Int “Għani m’Alla”?
“Hekk jiġrilu min jaħżen teżor għalih innifsu imma ma jkunx għani m’Alla.”—LUQA 12:21.
1, 2. (a) In-nies għal liema ħaġa kienu lesti li jagħmlu sagrifiċċji kbar? (b) Liema sfida u periklu jridu jiffaċċjaw il-Kristjani?
IT-TFITTXIJA GĦAL TEŻOR m’hijiex logħba li jħobbuha biss it-tfal; din tirripeti ruħha wkoll fil-ħajja reali f’bosta perijodi taʼ żmien u pajjiżi. Per eżempju, it-tfittxija sfrenata għad-deheb fis-seklu 19 li seħħet fl-Awstralja, fl-Afrika t’Isfel, fil-Kanada, u fl-Istati Uniti ġibdet lin-nies minn postijiet imbegħdin li kienu lesti jitilqu darhom u lill-maħbubin tagħhom sabiex ifittxu xortihom f’pajjiżi mhux familjari u kultant ostili. Iva, ħafna nies huma lesti jirriskjaw bil-kbir u jagħmlu sagrifiċċji kbar ħafna sabiex jiksbu l-għana li tixtieq qalbhom.
2 Għalkemm ħafna nies illum m’humiex qed jieħdu sehem fi tfittxija għal teżor letterali, huma jridu jaħdmu iebes biex jaqilgħu l-għajxien. Fis-sistema preżenti, dan jistaʼ jkun taʼ sfida kif ukoll jitlob ħafna mill-ħin u l-enerġija tagħhom u jħallihom iħossuhom dejjem iktar imtaqqlin. Huwa faċli li individwu tant isir konċernat dwar l-ikel, l-ilbies, u d-dar li jispiċċa jittraskura jew saħansitra jinsa l-iktar affarijiet importanti. (Rumani 14:17) Ġesù ta tixbiha, jew parabbola, li ddeskriviet b’eżattezza din it-tendenza umana. Din tinsab f’Luqa 12:16-21.
3. Irrakkonta fil-qosor it-tixbiha taʼ Ġesù mniżżla f’Luqa 12:16-21.
3 Ġesù ta t-tixbiha fl-istess okkażjoni li fiha hu tkellem dwar il-bżonn li individwu jgħasses kontra x-xenqa b’għira, li eżaminajna kemxejn fid-dettall fl-artiklu taʼ qabel. Wara li wissa kontra x-xenqa b’għira, Ġesù tkellem dwar raġel għani li ma kienx kuntent bl-imħażen mimlijin ġid li kellu diġà imma hu ried iħotthom u jibni mħażen akbar sabiex jaħżen iktar ġid. Hekk kif ħaseb li kien lest biex jistrieħ u jgawdi ħajja komda, Alla qallu li ħajtu kienet waslet biex tintemm u li l-ġid kollu li r-raġel kellu maħżun kien se jgawdihom xi ħadd ieħor. Imbagħad Ġesù għalaq b’din l-istqarrija: “Hekk jiġrilu min jaħżen teżor għalih innifsu imma ma jkunx għani m’Alla.” (Luqa 12:21) Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn din il-parabbola? Kif nistgħu napplikaw il-lezzjoni għal ħajjitna stess?
Raġel li Kellu Problema
4. Liema tip taʼ bniedem nistgħu ngħidu li jiġi deskritt fil-parabbola taʼ Ġesù?
4 It-tixbiha li ta Ġesù kienet waħda familjari. Aħna ninnotaw li Ġesù introduċa l-istorja sempliċement billi qal: “Ir-rabaʼ taʼ wieħed għani pproduċa ħafna.” Ġesù ma qalx li r-raġel kiseb ir-rikkezzi b’xi mezz qarrieq jew billi kiser il-liġi. Fi kliem ieħor, hu ma pinġiehx bħala raġel ħażin. Fil-fatt, minn dak li qal Ġesù, huwa raġunevoli li naħsbu li r-raġel li ddeskriva fil-parabbola kien ħadem iebes. Għallinqas nistgħu nifhmu li hu kien raġel li ppjana u ġemmaʼ għall-futur, forsi billi kellu f’moħħu l-benesseri tal-familja tiegħu. Għalhekk, minn ħarsa sekulari, hu jistaʼ jitqies bħala li jirrappreżenta raġel li jaħdem iebes u li kien jieħu l-obbligi tiegħu bis-serjetà.
5. Liema problema ffaċċja r-raġel fil-parabbola taʼ Ġesù?
5 Kien x’kien il-każ, Ġesù sejjaħ lir-raġel tal-parabbola raġel għani, jiġifieri, xi ħadd li diġà kellu abbundanza taʼ ġid materjali. Madankollu, bħalma ddeskrivieh Ġesù, dan ir-raġel għani kellu problema. L-art tiegħu pproduċiet iktar minn kemm kien qed jistenna hu, ħafna iktar minn kemm kellu bżonn jew minn kemm setaʼ jieħu ħsieb. Allura x’messu għamel?
6. Liema għażliet jiffaċċjaw ħafna mill-qaddejja t’Alla llum?
6 Ħafna mill-qaddejja taʼ Ġeħova llum jiffaċċjaw sitwazzjoni tassew simili għal dik tar-raġel għani. Il-Kristjani veri jistinkaw biex ikunu ħaddiema onesti, ħabrieka, u taʼ min joqgħod fuqhom. (Kolossin 3:22, 23) Kemm jekk huma impjegati u kemm jekk għandhom in-negozju tagħhom, huma spiss jirnexxu u saħansitra jispikkaw f’dak li jagħmlu. Meta jiġu offruti xi promozzjoni jew xi opportunità ġdida taʼ negozju, huma jiffaċċjaw deċiżjoni. Għandhom huma jaċċettawha jew jaqilgħu iktar flus? B’mod simili, ħafna Xhieda żgħażagħ imorru tajjeb fl-iskola. Minħabba f’hekk, huma jistgħu jiġu offruti premjijiet jew boroż taʼ studju ħalli jieħdu edukazzjoni avanzata f’istituzzjonijiet rispettati. Għandhom huma sempliċement jagħmlu dak li jagħmel ħaddieħor u jaċċettaw dak li jiġi offrut lilhom?
7. Ir-raġel fil-parabbola taʼ Ġesù kif solva l-problema tiegħu?
7 Biex nerġgħu nirreferu għat-tixbiha taʼ Ġesù, x’għamel ir-raġel għani meta l-art tiegħu tant ipproduċiet b’abbundanza li ma kellux fejn jaħżen il-ħsad tiegħu? Hu ddeċieda li jħott l-imħażen li kellu u jibni mħażen akbar sabiex jaħżen il-qamħ żejjed u l-ġid kollu. Dan il-pjan milli jidher tant tah sens kbir taʼ sigurtà u sodisfazzjon li ħaseb bejnu u bejn ruħu: “Ngħid lil ruħi: ‘Ruħ, għandek ħafna ġid maħżun għal ħafna snin; strieħ, kul, ixrob, u gawdi.’”—Luqa 12:19.
Għala “Iblah”?
8. Liema element vitali ħalla barra r-raġel tal-parabbola taʼ Ġesù?
8 Madankollu, kif ippreżentah Ġesù, il-pjan tar-raġel għani pprovdielu biss sens taʼ sigurtà falz. Minkejja kemm kien jidher prattiku, dan ħalla element vitali wieħed barra—ir-rieda t’Alla. Ir-raġel kien qed jaħseb biss dwaru nnifsu, dwar kif se jkun jistaʼ jistrieħ u jiekol, jixrob, u jgawdi. Hu ħaseb li minħabba li kellu “ħafna ġid,” hu kien se jkollu wkoll “ħafna snin.” Imma sfortunatament, l-affarijiet ma seħħewx kif ħaseb hu. Sewwasew bħalma qal Ġesù iktar kmieni, “anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) Dak il-lejl stess, dak kollu li r-raġel kien ħadem għalih intemm ħesrem, għaliex Alla qallu: “Ja iblah! Dan il-lejl jitolbuk ruħek. Min, mela, se jiħodhom l-affarijiet li ħżint?”—Luqa 12:20.
9. Ir-raġel fil-parabbola għala kien imsejjaħ iblah?
9 Issa wasalna fil-punt prinċipali tat-tixbiha taʼ Ġesù. Lir-raġel, Alla sejjaħlu iblah. L-Exegetical Dictionary of the New Testament jispjega li l-forom tal-kelma Griega li ġiet użata “dejjem ifissru nuqqas taʼ fehma.” Dan jgħid li f’din il-parabbola, Alla huwa rappreżentat bħala li juża l-kelma biex jikxef “in-nuqqas taʼ sinifikat fil-pjanijiet futuri taʼ l-għonja.” Il-kelma ma tirreferix għal xi ħadd li hu nieqes mill-intelliġenza, imma għal “wieħed li jirrifjuta li jirrikonoxxi li jiddependi minn Alla.” Id-deskrizzjoni taʼ Ġesù dwar ir-raġel għani tfakkarna f’dak li qal iktar tard lill-Kristjani fil-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu taʼ Laodiċija, fl-Asja Minuri: “Tgħid: ‘Jien sinjur u ksibt ir-rikkezzi u ma jonqosni xejn affattu,’ imma ma tafx li int miżerabbli u miskin u fqir u agħma u għarwien.”—Rivelazzjoni 3:17.
10. Għala l-fatt li wieħed ikollu “ħafna ġid” m’huwiex garanzija li se jkollu “ħafna snin”?
10 Aħna nagħmlu sew jekk nieħdu l-lezzjoni bis-serjetà. Nistgħu aħna nkunu bħar-raġel fil-parabbola—naħdmu iebes ħafna biex inkunu ċerti li jkollna “ħafna ġid” imma nonqsu li nagħmlu dak li hemm bżonn sabiex niksbu l-prospett li jkollna “ħafna snin”? (Ġwanni 3:16; 17:3) Il-Bibbja tgħid: “Għal xejn ma jiswa l-ġid f’jum l-għadab,” u “min iserraħ fuq ġidu jispiċċa biex jaqaʼ.” (Proverbji 11:4, 28) Għalhekk, Ġesù żied din l-aħħar twissija mal-parabbola: “Hekk jiġrilu min jaħżen teżor għalih innifsu imma ma jkunx għani m’Alla.”—Luqa 12:21.
11. Għala hu fieragħ li individwu jpoġġi t-tama u s-sigurtà tiegħu fil-ġid materjali li jkollu?
11 Meta Ġesù qal “hekk jiġrilu,” hu kien qed jenfasizza li dak li seħħ lir-raġel għani fit-tixbiha se jseħħ ukoll lil dawk li jibnu ħajjithom—it-tama u s-sigurtà tagħhom—biss fuq il-ġid materjali li għandhom. In-nuqqas m’huwiex li wieħed “jaħżen teżor għalih innifsu” imma li wieħed jonqos li jkun “għani m’Alla.” Id-dixxiplu Ġakbu ta twissija simili meta kiteb: “Ejjew, issa, intom li tgħidu: ‘Illum jew għada nivvjaġġaw lejn din il-belt u nqattgħu sena hemmhekk, u ninnegozjaw u nagħmlu l-qligħ,’ filwaqt li ma tafux x’se jsir minnkom għada.” X’għandhom jagħmlu? “Minflok, għandkom tgħidu: ‘Jekk Ġeħova jrid, nibqgħu ħajjin u nagħmlu wkoll dan jew dak.’” (Ġakbu 4:13-15) Minkejja kemm jistaʼ jkun għani individwu jew kemm ikollu ġid materjali, dan kollu se jkun fieragħ jekk m’huwiex għani m’Alla. Imma allura xi jfisser li tkun għani m’Alla?
Inkunu Għonja m’Alla
12. X’se jagħmilna għonja m’Alla?
12 Fl-istqarrija taʼ Ġesù, il-fatt li individwu jkun għani m’Alla huwa b’kuntrast maʼ li individwu jaħżen teżori materjali għalih innifsu, jew li jagħmel lilu nnifsu għani materjalment. Għalhekk, Ġesù kien qed jgħid li l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna m’għandhiex tkun li nġemmgħu r-rikkezzi materjali jew li ngawdu l-affarijiet li għandna. Minflok, aħna għandna nużaw ir-riżorsi tagħna b’tali mod li ntejbu, jew nibnu, ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk żgur li se nsiru għonja m’Alla. Għala? Għaliex dan se jġibilna ħafna barkiet mingħandu. Il-Bibbja tgħidilna: “Il-barka tal-Mulej iġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.”—Proverbji 10:22.
13. Il-barka taʼ Ġeħova kif “iġġib l-għana”?
13 Meta Ġeħova jsawwab il-barkiet fuq in-nies tiegħu, hu dejjem jagħtihom l-aħjar affarijiet. (Ġakbu 1:17) Per eżempju, meta Ġeħova ta dar lill-Iżraelin, din kienet “art tnixxi ħalib u għasel.” Għalkemm l-art taʼ l-Eġittu wkoll kienet ġiet deskritta b’dan il-mod, l-art li Ġeħova ta lill-Iżraelin kienet differenti minn taʼ l-inqas f’aspett vitali wieħed. Din kienet “art li jieħu ħsiebha l-Mulej,” qal Mosè lill-Iżraelin. Fi kliem ieħor, huma kienu se jirnexxu minħabba li Ġeħova kien se jieħu ħsiebhom. Sakemm l-Iżraelin baqgħu leali lejn Ġeħova, huma tbierku minnu bil-kbir u gawdew ħajja li kienet tidher b’mod ċar li hija superjuri għal dik tal-ġnus kollha taʼ madwarhom. Iva, hija l-barka taʼ Ġeħova li “ġġib l-għana”!—Numri 16:13; Dewteronomju 4:5-8; 11:8-15.
14. Xi jgawdu dawk li huma għonja m’Alla?
14 L-espressjoni “għani m’Alla” tiġi tradotta wkoll bħala “għani mill-ħarsa t’Alla” (Today’s English Version) jew “għani f’għajnejn Alla.” (The New Testament in Modern English, taʼ J. B. Phillips) Dawk li huma għonja materjalment ġeneralment huma konċernati dwar kif jidhru f’għajnejn ħaddieħor. Dan spiss jidher fil-mod taʼ ħajja tagħhom. Huma jridu jimpressjonaw lin-nies b’dak li l-Bibbja ssejjaħlu “l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja.” (1 Ġwanni 2:16) Mill-banda l-oħra, dawk li huma għonja m’Alla jgawdu l-approvazzjoni, il-favur, u l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla b’mod abbundanti u għandhom relazzjoni persunali kollha mħabba miegħu. Minħabba li jinsabu f’kundizzjoni prezzjuża bħal din, huma żgur li jħossu sens taʼ kuntentizza u sigurtà, ħafna iktar minn dak li jistgħu jipprovdulhom ir-rikkezzi materjali. (Isaija 40:11) Il-mistoqsija li għandna issa hi, Xi rridu nagħmlu biex inkunu għonja mill-ħarsa t’Alla?
Għonja mill-Ħarsa t’Alla
15. Xi rridu nagħmlu sabiex inkunu għonja m’Alla?
15 Fit-tixbiha taʼ Ġesù, ir-raġel ippjana u ħadem iebes biss biex jagħmel lilu nnifsu għani, u hu ġie msejjaħ iblah. Għalhekk, biex inkunu għonja m’Alla, aħna rridu nistinkaw biex naħdmu iebes u jkollna sehem bis-sħiħ fl-attivitajiet li huma tassew taʼ valur u siewja f’għajnejn Alla. Fosthom hemm dak li kkmanda Ġesù: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.” (Mattew 28:19) Il-fatt li nużaw il-ħin, l-enerġija, u t-talenti tagħna, mhux biex navanzaw is-sitwazzjoni tagħna, imma biex navanzaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli jistaʼ jitqabbel maʼ li nagħmlu investiment finanzjarju. Dawk li għamlu hekk ħasdu ishma għonja spiritwalment, bħalma juru l-esperjenzi li ġejjin.—Proverbji 19:17.
16, 17. Liema esperjenzi tistaʼ tirrakkonta biex turi liema mod taʼ ħajja jagħmel lil wieħed għani mill-ħarsa t’Alla?
16 Ikkunsidra l-każ taʼ raġel Kristjan f’pajjiż fl-Orjent. Hu kellu xogħol li jrendi tajjeb bħala tekniku tal-kompjuters. Madankollu, ix-xogħol tiegħu tistaʼ tgħid kien jokkupa l-ħin kollu li kellu u spiċċa biex beda jħossu dgħajjef spiritwalment. Fl-aħħar mill-aħħar, minflok ma pprova jimxi ’l quddiem f’xogħlu, hu telaq ix-xogħol u beda jagħmel il-ġelati u jbigħhom fit-triq sabiex ikollu iktar ħin ħalli jieħu ħsieb il-bżonnijiet u r-responsabbiltajiet spiritwali tiegħu. Dawk li kienu jaħdmu miegħu bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt, imma x’kien ir-riżultat? “Fir-realtà, mort aħjar finanzjarjament milli meta kont naħdem fil-kompjuters,” qal hu. “Sirt iktar hieni għaliex m’għadx għandi l-istress u l-inkwiet li kelli fix-xogħol taʼ qabel. U l-iktar importanti, issa nħossni eqreb lejn Ġeħova.” Il-bidla għenet lil dan il-Kristjan biex jidħol fil-ministeru full-time, u issa qed jaqdi fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’pajjiżu. Il-barka taʼ Ġeħova tassew “iġġib l-għana.”
17 Eżempju ieħor hu dak taʼ mara li trabbiet f’familja li kellha stima kbira għall-edukazzjoni għolja. Hi attendiet universitajiet fi Franza, il-Messiku, u l-Isvizzera u kellha l-prospett li tibda karriera promettenti. “Jien kont qed nirnexxi; kont rispettata u ngħatajt privileġġi speċjali,” qalet hi, “imma minn ġewwa kelli vojt u nuqqas taʼ sodisfazzjon kbir.” Imbagħad tgħallmet dwar Ġeħova. Hi qalet: “Hekk kif għamilt progress spiritwali, ix-xewqa tiegħi biex nogħġob lil Ġeħova u biex nagħtih lura ftit minn dak li tani hu għenitni nara biċ-ċar liema triq kelli nagħżel—is-servizz full-time.” Hi rriżenjat mill-pożizzjoni tagħha u ftit wara tgħammdet. Bil-ferħ hi qdiet fil-ministeru full-time għal dawn l-aħħar 20 sena. Hi tgħid: “Xi wħud jaħsbu li jien ħlejt it-talenti tiegħi, imma huma jirrikonoxxu li jien ferħana, u jammiraw il-prinċipji li għandi f’ħajti. Kuljum nitlob lil Ġeħova biex jgħinni nkun umli ħalli jkolli l-approvazzjoni tiegħu.”
18. Bħal Pawlu, kif nistgħu nkunu għonja m’Alla?
18 Sawlu, li sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu, kellu karriera promettenti quddiemu. Madankollu, iktar tard hu kiteb: “Jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù l-Mulej tiegħi.” (Filippin 3:7, 8) Għal Pawlu, l-għana li kiseb permezz taʼ Kristu kien superjuri għal kwalunkwe ħaġa li d-dinja setgħet toffrilu. B’mod simili, jekk nabbandunaw kwalunkwe ambizzjoni egoistika u nipprovaw ngħixu ħajja taʼ devozzjoni lejn Alla, aħna wkoll nistgħu ngawdu ħajja li hija għanja mill-ħarsa t’Alla. Il-Kelma t’Alla tiżgurana: “Min jiċċekken u jibżaʼ mill-Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.”—Proverbji 22:4.
Tistaʼ Tispjega?
• Liema problema kellu r-raġel fit-tixbiha taʼ Ġesù?
• Ir-raġel fil-parabbola għala ġie msejjaħ iblah?
• Xi jfisser li tkun għani m’Alla?
• Kif nistgħu nkunu għonja m’Alla?
[Stampa f’paġna 26]
Ir-raġel għani għala ġie msejjaħ iblah?
[Stampa f’paġna 27]
Kif jistgħu opportunitajiet biex nimxu ’l quddiem isiru tassew taʼ prova?
[Stampa f’paġna 28, 29]
“Il-barka tal-Mulej iġġib l-għana”