LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 6/1 pp. 25-30
  • Sigriet li l-Kristjani Ma Jażżardawx Iżommuh Għalihom!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sigriet li l-Kristjani Ma Jażżardawx Iżommuh Għalihom!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Is-​“Sigriet Sagru” Identifikat
  • Is-​Sigriet Li Ġie Rrivelat Irid Jiġi Mxandar!
  • Ipoġġi Ganċijiet Fix-​Xedaq Taʼ Satana
  • Issa Iktar Minn Qatt Qabel!
  • Sigriet li Tistaʼ Tgħidu lil Oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Werrej
    Stenbaħ!—2018
  • “L-għerf t’Alla f’sigriet sagru”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Sigriet Sagru Jinkixef
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 6/1 pp. 25-30

Sigriet li l-​Kristjani Ma Jażżardawx Iżommuh Għalihom!

“Jiena tħadditt fil-​beraħ, quddiem kulħadd. . . . Bil-​moħbi ma għedt xejn.”—ĠWANN 18:20.

1, 2. X’inhu s-​sinjifikat tal-​kelma Griega my·steʹri·on bħalma hija wżata fl-​Iskrittura?

IL-​KELMA Griega my·steʹri·on hija tradotta fin-​New World Translation of the Holy Scriptures 25 darba bħala “sigriet sagru” u 3 darbiet bħala “misteru.” Sigriet li jissejjaħ sagru bilfors li huwa tabilħaqq importanti! Kulmin hu pprivileġġjat li jikseb għarfien taʼ sigriet bħal dan għandu jħossu verament onorat, ladarba jkun ġie magħdud li jistħoqqlu jaqsam sigriet maʼ dak Alla s-​Suprem taʼ l-​univers.

2 L-​Expository Dictionary of Old and New Testament Words taʼ Vine jikkonferma li fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi “sigriet sagru” hija traduzzjoni iktar xierqa minn “misteru.” Dan jgħid dwar my·steʹri·on: “Fl-​[Iskrittura Griega Kristjana] din ma tindikax xi ħaġa misterjuża (bħalma tindika bl-​Ingliż), imma dak li, minħabba li ma jkunx fil-​kapaċità naturali tal-​bniedem li jifhem mingħajr assistenza, jistaʼ jiġi mgħarraf biss b’rivelazzjoni Divina, u jiġi mgħarraf b’manjiera u fi żmien maħtur minn Alla, u lil dawk biss li jiġu lluminati mill-​Ispirtu Tiegħu. Fis-​sens ordinarju misteru jimplika għarfien miżmum; is-​sinjifikat Skritturali tiegħu huwa verità rrivelata. Għalhekk it-​termini li speċjalment huma assoċjati mas-​suġġett huma ‘mgħarraf,’ ‘muri,’ ‘irrivelat,’ ‘ippridkat,’ ‘mifhum,’ ‘imxerred.’”

3. Il-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu kif kienet differenti minn ċerti gruppi reliġjużi misterjużi?

3 Din l-​ispjegazzjoni tenfasizza differenza kbira bejn il-​gruppi reliġjużi misterjużi li ffjorixxew fl-​ewwel seklu u l-​kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ġiet ifformata. Fil-​waqt li dawk li ddaħħlu bħala membri taʼ dawn il-​kulti sigrieti kienu taʼ spiss marbutin b’ħalfa taʼ silenzju biex jgħassu t-​tagħlim reliġjuż, il-​Kristjani qatt ma ġew impoġġijin taħt restrizzjoni bħal din. Huwa minnu li l-​appostlu Pawlu tkellem dwar “l-​għerf taʼ Alla moħbi f’misteru [“sigriet sagru,” NW]” billi sejjaħlu ‘l-​għerf moħbi,’ jiġifieri, moħbi għall-​“mexxejja taʼ din id-​dinja.” M’huwiex moħbi għall-​Kristjani li lilhom kien ġie rrivelat permezz taʼ l-​ispirtu t’Alla sabiex huma setgħu juru dan fil-​beraħ.—1 Korintin 2:7-12; qabbel Proverbji 1:20.

Is-​“Sigriet Sagru” Identifikat

4. Is-​“sigriet sagru” fuq min jiċċentra, u kif?

4 Is-​“sigriet sagru” taʼ Jehovah jiċċentra fuq Ġesù Kristu. Pawlu kiteb: “[Jehovah] għarrafna l-​misteru [“sigriet sagru,” NW] tar-​rieda tiegħu; il-​pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ meta tasal il-​milja taż-​żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-​sema u kull ma hu fl-​art.” (Efesin 1:9, 10) Pawlu kien saħansitra iktar speċifiku dwar in-​natura tas-​“sigriet sagru” meta indika l-​bżonn għal “għarfien tal-​misteru taʼ Alla li hu Kristu.”—Kolossin 2:2.

5. X’inhu involut fis-​“sigriet sagru”?

5 Iktar, madankollu, huwa involut, għax is-​“sigriet sagru” huwa sigriet b’ħafna aspetti. M’huwiex sempliċement l-​identifikar taʼ Ġesù bħala li hu ż-​Żerriegħa jew il-​Messija mwiegħed; dan jinkludi l-​irwol li hu assenjat biex iwettaq fl-​iskop t’Alla. Jinvolvi gvern tas-​sema, is-​Saltna Messjanika t’Alla, bħalma spjega Ġesù b’mod ċar meta qal lid-​dixxipli tiegħu: “Lilkom ingħata li tagħrfu l-​misteri [“sigrieti sagri,” “NW”] tas-​Saltna tas-​Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti.” (Korsiv tagħna.)—Mattew 13:11.

6. (a) Għala huwa korrett li wieħed jgħid li s-​“sigriet sagru” kien “moħbi fis-​skiet taʼ l-​eternità”? (b) Kif ġie rrivelat b’mod progressiv?

6 Perijodu twil taʼ żmien kellu jgħaddi bejn l-​ewwel darba li ssemmaʼ l-​iskop t’Alla biex jipprovdi bażi għas-​Saltna Messjanika u li jġib ‘fi tmiem il-​misteru [“sigriet sagru,” NW] t’Alla.’ (Apokalissi 10:7; Ġenesi 3:15) Li jinġieb fi tmiemu kellu jseħħ malli tkun ġiet stabbilita s-​Saltna, bħalma jidher milli jiġu pparagunati Apokalissi 10:7 u 11:15. Fil-​fatt, madwar 4,000 sena għaddew minn mindu ngħatat l-​ewwel wegħda tas-​Saltna f’Għeden sad-​dehra fis-​sena 29 E.K. tas-​Sultan Innominat. Għaddew 1,885 sena oħra qabel ma ġiet stabbilita s-​Saltna fis-​smewwiet fl-​1914. B’hekk is-​“sigriet sagru” ġie rrivelat b’mod progressiv matul perijodu taʼ kważi 6,000 sena. (Ara paġna 29.) Pawlu kien tabilħaqq korrett meta tkellem dwar ‘ir-​rivelazzjoni tal-​misteru [“sigriet sagru,” NW] li kien moħbi fis-​skiet taʼ l-​eternità; li issa ġie rrivelat, u mgħarraf.’—Rumani 16:25-27; Efesin 3:4-11.

7. Għala jistaʼ jkollna l-​akbar fiduċja fil-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret?

7 F’kuntrast mal-​bnedmin, li għandhom għomor limitat, Jehovah qatt ma jħossu taħt pressjoni minħabba ż-​żmien biex jirrivela s-​sigrieti tiegħu qabel ma jkun il-​waqt. Dan il-​fatt għandu jżommna milli nsiru bla paċenzja meta ċerti mistoqsijiet dwar il-​Bibbja ma jkunux jistgħu jiġu spjegati fil-​pront għas-​sodisfazzjon tagħna. Il-​modestja min-​naħa tal-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret, li ġiet maħtura biex tipprovdi l-​ikel fiż-​żmien xieraq lill-​membri tad-​dar Kristjana, iżżommha lura milli bi prużunzjoni tiġri ’l quddiem u tispekula kif ġie ġie dwar affarijiet li għadhom m’humiex ċari. Il-​klassi taʼ l-​irsir tistinka biex tevita li tkun dommatika. Hija umli biżżejjed biex tammetti li fil-​preżent ma tistax twieġeb kull mistoqsija, u żżomm Proverbji 4:18 sew f’moħħha. Imma kemm huwa eċċitanti li nkunu nafu li Jehovah, fiż-​żmien xieraq tiegħu stess u bil-​mod tiegħu stess, se jkompli jirrivela s-​sigrieti tiegħu li għandhom x’jaqsmu maʼ l-​iskopijiet tiegħu! Qatt m’għandna nsiru bla paċenzja dwar l-​arranġament taʼ Jehovah, billi b’mod indiskret nipprovaw ngħaġġlu qabel il-​Wieħed li jirrivela s-​sigrieti. Kemm jassigurana l-​fatt li nafu li l-​mezz taʼ komunikazzjoni li Jehovah qiegħed juża llum m’huwiex qiegħed jagħmel hekk! Dan huwa kemm leali u kemm diskret.—Mattew 24:45, NW; 1 Korintin 4:6.

Is-​Sigriet Li Ġie Rrivelat Irid Jiġi Mxandar!

8. Kif nafu li s-​“sigriet sagru” għandu jiġi mgħarraf?

8 Jehovah ma rrivelax is-​“sigriet sagru” tiegħu lill-​Kristjani biex iżommuh moħbi. Irid jiġi mgħarraf, fi qbil mal-​prinċipju li stabbilixxa Ġesù għas-​segwaċi tiegħu kollha​—mhux għal ftit membri tal-​kleru biss: “Intom id-​dawl tad-​dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-​musbieħ u jqegħduh taħt il-​modd, iżda fuq l-​imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-​dar. Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.”—Mattew 5:14-16; 28:19, 20.

9. Liema ħaġa turi li Ġesù ma kienx xi rivoluzzjonarju, bħalma jsostnu xi wħud?

9 Ġesù ma kellu ebda intenzjoni rivoluzzjonarja li jifforma organizzazzjoni taʼ segwaċi li jaħdmu bil-​moħbi biex iwettqu skopijiet sigrieti. Fil-​ktieb Early Christianity and Society, Robert M. Grant kiteb rigward id-​difiża tal-​Kristjani bikrin li saret minn Ġustin Martri, apoloġista tat-​tieni seklu: “Li kieku l-​Kristjani kienu rivoluzzjonisti kieku kienu jibqgħu moħbijin sabiex jilħqu l-​għan tagħhom.” Imma l-​Kristjani kif setgħu “jibqgħu moħbijin” u fl-​istess ħin ikunu bħal “belt li . . . qiegħda fuq muntanja”? Huma ma ssograwx jaħbu d-​dawl tagħhom taħt xi modd! Il-​gvern, għalhekk, ma kellu xejn x’jibżaʼ mill-​attività tagħhom. Dan il-​kittieb issokta jiddeskrivihom bħala “l-​aqwa alleati taʼ l-​imperatur fil-​kawża tal-​paċi u l-​bonordni.”

10. Il-​Kristjani għala m’għandhomx iżommuha sigrieta l-​identità tagħhom?

10 Ġesù ma riedx li d-​dixxipli tiegħu jżommuha sigrieta l-​identità tagħhom bħala membri taʼ l-​hekk imsejħa setta reliġjuża. (Atti 24:14; 28:22) Li nonqsu li nħallu d-​dawl tagħna jiddi llum m’huwiex se jogħġob lil Kristu u lil Missieru, il-​Wieħed li jirrivela s-​sigrieti, u dan m’huwiex se jħallina henjin.

11, 12. (a) Jehovah għala jixtieq li l-​Kristjanità tiġi mgħarrfa? (b) Ġesù kif stabbilixxa l-​eżempju xieraq?

11 Jehovah “ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9; Eżekjel 18:23; 33:11; Atti 17:30) Il-​bażi għall-​maħfra tad-​dnubiet taʼ bnedmin nedmin hija l-​fidi fis-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu, li ta lilu nnifsu bħala rahan għal kulħadd​—mhux sempliċement għal ftit—​sabiex “kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Huwa vitali li n-​nies jiġu mgħejjunin biex jieħdu l-​passi neċessarji li se jikkwalifikawhom biex jiġu ġġudikati bħala ngħaġ, mhux mogħoż, matul il-​ġudizzju li ġej.—Mattew 25:31-46.

12 Il-​vera Kristjanità m’għandhiex tiġi moħbija; għandha tiġi mgħarrfa bi kwalunkwe mod xieraq possibbli. Ġesù nnifsu stabbilixxa l-​eżempju xieraq. Meta ġie mistoqsi mill-​qassis il-​kbir dwar id-​dixxipli tiegħu u t-​tagħlim tiegħu, hu qal: “Jiena tħadditt fil-​beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt dejjem fis-​sinagoga u fit-​tempju fejn jinġabru l-​Lhud kollha, u bil-​moħbi ma għedt xejn.” (Ġwann 18:19, 20) Meta wieħed iqis dan il-​preċedent, liema individwu li għandu l-​biżaʼ t’Alla se jażżarda li jżomm sigriet dak li Alla ddikjara li jrid jingħad fil-​beraħ? Min kien se jażżarda jaħbi “l-​muftieħ taʼ l-​għerf” li jwassal għall-​ħajja eterna? Li wieħed jagħmel hekk, se jagħmlu bħall-​ipokriti reliġjużi taʼ l-​ewwel seklu.—Luqa 11:52; Ġwann 17:3.

13. Għala għandna nxandru fi kwalunkwe opportunità?

13 Jalla ħadd qatt ma jkun jistaʼ jgħid li aħna bħala Xhieda taʼ Jehovah żammejnieh sigriet il-​messaġġ t’Alla dwar is-​Saltna! Kemm jekk il-​messaġġ jiġi aċċettat u kemm jekk jiġi rrifjutat, in-​nies iridu jkunu jafu li dan ġie mxandar. (Qabbel Eżekjel 2:5; 33:33.) Ejjew għalhekk nieħdu vantaġġ minn kwalunkwe opportunità biex inxandru l-​messaġġ taʼ verità lil kulħadd, kulfejn nistgħu niltaqgħu magħhom.

Ipoġġi Ganċijiet Fix-​Xedaq Taʼ Satana

14. Għala m’għandniex inżommu lura milli nuru l-​qima tagħna bil-​miftuħ?

14 F’ħafna postijiet ix-​Xhieda taʼ Jehovah qegħdin isiru iktar u iktar iċ-​ċentru taʼ l-​attenzjoni tal-​mezzi tax-​xandir. Simili għal dak li ġara lill-​Kristjani bikrin, huma taʼ spiss jiġu rrappreżentati ħażin u mpoġġijin fl-​istess kategorija taʼ kulti reliġjużi dubjużi u organizzazzjonijiet sigrieti. (Atti 28:22) Jistaʼ jkun li forsi l-​mod miftuħ li bih inxandru se jagħmilna iktar suġġetti għal li niġu attakkati? Ċertament li ma jkunx għaqli, u mhux fi qbil mal-​parir taʼ Ġesù, li ninvolvu ruħna bla bżonn f’xi kontroversja. (Proverbji 26:17; Mattew 10:16) Madankollu, ix-​xogħol benefikanti taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u li jiġu mgħejjunin in-​nies biex itejbu ħajjithom m’għandux jinħeba. Dan jigglorifika lil Jehovah, billi jeżaltah fl-​għoli, u jidderieġi attenzjoni lejh u lejn is-​Saltna stabbilita tiegħu. Ir-​rispons gratifikanti riċenti għall-​verità tal-​Bibbja fl-​Ewropa tal-​Lvant u partijiet taʼ l-​Afrika huwa dovut parzjalment minħabba l-​mod iktar miftuħ li bih issa tistaʼ tixxandar il-​verità hemmhekk.

15, 16. (a) Liema skopijiet jintlaħqu bil-​mod miftuħ li bih inxandru u bil-​prosperità spiritwali tagħna, imma jagħti dan lok għal tħassib? (b) Jehovah għala jpoġġi ganċijiet fix-​xedaq taʼ Satana?

15 Huwa minnu li l-​mod miftuħ li bih ix-​Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw, il-​ġenna spiritwali li jgawdu, u l-​prosperità tagħhom​—kemm f’riżorsi umani u kemm f’ġid materjali—​jiġu nnotati. Waqt li jattiraw lil uħud taʼ qalb onesta, dawn il-​fatturi għandhom mnejn jiddiżgustaw lill-​opponenti. (2 Korintin 2:14-17) Fil-​fatt, din il-​prosperità għandha mnejn eventwalment isservi biex tħajjar lill-​forzi taʼ Satana biex jattakkaw lin-​nies t’Alla.

16 Għandu dan jagħti lok għal tħassib? Mhux skond il-​profezija taʼ Jehovah misjuba f’Eżekjel kapitlu 38. Din tbassar li Gog taʼ Magog, li huwa deskrizzjoni taʼ Satana x-​Xitan minn mindu ġie mitfugħ ’l isfel lejn il-​viċinanzi taʼ l-​art wara li ġiet stabbilita s-​Saltna fl-​1914, se jmexxi attakk fuq in-​nies t’Alla. (Apokalissi 12:7-9) Jehovah jgħid lil Gog: “Tgħid: ‘Ħa nitlaʼ kontra pajjiż bla swar, ħa nintefaʼ fuq nies kwieti, li jgħammru b’moħħhom mistrieħ: nies bla swar; u bibien u żbarri ma għandhomx,’ biex taħtaf il-​priża u tisraq, biex tmidd idek fuq ħerbiet mgħammra u fuq poplu miġbur minn fost il-​ġnus, poplu li kiseb imrieħel u ġid, u issa jgħammar fil-​qalba taʼ l-​art.” (Eżekjel 38:11, 12) Vers 4 juri li n-​nies t’Alla, madankollu, m’għandhomx għalfejn jibżgħu minn dan l-​attakk, għax dan ikun ġej minn Jehovah. Imma Alla għala se jħalli li jsir​—iva, saħansitra jqanqal—​attakk sfrenat fuq in-​nies tiegħu? Fil-​vers 23 naqraw ir-​risposta taʼ Jehovah: “Hekk nuri l-​kobor u l-​qdusija tiegħi quddiem kotra taʼ ġnus, u jkunu jafu li jien il-​Mulej.”

17. Kif għandna nqisu l-​attakk imminenti taʼ Gog?

17 B’hekk, minflok ma jgħixu fil-​biżaʼ minħabba l-​attakk taʼ Gog, in-​nies taʼ Jehovah jħarsu ’l quddiem b’antiċipazzjoni lejn iktar twettiq tal-​profezija tal-​Bibbja. Kemm huwa eċċitanti li nkunu nafu li billi jipprospera u jbierek lill-​organizzazzjoni viżibbli tiegħu, Jehovah jdaħħal ganċijiet fix-​xedaq taʼ Satana, u jiġbed lilu u lill-​forza militari tiegħu lejn it-​telfa tagħhom!—Eżekjel 38:4.

Issa Iktar Minn Qatt Qabel!

18. (a) Ħafna nies x’qegħdin issa jibdew jirrealizzaw, u għala? (b) Ir-​reazzjoni għall-​ippridkar tas-​Saltna kif isservi taʼ motivazzjoni qawwija?

18 Fi żmienna x-​Xhieda taʼ Jehovah esprimew mingħajr ħabi taʼ xejn l-​opinjonijiet tagħhom ibbażati fuq il-​Bibbja, avolja dan ma kienx popolari. Għal għaxriet taʼ snin wissew dwar il-​perikli tat-​tipjip u taʼ l-​abbuż tad-​drogi, in-​nuqqas t’għaqal fit-​taħriġ permissiv tat-​tfal, l-​effetti ħżiena taʼ divertiment mimli sess illeċitu u vjolenza, u r-​riskji tat-​trasfużjonijiet tad-​demm. Huma wrew ukoll l-​inkonsistenzi tat-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni. Iktar u iktar nies qegħdin issa jgħidu, “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom raġun wara kollox.” Kieku ma wrejniex daqshekk bil-​miftuħ l-​opinjonijiet tagħna fil-​beraħ, kieku ma kinux jistgħu jaġixxu b’dan il-​mod. U wieħed ma jistax jinjora l-​fatt li f’li jagħmlu stqarrija bħal din, huma jkunu qegħdin jieħdu pass fid-​direzzjoni taʼ li jgħidu, “Satana, int giddieb; Jehovah għandu raġun wara kollox.” X’motivazzjoni qawwija għalina biex inkomplu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, billi nitkellmu fil-​beraħ il-​kelma tal-​verità!—Proverbji 27:11.

19, 20. (a) In-​nies taʼ Jehovah liema determinazzjoni esprimew fl-​1922, u dan il-​kliem għadu japplika? (b) Kif għandna nqisuh is-​“sigriet sagru” taʼ Jehovah?

19 In-​nies taʼ Jehovah ilhom ħafna li fehmu l-​obbligu tagħhom f’dan ir-​rigward. F’konvenzjoni li spikkat fl-​1922, J. F. Rutherford, li dak in-​nhar kien il-​president tal-​Watch Tower Society, qanqal lill-​udjenza tiegħu billi qal: “Kunu f’sensikom, kunu attenti, kunu attivi, kunu qalbenin. Kunu xhieda leali u veri għall-​Mulej. Avanzaw fil-​ġlieda sakemm kull nitfa minn Babilonja tkun saret ħerba. Ħabbru l-​messaġġ maʼ kullimkien. Id-​dinja trid tkun taf li Jehovah hu Alla u li Ġesù Kristu hu Sultan tas-​slaten u Mulej tal-​mulejiet. Dan hu l-​jum fuq l-​oħrajn kollha. Araw, is-​Sultan jirrenja! Intom l-​aġenti pubbliċitarji tiegħu. Għalhekk, irriklamaw, irriklamaw, irriklamaw, is-​Sultan u s-​saltna tiegħu.”

20 Jekk dan il-​kliem kien importanti fl-​1922, kemm huwa iktar issa 75 sena wara, meta l-​irrivelar taʼ Kristu bħala Mħallef u Vendikatur jinsab ferm eqreb! Il-​messaġġ tas-​Saltna stabbilita taʼ Jehovah u tal-​ġenna spiritwali gawduta min-​nies t’Alla huwa “sigriet sagru” sempliċement grandjuż wisq biex iżommuh għalihom. Bħalma Ġesù nnifsu stqarr tant ċar, is-​segwaċi tiegħu jridu, bil-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis, ikunu xhieda “sa truf l-​art” rigward postu bħala l-​muftieħ fl-​iskop etern taʼ Jehovah. (Atti 1:8; Efesin 3:8-12) Fil-​fatt, bħala qaddejja taʼ Jehovah, dak Alla li jirrivela s-​sigrieti, ma nażżardawx inżommu dan is-​sigriet għalina nfusna!(w97 6/1)

Kif Twieġeb Int?

◻ X’inhu s-​“sigriet sagru”?

◻ Kif nafu li jrid jiġi muri fil-​beraħ?

◻ Liema ħaġa ġġib l-​attakk taʼ Gog fuq in-​nies taʼ Jehovah, u dan kif għandna nqisuh?

◻ Kull wieħed u waħda minna x’għandu jkun iddeterminat li jagħmel?

[Kaxxa f’paġna 29]

“Sigriet Sagru” Rrivelat B’Mod Progressiv

◻ Wara s-​sena 4026 Q.E.K.: Alla jwiegħed li jqajjem Żerriegħa biex jeqred lil Satana.—Ġenesi 3:15

◻ 1943 Q.E.K.: Il-​patt Abramiku jsir validu, billi jwiegħed li ż-​Żerriegħa se jiġi permezz t’Abraham.—Ġenesi 12:1-7

◻ 1918 Q.E.K.: It-​twelid taʼ Iżakk bħala werriet tal-​patt.—Ġenesi 17:19; 21:​1-5

◻ ċ. 1761 Q.E.K.: Jehovah jikkonferma li ż-​Żerriegħa se jiġi permezz taʼ Ġakobb, bin Iżakk.—Ġenesi 28:10-15

◻ 1711 Q.E.K.: Ġakobb jindika li ż-​Żerriegħa se jiġi permezz taʼ ibnu Ġuda.—Ġenesi 49:10

◻ 1070-​1038 Q.E.K.: Is-​sultan David isir jaf li ż-​Żerriegħa se jkun dixxendent tiegħu u se jsaltan bħala Sultan għal dejjem.​—2 Samwel 7:13-16; Salm 89:36, 37 [Salm 89:35, 36, NW]

◻ 29-​33 E.K.: Ġesù jiġi identifikat bħala ż-​Żerriegħa, il-​Messija, l-​imħallef futur, u s-​Sultan Innominat.—Ġwann 1:17; 4:25, 26; Atti 10:42, 43; 2 Korintin 1:20; 1 Timotju 3:16

◻ Ġesù jirrivela li se jkollu mexxejja u mħallfin bi sħab miegħu, li s-​Saltna tas-​sema se jkollha sudditi fuq l-​art, u li s-​segwaċi kollha tiegħu għandhom ikunu xandâra tas-​Saltna.—Mattew 5:3-5; 6:10; 28:19, 20; Luqa 10:1-9; 12:32; 22:29, 30; Ġwann 10:16; 14:2, 3

◻ Ġesù jirrivela li s-​Saltna se tiġi stabbilita fi żmien definit, bħalma huwa kkonfermat mill-​ġrajjiet dinjin.—Mattew 24:3-22; Luqa 21:24

◻ 36 E.K.: Pietru jsir jaf li dawk li m’humiex Lhud ukoll se jkunu werrieta bi sħab tas-​Saltna.—Atti 10:30-48

◻ 55 E.K.: Pawlu jispjega li l-​werrieta bi sħab tas-​Saltna se jiġu rxoxtati għall-​immortalità u n-​nuqqas taʼ korruzzjoni matul il-​preżenza taʼ Kristu.—1 Korintin 15:51-54

◻ 96 E.K.: Ġesù, li diġà qiegħed isaltan fuq is-​segwaċi midlukin tiegħu, jirrivela li n-​numru finali tagħhom se jkun 144,000.—Efesin 5:32; Kolossin 1:13-20; Apokalissi 1:1; 14:1-3

◻ 1879 E.K.: Zion’s Watch Tower jipponta lejn l-​1914 bħala sena taʼ sinjifikat kbir fit-​twettiq tas-​“sigriet sagru” t’Alla

◻ 1925 E.K.: The Watch Tower jispjega li s-​Saltna twieldet fl-​1914; is-​“sigriet sagru” dwar is-​Saltna jrid jiġi muri fil-​beraħ.—Apokalissi 12:1-5, 10, 17

[Stampi f’paġna 28]

Bħall-​Mexxej tagħhom, Ġesù, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jiddikjaraw is-​Saltna taʼ Jehovah fil-​beraħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja