċekken id-dnubiet tagħna, u qatt ma se jħalli lill-bnedmin midinbin ikasbru l-ħniena tiegħu. (Lhud 10:29) Skond l-Insight on the Scriptures, il-maħfra hija definita bħala “l-att taʼ li wieħed jiskuża lil min offendieh; billi ma jibqax iżomm f’qalbu għalih minħabba l-offiża li jkun għamillu u jċedi kull dritt li jitlob kumpens.” (L-Ewwel Volum, paġna 861)b Il-Bibbja tipprovdilna raġunijiet sodi biex naħfru lil oħrajn.
Għala Naħfru Lil Oħrajn?
5. Liema raġuni importanti biex naħfru lil oħrajn hija indikata f’Efesin 5:1?
5 Raġuni importanti biex naħfru lil oħrajn hija indikata f’Efesin 5:1: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.” F’liema sens għandna ‘nixbhu lil Alla’? Il-kelma ‘mela’ torbot l-espressjoni mal-vers taʼ qabel, li jgħid: “Kunu twajba maʼ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin [“liberament,” “NW”], bħalma Alla ħafer lilkom [“liberament,” “NW”] fi Kristu.” (Korsiv tagħna.) (Efesin 4:32) Iva, meta niġu biex naħfru, għandna nsiru imitaturi t’Alla. Bħalma tifel żgħir jipprova jkun preċiż bħal missieru, aħna, bħala wlied li Jehovah tant iħobb, għandna nkunu rridu nsiru bħal Missierna tas-sema li dejjem jaħfer. Min jaf kemm titgħaxxaq qalb Jehovah meta jittawwal ’l isfel mis-smewwiet u jara lil uliedu fuq l-art qegħdin jipprovaw jixbhuh billi jaħfru lil xulxin!—Luqa 6:35, 36; qabbel Mattew 5:44-48.
6. B’liema mod hemm differenza enormi bejn il-maħfra taʼ Jehovah u dik tagħna?
6 Veru, aħna qatt ma nistgħu naħfru f’sens perfett bħalma jaħfer Jehovah. Imma din hija raġuni iktar soda għala għandna naħfru lil xulxin. Ikkunsidra dan: Hemm differenza enormi bejn il-maħfra taʼ Jehovah u dik tagħna. (Isaija 55:7-9) Meta naħfru lil dawk li jkunu dinbu kontrina, taʼ spiss dan nagħmluh għax nafu li llum jew għada se jkollna bżonn li huma jagħmlu l-istess magħna u jaħfrulna. Fil-każ tagħna l-bnedmin, hija dejjem kwistjoni taʼ li midinbin jaħfru lil midinbin. Fil-każ taʼ Jehovah, madankollu, il-maħfra tiġi dejjem min-naħa waħda. Hu jaħfrilna, imma aħna qatt ma se jkollna għalfejn naħfrulu. Jekk Jehovah, li ma jidnibx, jistaʼ jaħfrilna b’tant imħabba u kompletament, m’għandniex aħna bnedmin midinbin nipprovaw naħfru lil xulxin?—Mattew 6:12.
7. Jekk nirrifjutaw li naħfru lil oħrajn meta hemm bażi biex nuru ħniena, kif jistaʼ dan jeffettwa ħażin ir-relazzjoni tagħna stess maʼ Jehovah?
7 Saħansitra iktar importanti, jekk nirrifjutaw li naħfru lil oħrajn meta hemm bażi biex nuru ħniena, dan jistaʼ jeffettwa ħażin ir-relazzjoni tagħna stess m’Alla. Jehovah m’huwiex sempliċement jitlobna biex naħfru lil xulxin; hu jistenna minna li nagħmlu hekk. Skond l-Iskrittura, parti mill-motivazzjoni tagħna biex naħfru lil oħrajn hija sabiex Jehovah jkun jistaʼ jaħfer lilna jew minħabba li hu jkun diġà ħafrilna. (Mattew 6:14; Mark 11:25; Efesin 4:32; 1 Ġwann 4:11) Jekk, imbagħad, ma nkunux lesti li naħfru lil oħrajn meta hemm raġuni soda li nagħmlu dan, nistgħu aħna verament nistennew maħfra bħal din mingħand Jehovah?—Mattew 18:21-35.
8. Li nkunu lesti li naħfru għala se jirriżulta li jkun fl-aħjar interess tagħna?
8 Jehovah jgħallem lin-nies tiegħu “t-triq it-tajba li għandhom jimxu fiha.” (1 Slaten 8:36) Meta jgħallimna biex naħfru lil xulxin, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu jixtiqilna l-ġid. Bir-raġun li l-Bibbja tgħidilna biex ‘inħallu l-korla t’Alla tagħmel hi.’ (Rumani 12:19) Li nżommu f’qalbna jkun piż kbir biex inġorruh fil-ħajja. Meta niġimgħu ġo fina, dan jikkonsmalna l-ħsibijiet tagħna, jisirqilna l-paċi, u joħnoq il-ferħ tagħna. Meta nibqgħu rrabjati, dan, jistaʼ jkun taʼ detriment għas-saħħa fiżika tagħna l-istess bħalma tkun l-għira. (Proverbji 14:30) U dak li jkun offendiena għandu mnejn ma jkunx intebaħ bl-inkwiet li nkunu għaddejjin minnu! Il-Ħallieq tagħna kollu mħabba jaf li għandna bżonn naħfru mill-qalb lil oħrajn mhux biss għall-ġid tagħhom imma anki għall-ġid tagħna stess. Il-parir Bibliku biex naħfru huwa, tabilħaqq, ‘it-triq it-tajba li għandna nimxu fiha.’
“Stabru B’Xulxin”
9, 10. (a) Liema tipi taʼ sitwazzjonijiet mhux neċessarjament jirrikjedu maħfra formali? (b) X’inhu ssuġġerit bl-espressjoni “stabru b’xulxin”?
9 Feriti fiżiċi jistgħu jvarjaw minn xi grif żgħir sa ġrieħi fondi, u mhux kollha jkollhom bżonn l-istess ammont t’attenzjoni. L-istess japplika fejn jidħlu sentimenti mweġġgħin—xi feriti huma iktar fondi minn oħrajn. Hemm verament għalfejn nagħmlu qorti għal kull offiża żgħira li jkollna fir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn? Irritazzjonijiet, nuqqas taʼ qbil, u differenzi żgħar huma parti mill-ħajja u mhux neċessarjament jirrikjedu maħfra formali. Jekk aħna magħrufin bħala nies li nevitaw lil oħrajn għal kull ħaġa taʼ xejn u li mbagħad ninsistu li jagħmlu apoloġija qabel ma nerġgħu nittrattawhom b’mod ċivili, għandna mnejn inġagħluhom joqogħdu b’sebaʼ għajnejn magħna—jew iżommu pass lura!
10 Minflok, huwa ferm aħjar li “jkollok reputazzjoni bħala li int raġonevoli.” (Filippin 4:5, Phillips) Bħala ħlejjaq imperfetti li qed naqdu spalla maʼ spalla, nistgħu b’mod raġonevoli nistennew li minn żmien għal żmien ħutna forsi jirfsulna l-kallu, biex ngħidu hekk, u għandu mnejn li aħna nagħmlu l-istess. Kolossin 3:13 jagħtina l-parir: “Stabru b’xulxin.” Dik l-espressjoni tissuġġerixxi li nkunu paċenzjużi m’oħrajn, nittolleraw l-affarijiet li ma jogħġbuniex fihom, jew xi tendenzi li jistgħu jirritawna. Paċenzja u sabar bħal dawn jistgħu jgħinuna nkampaw mad-daqsxejn taʼ grif u brix li nġarrbu meta jkollna x’naqsmu m’oħrajn—mingħajr ma nħarbtu l-paċi tal-kongregazzjoni.—1 Korintin 16:14.
Meta L-Ġrieħi Jkunu Iktar Fondi
11. Meta oħrajn jidinbu kontrina, x’jistaʼ jgħinna naħfrulhom?
11 Madankollu, xi ngħidu jekk oħrajn jidinbu kontrina, u jikkaġunawlna ferita mhux ħażin? Jekk id-dnub m’huwiex daqshekk serju, jistaʼ ma jkunx diffiċli ħafna li napplikaw il-parir tal-Bibbja biex ‘naħfru lil xulxin [“liberament,” NW].’ (Efesin 4:32) Li nkunu lesti li naħfru b’dan il-mod huwa f’armonija mal-kliem imnebbaħ taʼ Pietru: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xu[lx]in, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pietru 4:8) Li nżommu f’moħħna li aħna wkoll midinbin se jgħinna biex ma nagħmluhiex bi kbira meta oħrajn jonqsuna. Meta naħfru b’dan il-mod, inkunu qegħdin neħilsu mir-risentiment minflok ma nħalluh jitrabba ġo fina. Bħala riżultat, ir-relazzjoni tagħna maʼ dak li offendiena għandha mnejn ma ġġarrabx ħsara dejjiema, u aħna nkunu wkoll qegħdin ngħinu biex nippreservaw il-paċi prezzjuża tal-kongregazzjoni. (Rumani 14:19) Maż-żmien, jistaʼ jkun li ma tibqax tiftakar dak li jkun għamel.
12. (a) Liema inizjattiva jistaʼ jkollna bżonn nieħdu sabiex naħfru lil xi ħadd li weġġagħna profondament? (b) Il-kliem f’Efesin 4:26 kif jindika li għandna nissetiljaw il-kwistjonijiet malajr?
12 Xi ngħidu, iżda, jekk xi ħadd jidneb kontrina b’mod iktar serju, billi jweġġagħna profondament? Per eżempju, ħabib li tant kont tafdah forsi kixef xi kwistjonijiet estremament persunali li kont fdajt miegħu. Int tħossok imweġġaʼ profondament, imbarazzat, u tradut. Ipprovajt kieku ma taħsibx dwar dan, imma kollu għalxejn. F’dan il-każ, forsi jkollok bżonn tieħu l-inizjattiva biex tissetilja l-problema, forsi billi tkellem lil dak li offendiek. Ikun għaqli li tagħmel dan qabel ma l-kwistjoni tidħol ’il ġewwa. Pawlu ħeġġiġna: “Tinkurlaw? Imma tidinbux [jiġifieri, billi nżommu ġo fina jew naġixxu fuq ir-rabja tagħna]; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom.” (Efesin 4:26) Il-fatt li fost il-Lhud inżul ix-xemx kien jimmarka t-tmiem taʼ jum wieħed u l-bidu taʼ jum ġdid, jagħmel il-kliem taʼ Pawlu iktar effettiv. Għaldaqstant, il-parir huwa: Issetilja l-kwistjoni malajr!—Mattew 5:23, 24.
13. X’għandu jkun l-objettiv tagħna meta navviċinaw lil xi ħadd li offendiena, u liema suġġerimenti jistgħu jgħinuna biex nilħquh?
13 Kif għandek tavviċina lil dak li offendiek? ‘Fittex is-sliem u qis li tiksbu,’ jgħid l-1 Pietru 3:11. L-objettiv tiegħek, allura, m’għandux ikun li tesprimi r-rabja imma li tagħmel paċi maʼ ħuk. Għal dan l-għan, aħjar tevita xi kliem u ġesti ħorox; dawn jistgħu jqanqlu l-istess reazzjoni fil-persuna l-oħra. (Proverbji 15:18; 29:11) Iżjed minn hekk, evita stqarrijiet esaġerati bħal, “Int dejjem . . . !” jew, “Int qatt ma . . . !” Kummenti esaġerati bħal dawn jistgħu biss iġagħluh jiddefendi ruħu. Minflok, ħalli t-ton tal-vuċi tiegħek u l-espressjoni fuq wiċċek juruh li int trid issolvi kwistjoni li weġġgħatek profondament. Kun speċifiku f’li tispjega kif tħossok dwar dak li jkun ġara. Agħti lill-individwu l-ieħor ċans jispjega l-azzjonijiet tiegħu. Agħti widen għal dak li għandu x’jgħid. (Ġakbu 1:19) X’ġid se joħroġ minn dan? Proverbji 19:11 jispjega: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab, hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-offiża.” Li nifhmu s-sentimenti taʼ l-individwu l-ieħor u r-raġunijiet għall-azzjonijiet tiegħu jistaʼ jkeċċi l-ħsibijiet u s-sentimenti negattivi dwaru. Meta nittrattaw is-sitwazzjoni bil-mira li nagħmlu paċi u nżommu dik l-attitudni, x’aktarx iva milli le, ikun jistaʼ jiġi ċċarat kwalunkwe nuqqas taʼ qbil li jistaʼ jkun hemm, isiru l-apoloġiji li jkun hemm bżonn, u tiġi estiża l-maħfra.
14. Meta naħfru lil oħrajn, f’liema sens għandna ninsew?
14 Li naħfru lil oħrajn ifisser li rridu attwalment ninsew dak li ġara? Ftakar fl-eżempju taʼ Jehovah nnifsu f’dan ir-rigward, bħalma ġie diskuss fl-artiklu taʼ qabel. Meta l-Bibbja tgħid li Jehovah jinsa d-dnubiet tagħna, dan ma jfissirx li ma jistax jiftakarhom. (Isaija 43:25) Minflok, hu jinsa fis-sens li ladarba jaħfer, ma jżommx dawk id-dnubiet fil-komma għal xi żmien fil-futur. (Eżekjel 33:14-16) B’mod simili, li naħfru lill-bnedmin sħabna ma jfissirx neċessarjament li m’aħniex se niftakru iżjed dak li jkunu għamlu. Madankollu, nistgħu ninsew fis-sens li ma nżommux f’qalbna għal dak li offendiena jew li fil-futur nerġgħu nsemmu dak li kien għamlilna. Ladarba nkunu ssetiljajna l-kwistjoni ma jkunx sewwa li noqogħdu nqassu dwarha; lanqas ma nkunu qed nuru mħabba jekk nevitaw kompletament lil dak li offendiena, billi nittrattawh bħallikieku ġie maqtugħ mis-sħubija. (Proverbji 17:9) Huwa minnu li r-relazzjoni tagħna miegħu għandha mnejn tieħu xi ftit taż-żmien biex tfiq; forsi ma jkollniex l-istess intimità li kellna qabel. Imma xorta nkunu għadna nħobbuh bħala ħuna Kristjan u nagħmlu ħilitna kollha biex inżommu relazzjonijiet paċifiċi.—Qabbel Luqa 17:3.
Meta Jkun Jidher Impossibbli Li Taħfer
15, 16. (a) Huma l-Kristjani fi dmir li jaħfru lil xi ħadd li jidneb u ma jindimx? (b) Kif nistgħu napplikaw il-parir tal-Bibbja misjub f’Salm 37:8?
15 Xi ngħidu, iżda, jekk oħrajn jidinbu kontrina u jferuna bl-agħar mod possibbli, u madankollu ma jkun hemm ebda ammissjoni tad-dnub, ebda ndiema, u ebda apoloġija min-naħa taʼ dak li jkun għamel l-offiża? (Proverbji 28:13) L-Iskrittura tindika ċar u tond li Jehovah ma jaħfirx lill-midinbin li ma jindmux, u li jwebbsu rashom. (Lhud 6:4-6; 10:26, 27) Xi ngħidu għalina? L-Insight on the Scriptures jgħid: “Il-Kristjani m’humiex fi dmir li jaħfru lil dawk li jipprattikaw apposta dnub malizzjuż bla ebda ndiema. Uħud bħal dawn isiru l-għedewwa t’Alla.” (l-Ewwel Volum, paġna 862) Ebda Kristjan li safaʼ vittma taʼ trattament estremament inġust, moqżież, jew kiefer m’għandu jħossu fi dmir li jaħfer, jew jiskuża lil xi midneb li ma jkunx niedem.—Salm 139:21, 22.
16 Wieħed jistaʼ jifhem li dawk li kienu vittmi taʼ trattament ħażin u krudil għandhom mnejn iħossuhom imweġġgħin u rrabjati. Madankollu, ftakar li jekk inżommu r-rabja u r-risentiment ġo fina se jagħmlilna ħsara kbira. Li nistennew xi ammissjoni jew apoloġija li qatt ma se tiġi, għandu mnejn iġagħalna ninkwetaw iktar. Li nkunu ossessjonati bl-inġustizzja jistaʼ jżomm ir-rabja tbaqbaq ġo fina, b’effetti devastanti fuq is-saħħa spiritwali, emozzjonali u fiżika tagħna. Fil-fatt, inkunu qegħdin inħallu lil dak li weġġagħna jkompli jweġġagħna. Bil-għerf kollu, il-Bibbja tagħtina l-parir: “Ħallik mill-korla u la tirrabjax.” (Salm 37:8) Xi Kristjani, għalhekk, sabu li maż-żmien irnexxielhom jagħmlu deċiżjoni biex jaħfru fis-sens li waqfu milli jżommu f’qalbhom—mhux li jiskużaw dak li ġralhom, imma li jirrifjutaw li jħallu r-rabja tikkonsmahom. Billi ħallew il-kwistjoni kompletament f’idejn dak Alla taʼ ġustizzja, huma ġarrbu ħafna serħan u kienu kapaċi jibqgħu għaddejjin qisu qatt ma ġara xejn.—Salm 37:28.
17. Liema assiguranza konfortanti tipprovdi l-wegħda taʼ Jehovah misjuba f’Apokalissi 21:4?
17 Meta ferita tkun fonda ħafna, jistaʼ ma jirnexxilniex inneħħuha kompletament minn moħħna, għall-inqas mhux f’din is-sistema t’affarijiet. Imma Jehovah jwiegħed dinja ġdida li fiha “hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:4) Ikun x’ikun dak li niftakru f’dak iż-żmien mhux se jikkaġunalna xi sofferenza kbira, jew uġigħ, li bħalissa għandhom mnejn qegħdin itaqqlulna qalbna.—Isaija 65:17, 18.
18. (a) Għala hemm bżonn li naħfru fil-kuntatti tagħna maʼ ħutna nisa u rġiel? (b) Meta oħrajn jidinbu kontrina, f’liema sens nistgħu aħna naħfru u ninsew? (ċ) Dan kif inhu taʼ benefiċċju għalina?
18 Sadattant, irridu ngħixu u naħdmu flimkien bħala aħwa rġiel u nisa li huma bnedmin imperfetti u midinbin. Ilkoll niżbaljaw. Kultant żmien, niddiżappuntaw lil xulxin u saħansitra nweġġgħu lil xulxin. Ġesù kien jaf sewwa li kien se jkollna bżonn naħfru lil oħrajn, mhux “sa seba[’] darbiet, . . . imma sa sebgħa u sebgħin darba”! (Mattew 18:22) Veru, aħna ma nistgħux naħfru bil-mod komplet bħalma jaħfer Jehovah. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-każi fejn ħutna jidinbu kontrina, nistgħu naħfru fis-sens li negħlbu t-tendenza li nżommu f’qalbna u nistgħu ninsew fis-sens li ma nżommux fil-komma u nibqgħu dejjem nużaw dan kontriehom fil-futur. Meta naħfru u ninsew b’dan il-mod, ngħinu biex nippreservaw mhux biss il-paċi fil-kongregazzjoni imma wkoll il-paċi tal-moħħ u tal-qalb tagħna stess. Fuq kollox, se ngawdu l-paċi li Jehovah biss, dak Alla tagħna kollu mħabba, jistaʼ jipprovdihielna.—Filippin 4:7. (w97 12/1)
[Noti taʼ taħt]
a Skond it-Talmud Babilonjan, tradizzjoni rabbinika waħda stqarret: “Jekk raġel jikkommetti xi nuqqas, għall-ewwel, it-tieni u t-tielet darba, jinħafirlu, ir-rabaʼ darba ma jinħafirlux.” (Yoma 86b) Dan kien ibbażat parzjalment fuq fehma żbaljata taʼ skritturi bħalma huma Għamos 1:3; 2:6; u Ġob 33:29.
b Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni
◻ Għala għandna nkunu lesti li naħfru lil oħrajn?
◻ Liema tipi taʼ sitwazzjonijiet jirrikjedu li għandna ‘nistabru b’xulxin’?
◻ Meta nkunu ġejna mweġġgħin profondament minħabba d-dnubiet t’oħrajn, x’nistgħu nagħmlu biex nissetiljaw il-kwistjoni b’mod paċifiku?
◻ Meta naħfru lil oħrajn, f’liema sens għandna ninsew?
[Stampa f’paġna 28]
Meta nżommu f’qalbna, dak li offendiena għandu mnejn ma jkunx intebaħ bl-inkwiet li nkunu għaddejjin minnu
[Stampa f’paġna 29]
Meta tavviċina lil oħrajn biex tagħmel paċi, jistaʼ faċilment jiġi ċċarat kwalunkwe nuqqas taʼ qbil