LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w12 11/15 pp. 26-30
  • Aħfru lil Xulxin mill-Qalb

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aħfru lil Xulxin mill-Qalb
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA GĦANDNA BŻONN NAĦFRU
  • ANALIZZA L-​EMOZZJONIJIET TIEGĦEK
  • GĦANDEK TĦOSSOK OFFIŻ?
  • ‘JALLA L-​PAĊI TIEGĦEK TERĠAʼ LURA GĦANDEK’
  • IRREAĠIXXI B’MOD LI JOGĦĠOB LIL ĠEĦOVA
  • ‘Komplu Aħfru lil Xulxin Liberament’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Għala Taħfer?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Aħfer Minn Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Taħfer Int Bħalma Jaħfer Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
w12 11/15 pp. 26-30

Aħfru lil Xulxin mill-​Qalb

“Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb.” —KOL. 3:13.

INT KIF TWIEĠEB?

Għala għandna nkunu lesti li naħfru?

Liema tixbiha uża Ġesù biex juri għala għandna bżonn naħfru?

Kif se nibbenefikaw jekk inkunu lesti li naħfru?

1, 2. Għala għandek taħseb dwar jekk intix lest li taħfer lil oħrajn?

IL-​Kelma miktuba taʼ Ġeħova tgħinna nitgħallmu kif hu jqis id-​dnub u kif jirreaġixxi meta nidinbu. Flimkien maʼ dan, Kelmtu tgħidilna ħafna dwar il-​maħfra. Fl-​artiklu taʼ qabel, tgħallimna għala Ġeħova ħafer lil David u Manasse. Huma ddispjaċiehom ħafna għal dak li kienu għamlu, stqarrew dnubiethom lil Ġeħova, u kienu determinati li ma jirripetuhomx. Kienu verament nedmin, allura Ġeħova kien lest li jerġaʼ jagħtihom l-​approvazzjoni tiegħu.

2 Ejja neżaminaw il-​maħfra minn angolu ieħor. Int kif kont tħossok kieku miet wieħed minn qrabatek minħabba dak li għamel Manasse? Kont tkun kapaċi taħfer lil Manasse? Illum ngħixu f’dinja mill-​agħar, vjolenti, u egoistika. Għala għandna nitgħallmu naħfru? Jekk int tiġi trattat ħażin, x’jistaʼ jgħinek tikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħek, tirreaġixxi b’mod li jogħġob lil Ġeħova, u tkun lest li taħfer?

GĦALA GĦANDNA BŻONN NAĦFRU

3-5. (a) Ġesù liema tixbiha uża biex jurina li għandna bżonn naħfru? (b) X’inhu l-​punt tat-​tixbiha taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 18:21-​35?

3 Għandna nkunu lesti li naħfru lil dawk li joffenduna, kemm jekk ikunu membri tal-​kongregazzjoni Kristjana u kemm jekk le. Meta nagħmlu dan niġu megħjunin inżommu l-​paċi mal-​familja tagħna, maʼ sħabna, maʼ nies oħrajn, u maʼ Ġeħova. Il-​Bibbja turi li aħna neħtieġu naħfru lil oħrajn minkejja kemm-​il darba joffenduna. Ġesù rrakkonta tixbiha dwar ilsir li kellu dejn kbir maʼ sidu, u din it-​tixbiha tgħinna naraw għala għandna naħfru.

4 L-​ilsir tant kellu dejn maʼ sidu li biex jaqtgħu kieku kien ikollu jaħdem 60 miljun ġurnata. Sidu ħafirlu u qallu li ma kellux għalfejn iħallas lura d-​dejn. Imma dan l-​ilsir x’kien se jagħmel f’sitwazzjoni simili? Hu kien silef il-​flus lil ilsir ieħor. L-​ammont kien dak li ħaddiem setaʼ jaqlaʼ f’100 ġurnata biss. Hu ma ħafirx lil dan l-​ilsir u kkmandah iħallsu lura. It-​tieni lsir talab għal iktar żmien biex jaqtaʼ d-​dejn, imma l-​ewwel ilsir tefgħu l-​ħabs. Is-​sid, li kien wera ħniena mal-​ewwel ilsir, irrabja ferm. Hu qal lill-​ewwel ilsir li missu wera ħniena mar-​raġel l-​ieħor. Allura s-​sid tefaʼ lil dan l-​ilsir il-​ħabs sakemm setaʼ jaqtaʼ d-​dejn kollu.—Mt. 18:21-​34.

5 X’punt ħareġ Ġesù minn din it-​tixbiha? Il-​konklużjoni tiegħu kienet: “Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-​sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.” (Mt. 18:35) Il-​punt taʼ Ġesù hu ċar. Aħna imperfetti u spiss nidinbu. Mhuwiex possibbli għalina li nobdu lil Ġeħova perfettament. Imma hu lest li jaħfrilna. Fil-​fatt, hu lest li jaġixxi bħallikieku qatt ma dnibna. Għaldaqstant, kull min jixtieq il-​ħbiberija taʼ Ġeħova hu obbligat li jaħfer in-​nuqqasijiet tal-​bnedmin sħabu. Jew kif qal Ġesù fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja: “Jekk taħfru lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema se jaħfrilkom ukoll; filwaqt li jekk ma taħfrux lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-​nuqqasijiet tagħkom.”—Mt. 6:14, 15.

6. Għala mhux dejjem faċli li naħfru?

6 X’aktarx li taqbel li għandna naħfru lil oħrajn, imma forsi tħoss li mhux dejjem faċli tagħmel dan. Dan għaliex jistaʼ jkollna emozzjonijiet qawwijin meta nkunu ġejna offiżi minn ħaddieħor. Pereżempju, forsi nħossuna rrabjati jew traduti. Forsi nħossu li rridu nagħmlu ċert li l-​persuna tiġi kastigata għal dak li tkun għamlet, jew forsi rridu nġegħluha tbati bħalna. Nistgħu nkunu tant ħadnieha bi kbira li nħossu li qatt mhu se nkunu nistgħu naħfru lill-​persuna l-​oħra. Jekk tħoss sentimenti bħal dawn, x’tistaʼ tagħmel biex tkun lest li taħfer lil oħrajn, bħalma Ġeħova jitlobna nagħmlu?

ANALIZZA L-​EMOZZJONIJIET TIEGĦEK

7, 8. X’jistaʼ jgħinek taħfer meta xi ħadd jittrattak b’nuqqas taʼ mħabba?

7 Meta niġu trattati ħażin jew naħsbu li ġejna trattati ħażin, l-​emozzjonijiet tagħna jistgħu jiġru bina. Żagħżugħ iddeskriva x’ġara darba minnhom meta rrabja ħafna: ‘Tlaqt mid-​dar u ħlift li ma kontx se nerġaʼ lura. Kienet ġurnata sajfija, u għaddejt minn trejqa sabiħa ferm. F’dan il-​post kwiet u sabiħ, bdejt nikkalma. Iktar tard, mort lura d-​dar, u ddispjaċieni li kont irrabjajt daqshekk.’ Jekk tieħu ftit ħin biex tikkalma bħalma għamel dan iż-​żagħżugħ, tkun tistaʼ taħseb iktar ċar dwar is-​sitwazzjoni tiegħek minflok ma tirreaġixxi b’tali mod li iktar tard jiddispjaċik.—Salm 4:4; Prov. 14:29; Ġak. 1:19, 20.

8 Imma x’għandek tagħmel jekk għadek emozzjonat saħansitra wara li ħadt il-​ħin biex tikkalma? Ipprova ddetermina għala tħossok hekk. Huwa minħabba li ma ġejtx trattat sew, forsi b’guffaġni? Jew għax tħoss li l-​persuna l-​oħra apposta pprovat tweġġgħek? Kienu l-​azzjonijiet tal-​persuna verament daqshekk ħżiena? Jekk tipprova tanalizza u tifhem għala rreaġixxejt hekk, tistaʼ ssir taf liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuk tbiddel dawk is-​sentimenti. Imbagħad tkun tistaʼ tirreaġixxi b’mod li jogħġob lil Ġeħova. (Aqra Proverbji 15:28; 17:27.) Meta taħseb bis-​serjetà dwar il-​fatti minflok dwar is-​sentimenti tiegħek, forsi tkun iktar lest li taħfer. Avolja dan jistaʼ jkun diffiċli, il-​Bibbja tistaʼ tgħinek biex tifhem kif verament tħossok dwar is-​sitwazzjoni u biex timita l-​mod kif Ġeħova hu lest li jaħfer.—Ebr. 4:12.

GĦANDEK TĦOSSOK OFFIŻ?

9, 10. (a) Kif għandek mnejn tirreaġixxi meta tħossok offiż? (b) Kif se tħossok jekk titgħallem ma tiħux għalik malajr u tkun lest li taħfer?

9 Hemm ħafna sitwazzjonijiet li jistgħu jirrabjaw lil dak li jkun. Pereżempju, meta tkun qed issuq, forsi sewwieq ieħor kważi jidħol fik. Kif se tirreaġixxi? Xi nies tant jirrabjaw li jattakkaw lis-​sewwieq l-​ieħor. Imma bħala Kristjan, żgur li ma tkunx trid tagħmel hekk.

10 Ikun ferm aħjar jekk naħsbu qabel ma naġixxu. Forsi int ikollok ftit mit-​tort għal dak li jkun ġara għax tkun ġejt aljenat b’xi mod. Jew forsi s-​sewwieq l-​ieħor kellu problema bil-​karozza. Il-​punt taʼ dan l-​eżempju hu li nistgħu ntaffu r-​rabja, id-​diżappunt, u emozzjonijiet negattivi oħrajn jekk nipprovaw nifhmu għala l-​iżbalji saru, nirrikonoxxu li forsi ma nafux ir-​raġunijiet kollha għall-​iżbalji, u nkunu lesti li naħfru. M’għandniex inkunu ħfief biex nieħdu għalina. Ekkleżjasti 7:9 jgħid: “Tgħaġġilx biex tieħu għalik, għax l-​istupidi jieħdu għalihom u jżommu f’qalbhom.” Ħafna drabi għandna mnejn naħsbu li oħrajn ikunu għamlu xi ħaġa apposta biex joffenduna. Iżda peress li huma imperfetti, fir-​realtà sempliċement ikunu żbaljaw. Jew forsi aħna ma nkunux fhimna eżatt xi jkun ġara. Allura pprova ftakar li int forsi ma tafx il-​fatti kollha dwar dak li xi ħadd jagħmel u jgħid. Kun lest li turi mħabba għall-​individwu u taħfirlu. Int se tkun iktar ferħan jekk tagħmel dan.—Aqra l-​1 Pietru 4:8.

‘JALLA L-​PAĊI TIEGĦEK TERĠAʼ LURA GĦANDEK’

11. Kif għandna nħossuna minkejja kif iwieġbu n-​nies fil-​ministeru?

11 Kif tistaʼ tibqaʼ turi r-​rażan jekk xi ħadd ikun maledukat miegħek waqt li tkun fis-​servizz tal-​għalqa? Meta Ġesù bagħat 70 predikatur, hu qalilhom biex jgħidu lil kull familja li jiltaqgħu magħha: “Jalla jkollha l-​paċi din id-​dar!” Hu kompla: “Jekk ikun hemm ħabib tal-​paċi, il-​paċi tagħkom tibqaʼ fuqu. Imma jekk le, terġaʼ lura għandkom.” (Lq. 10:1, 5, 6) Aħna nifirħu meta n-​nies iwieġbu tajjeb għall-​ministeru tagħna, għax imbagħad ikunu jistgħu jiksbu benefiċċju mill-​messaġġ li nwasslulhom. Imma kultant in-​nies ma jkunux paċifiċi. F’dal-​każ x’għandna nagħmlu? Ġesù qal li l-​paċi li xtaqna fuq id-​dar għandha tibqaʼ fuqna. Minkejja kif jittrattawna n-​nies, għandna nkunu kapaċi nitilqu minn quddiem kull bieb bil-​paċi f’qalbna. Kieku kellna nirrabjaw għax l-​inkwilin ma jurix qalb tajba, ma jibqax ikollna l-​paċi li tkellem dwarha Ġesù.

12. Skont il-​kliem taʼ Pawlu f’​Efesin

12 Stinka biex iżżomm il-​paċi tiegħek f’kull sitwazzjoni, mhux biss fil-​ministeru Kristjan. Naturalment, il-​fatt li tkun lest li taħfer lil oħrajn ma jfissirx li għandek tapprova l-​imġiba ħażina tagħhom jew iċċekken il-​ħsara li din tagħmel. Però, ifisser li m’għandekx tibqaʼ tħossok irrabjat minħabba l-​kondotta ħażina tagħhom. Trid tipprova tħoss il-​paċi ġo fik. Xi wħud, peress li joqogħdu jaħsbu fuq ħsibijiet negattivi u jhewdnu fuq kemm ġew trattati ħażin, ħallew l-​imġiba t’oħrajn tisirqilhom il-​ferħ tagħhom. Tħallix ħsibijiet bħal dawn jikkontrollawk. Ftakar li ma tistax tkun ferħan jekk tibqaʼ rrabjat m’oħrajn. Mela kun lest li taħfer!—Aqra Efesin 4:31, 32.

IRREAĠIXXI B’MOD LI JOGĦĠOB LIL ĠEĦOVA

13. (a) Kristjan kif ‘jiġmaʼ ġamar jaqbad’ fuq ras l-​għadu tiegħu? (b) X’jistaʼ jiġri meta lil xi ħadd li jittrattana ħażin inwiġbuh bil-​kelma t-​tajba?

13 Xi drabi forsi tħoss li tistaʼ tgħin lil xi ħadd li trattak ħażin juri interess f’dak li tgħallem il-​Bibbja. L-​appostlu Pawlu kiteb: “‘Jekk l-​għadu tiegħek hu bil-​ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-​għatx, agħtih jixrob; għax meta tagħmel dan tkun qed tiġmaʼ ġamar jaqbad fuq rasu.’ Tħallix il-​ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-​ħażen bit-​tajjeb.” (Rum. 12:20, 21) Meta tkun edukat anki meta n-​nies ikunu rrabjati miegħek, għandhom mnejn ibiddlu l-​attitudni tagħhom u saħansitra jaġixxu b’qalb tajba. Jekk turi li tifhem u tagħder lill-​individwu li qed jittrattak ħażin, għandek mnejn tqanqlu jkun irid jitgħallem iktar dwar il-​Bibbja. Minkejja kif iwieġeb, l-​azzjonijiet ġwejdin u ħelwin tiegħek jistgħu jġiegħlu lill-​individwu jaħseb dwar għala int differenti.—1 Pt. 2:12; 3:16.

14. Għala għandek tkun lest li taħfer, anki meta individwu jkun trattak ħażin ħafna?

14 F’xi ċirkustanzi, ma jkunx xieraq li tissieħeb maʼ ċerti nies. Dawn jinkludu dawk li darba kienu parti mill-​kongregazzjoni imma li dinbu, ma nidmux, u ġew maqtugħin mis-​sħubija. Jekk individwu bħal dan weġġgħek, jistaʼ jkun diffiċli immens li taħfirlu anki jekk jindem, ladarba feriti emozzjonali jieħdu ż-​żmien biex ifiqu. F’ċirkustanzi bħal dawn, għandek tibqaʼ titlob lil Ġeħova biex jgħinek tkun lest li taħfer lill-​midneb li jkun nidem. Wara kollox, kif tistaʼ tkun taf x’hemm f’qalb l-​individwu l-​ieħor? Ġeħova jaf. Hu jaf is-​sentimenti l-​iktar sigrieti taʼ kull persuna u hu paċenzjuż mal-​midinbin. (Salm 7:9; Prov. 17:3) Huwa għalhekk li l-​Iskrittura tgħid: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. Agħmlu t-​tajjeb quddiem il-​bnedmin kollha. Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha. Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, imma agħmlu l-​wisaʼ għall-​korla; għax hu miktub: ‘Il-​vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Rum. 12:17-​19) Ma nistgħux inkunu nafu kulma jaf Ġeħova, u l-​Bibbja tgħidilna biex ma niġġudikawx lil oħrajn. (Mt. 7:1, 2) Imma tistaʼ tkun fiduċjuż li Ġeħova se jiġġudika bis-​sewwa.

15. X’se jgħinna nħossuna inqas irrabjati għal individwu li jkun trattana ħażin?

15 Jekk issibha diffiċli biex taħfer lil xi ħadd li trattak ħażin, forsi jkun t’għajnuna jekk iżżomm f’moħħok li anki hu qed ikampa b’xi ħaġa diffiċli ħafna. Bħalna, hu twieled imperfett. (Rum. 3:23) Ġeħova jiddispjaċih għall-​umanità kollha għax ilkoll imperfetti. Allura għandna nitolbu għall-​individwu li weġġagħna. Meta nitolbu għal xi ħadd, insiru inqas irrabjati għalih. Ġesù għamilha ċara li m’għandniex nibqgħu rrabjati għal oħrajn, anki meta jkunu trattawna ħażin. Hu qal: “Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.”—Mt. 5:44.

16, 17. Kif għandek tirreaġixxi meta l-​anzjani Kristjani jiddeċiedu li midneb hu niedem, u għala?

16 Fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova, l-​anzjani Kristjani ġew fdati bir-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb każijiet t’għemil ħażin fil-​kongregazzjoni. Dawn l-​aħwa ma jafux kulma jaf Alla dwar kull sitwazzjoni, imma jipprovaw jieħdu deċiżjoni fuq dak li tgħid il-​Bibbja u bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis. Allura meta jitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom jieħdu deċiżjoni, nistgħu nkunu ċerti li d-​deċiżjoni tagħhom taqbel mal-​mod taʼ ħsib taʼ Ġeħova.—Mt. 18:18.

17 F’sitwazzjoni bħal din, neħtieġu nkunu leali. Għandna nafdaw fil-​mod kif Ġeħova jittratta l-​problema u naċċettaw id-​deċiżjoni li jieħdu l-​anzjani. Meta l-​anzjani jiddeċiedu li individwu hu niedem, se taħfirlu u turi li għadek tħobbu? (2 Kor. 2:5-​8) Dan jistaʼ ma jkunx faċli, speċjalment jekk dnubu weġġaʼ lilek jew membru taʼ familtek. Imma jekk tafda f’Ġeħova u fil-​mod kif jittratta dawn il-​problemi fil-​kongregazzjoni, se tagħmel dak li hu sewwa. Int se turi li verament lest li taħfer lil oħrajn.—Prov. 3:5, 6.

18. Kif se tibbenefika jekk tkun lest li taħfer?

18 Aħna se niksbu bosta benefiċċji jekk inkunu lesti li naħfru. Dan jgħinna nħossuna aħjar għax ma nibqgħux irrabjati u qalbna sewda. Jgħinna wkoll ikollna relazzjonijiet aħjar maʼ nies oħrajn. Imma jekk m’aħniex lesti li naħfru, nistgħu nħossuna morda u stressati. Dan jistaʼ jagħmilha diffiċli għalina biex ningwalawha m’oħrajn. Imma l-​iktar benefiċċju importanti taʼ li nkunu lesti li naħfru hu li jkollna relazzjoni tajba maʼ Missierna tas-​sema, Ġeħova.—Aqra Kolossin 3:12-​14.

4:31, 32, kif għandna nġibu ruħna?

[Stampa f’paġna 27]

X’kien il-​punt taʼ din it-​tixbiha li uża Ġesù?

[Stampa f’paġna 30]

Ftakar li l-​Kristjani jeħtieġu jaħfru lil oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja