L-Aħbar Tajba Skont Luqa
12 Sadanittant, inġabru ħafna eluf taʼ nies tant li bdew jirfsu fuq xulxin, u Ġesù beda billi qal lid-dixxipli: “Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej, li hi l-ipokresija. 2 Imma m’hemm xejn mgħotti sew li mhux se jinkixef, u m’hemm l-ebda sigriet li mhux se jsiru jafu bih in-nies. 3 Għalhekk, kulma tgħidu fid-dlam se jinstemaʼ fid-dawl, u kulma tgħidu minn taħt l-ilsien fil-kmamar tagħkom se jiġi ppritkat minn fuq il-bjut. 4 Iktar minn hekk, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li jistgħu joqtlukom u wara ma jistgħu jagħmlu xejn iktar. 5 Imma ibżgħu minn Alla, għax hu jistaʼ joqtolkom u jitfagħkom f’Geħenna.* Allura, minnu għandkom tibżgħu. 6 Ħames għasafar tal-bejt jiswew żewġ muniti taʼ valur żgħir,* mhux hekk? Imma lanqas wieħed minnhom mhu minsi minn Alla. 7 Fil-każ tagħkom, Alla jaf anki kemm għandkom xagħar f’raskom. Tibżgħux, għax intom tiswew ħafna iktar mill-għasafar tal-bejt.
8 “Naċċertakom li kull min jgħid li jafni man-nies, jien, Bin il-bniedem, ngħid lill-anġli t’Alla li nafu. 9 Imma min jgħid li ma jafnix, jien se ngħid lill-anġli t’Alla li ma nafux. 10 Kull min jgħid xi ħaġa kontrija, Bin il-bniedem, se tinħafirlu. Imma kull min jgħid xi ħaġa kontra l-ispirtu qaddis, mhux se tinħafirlu. 11 Meta tiġu interrogati fil-pubbliku* jew jiħdukom għand l-uffiċjali tal-gvern u l-awtoritajiet, tkunux ansjużi dwar x’se tgħidu jew kif se tiddefendu ruħkom, 12 għax dak il-ħin stess l-ispirtu qaddis se jiggwidakom biex tkunu tafu* x’għandkom tgħidu.”
13 Imbagħad xi ħadd mill-folla qallu: “Għalliem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” 14 Qallu: “Min laħħaqni bħala mħallef fuqkom jew qabbadni naqsam il-wirt bejnietkom?” 15 Imbagħad qalilhom: “Oqogħdu attenti u evitaw kull tip taʼ regħba,* għax anki meta xi ħadd ikollu ħafna, ħajtu ma tiddependix mill-affarijiet li għandu.” 16 Imbagħad ġabilhom dan l-eżempju: “L-art taʼ wieħed sinjur ipproduċiet ħafna. 17 Allura beda jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘Fejn se nqiegħdu dan il-prodott kollu? 18 Naf x’nagħmel! Inwaqqaʼ l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u fihom inpoġġi ċ-ċereali* u l-ġid kollu tiegħi.’ 19 Imbagħad qal: ‘La għandi ħafna ġid merfugħ għal ħafna snin, nistaʼ nistrieħ, niekol, nixrob, u ngawdi l-ħajja.’ 20 Imma Alla qallu, ‘Ja bniedem bla raġuni! Dan il-lejl int se tmut. Allura min se jiħodhom l-affarijiet li rfajt?’ 21 Hekk jiġrilu min jerfaʼ ħafna affarijiet taʼ valur għalih innifsu imma mhuwiex sinjur f’affarijiet li huma importanti għal Alla.”*
22 Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Għalhekk jien ngħidilkom: Tibqgħux tkunu ansjużi dwar x’se tieklu jew x’se tilbsu. 23 Għax il-ħajja tagħkom tiswa iktar mill-ikel u mill-ħwejjeġ. 24 Aħsbu dwar iċ-ċawluni. Dawn la jiżirgħu u lanqas jaħsdu. Huma m’għandhomx fejn jerfgħu l-ikel, imma Alla jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar mill-għasafar? 25 Min minnkom jistaʼ jtawwal ħajtu mqar bi ftit billi jkun ansjuż? 26 Allura, jekk lanqas biss tistgħu tagħmlu din il-ħaġa, għala għandkom tkunu ansjużi dwar affarijiet oħrajn? 27 Aħsbu dwar il-mod kif jikbru l-fjuri.* Dawn la jaħdmu iebes u lanqas iħitu ħwejjeġ. Imma lanqas ir-Re Salamun fil-glorja kollha li kellu ma setaʼ jilbes sabiħ daqshom. 28 Mela, jekk Alla jlibbes lill-pjanti li llum hawn u għada jintefgħu fin-nar, kemm iktar se jlibbes lilkom! Kif m’għandkomx biżżejjed fidi? 29 Allura, tibqgħux tkunu ansjużi dwar x’se tieklu u x’se tixorbu, u tibqgħux tinkwetaw iżżejjed. 30 Għax dawn huma l-affarijiet li n-nies l-oħrajn qed jirsistu ħafna għalihom. Imma Missierkom jaf li għandkom bżonn dawn l-affarijiet. 31 Minflok, komplu poġġu s-Saltna tiegħu* fl-ewwel post f’ħajjitkom, u Alla jagħtikom l-affarijiet l-oħrajn.
32 “Tibżgħux merħla żgħira, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna. 33 Bigħu dak li għandkom u għinu lil dawk fil-bżonn.* Agħmlu boroż tal-flus li ma jitmermrux, jiġifieri agħmlu affarijiet li huma importanti għal Alla.* Dawn ma jispiċċaw qatt u ma jistgħux jinsterqu jew jittieklu mill-kamla. 34 Għax qalbkom tintrabat maʼ dak li tqisu taʼ valur.
35 “Kunu mlibbsin u lesti,* u ixegħlu l-lampi tagħkom. 36 Tridu tkunu bħal qaddejja li jistennew lil sidhom jiġi mit-tieġ, ħalli meta jiġi u jħabbat, jiftħulu mill-ewwel. 37 Ferħanin ikunu dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom għassa! Naċċertakom li hu jilbes il-ħwejjeġ taʼ qaddej, jistidinhom joqogħdu mal-mejda, u jmur iservilhom l-ikel. 38 Huma se jkunu ferħanin jekk isibhom lesti, anki jekk jiġi tard billejl* jew saħansitra wara nofsillejl!* 39 Imma kunu afu li kieku sid id-dar kien jaf x’ħin ġej il-ħalliel, ma kienx iħallih jidħol f’daru. 40 Uru li intom lesti wkoll, għax jien, Bin il-bniedem, ġej f’ħin li ma tkunux qed tistennew.”
41 Imbagħad Pietru qallu: “Mulej, dan l-eżempju qed tgħidu għalina jew għal kulħadd?” 42 Il-Mulej qal: “Min hu verament l-ilsir* leali u għaqli, li sidu se jinkarigah fuq il-qaddejja taʼ daru biex ikompli jagħtihom l-ikel li għandhom bżonn fiż-żmien xieraq? 43 Dan l-ilsir se jkun ferħan meta sidu jiġi u jsibu jagħmel dan! 44 Naċċertakom li hu se jinkarigah fuq kulma għandu. 45 Imma jekk l-ilsir jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘Sidi qed idum biex jiġi,’ u jibda jsawwat lil sħabu l-qaddejja, u jiekol, jixrob, u jisker, 46 imbagħad sidu se jiġi f’ħin u f’ġurnata li ma jkunx qed jistennieh, u se jikkastigah bl-iktar mod aħrax u jitfgħu maʼ dawk li mhumiex leali. 47 Imbagħad dak l-ilsir li fehem x’ried sidu, imma ma kienx lest jew m’għamilx dak li qallu, se jaqlaʼ ħafna daqqiet. 48 Imma dak li ma fehemx, u b’hekk għamel affarijiet li jistħoqqlu jiġi msawwat għalihom, ftit se jaqlaʼ daqqiet. Fil-fatt, kull min irċieva ħafna, se jintalab ħafna minnu, u dak li ġie inkarigat biex jieħu ħsieb ħafna affarijiet, in-nies se jistennew minnu iktar mis-soltu.
49 “Jien ġejt biex inqabbad nar fuq l-art, u diġà qabbadtu. Allura xi rrid iktar? 50 Fil-fatt, hemm tip ieħor taʼ magħmudija li rrid ngħaddi minnha. Jien se nkun inkwetat ħafna sakemm tgħaddi! 51 Jaqaw taħsbu li ġejt biex inġib il-paċi fuq l-art? Le, anzi biex inġib firda. 52 Għax minn issa ’l quddiem se jkun hemm il-firda fil-familja. Jekk din ikun fiha ħames persuni, ikun hemm tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta. 53 Dawn ikunu mifrudin, il-missier kontra t-tifel u t-tifel kontra l-missier, l-omm kontra t-tifla u t-tifla kontra ommha, il-kunjata kontra l-mara tat-tifel u l-mara tat-tifel kontra l-kunjata tagħha.”
54 Imbagħad kompla jgħid lill-folol: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-Punent, mill-ewwel tgħidu li ġejja maltempata, u hekk jiġri. 55 U meta jkun riħ isfel, tgħidu li ġejja sħana kbira, u hekk jiġri. 56 Ja ipokriti! Intom tkunu tafu x’temp se jagħmel billi tinnotaw is-sema u l-art, imma kif ma tagħrfux dan iż-żmien partikulari? 57 Kif ma tifhmux x’suppost tagħmlu? 58 Pereżempju, waqt li tkun qiegħed fit-triq maʼ dak li fetaħ kawża kontrik biex tmorru għand mexxej, ibda aħdem biex issolvi l-kwistjoni miegħu, ħalli ma jtellgħekx quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn l-uffiċjal tal-qorti, u dan jitfgħek il-ħabs. 59 Nassigurak li mhux se toħroġ minn hemm sakemm tkun ħallast id-dejn kollu.”*