LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • gt kap. 88
  • Ir-Raġel Għani u Lażżru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ir-Raġel Għani u Lażżru
  • L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ir-​Raġel Għani u Lażżru Jġarrbu Bidla
  • Bidla għar-raġel għani u għal Lazzru
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
gt kap. 88

Kapitlu 88

Ir-​Raġel Għani u Lażżru

ĠESÙ kien qed ikellem lid-​dixxipli tiegħu dwar kif għandhom jużaw b’mod xieraq ir-​rikkezzi materjali, billi spjega li aħna ma nistgħux inkunu rsiera taʼ dawn u fl-​istess waqt inkunu rsiera t’Alla. Il-​Fariżej qed jisimgħu wkoll, u huma jibdew jitkerrhulu lil Ġesù għaliex huma jħobbu l-​flus. Mela hu jgħidilhom: “Intom dawk li tiddikjaraw lilkom infuskom twajbin quddiem il-​bnedmin, imma Alla jafhom lil qlubkom; għaliex dak li hu għoli ħafna fost il-​bnedmin huwa ħaġa moqżieża fid-​dehra t’Alla.”

Wasal iż-​żmien biex jinbidlu ċ-​ċirkustanzi taʼ nies li huma għonja f’dak li huwa ġid tad-​dinja, qawwa politika, u kontroll u influwenza reliġjuża. Huma jridu jiġu mniżżlin ’l isfel. Madankollu, in-​nies li jirrikonoxxu l-​ħtieġa spiritwali tagħhom iridu jiġu mgħollijin ’il fuq. Ġesù jindika bidla bħal din meta hu jissokta jgħid lill-​Fariżej:

“Il-​Liġi u l-​Profeti kienu sa Ġwanni [l-Għammied]. Minn dak in-​nhar ’il quddiem is-​saltna t’Alla qed tiġi ddikjarata bħala aħbar tajba, u kull xorta taʼ persuna qiegħda tistinka bis-​sħiħ lejha. Tabilħaqq, huwa iktar faċli għas-​sema u l-​art li jgħaddu milli għal partiċella waħda taʼ ittra tal-​Liġi li ma titwettaqx.”

L-iskribi u l-​Fariżej huma kburin dwar il-​fatt li kif igħidu huma stess iżommu mal-​Liġi taʼ Mosè. Ftakar li meta Ġesù b’mod mirakoluż ta l-​vista lil ċertu raġel f’Ġerusalemm, huma ftaħru: “Aħna dixxipli taʼ Mosè. Aħna nafu li Alla kellem lil Mosè.” Imma issa l-​Liġi taʼ Mosè wettqet l-​iskop maħsub tagħha taʼ li twassal lil uħud umlin għand is-​Sultan magħżul t’Alla, Ġesù Kristu. Mela ladarba beda l-​ministeru taʼ Ġwanni, kull xorta taʼ persuni, speċjalment l-​umlin u l-​foqra, qed jistinkaw ħafna biex isiru sudditi tas-​Saltna t’Alla.

Ladarba l-​Liġi taʼ Mosè issa qed tiġi mwettqa, l-​obbligu taʼ li wieħed iżommha jrid jispiċċa. Il-​Liġi tippermetti d-​divorzju għal diversi raġunijiet, imma Ġesù issa jgħid: “Kulmin jiddivorzja lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u dak li jiżżewweġ lil mara ddivorzjata minn raġel miżżewweġ jagħmel adulterju.” Stqarrijiet bħal dawn kemm bil-​fors li jirritaw lill-​Fariżej, b’mod speċjali peress li huma jippermettu d-​divorzju għal ħafna raġunijiet!

Billi jkompli bir-​rimarki tiegħu lill-​Fariżej, Ġesù jirrakkonta tixbieha li fiha jidhru żewġt irġiel li l-​istat, jew sitwazzjoni, tagħhom jiġi eventwalment mibdul b’mod drammatiku. Tistaʼ int tiddetermina min huma rrappreżentati mill-​irġiel u xi jfisser li s-​​sitwazzjonijiet tagħhom jiġu mibdulin?

“Imma ċertu raġel kien għani,” jispjega Ġesù, “u kien jiddandan bil-​porpra u bil-​għażel, igawdi minn jum għal jum bi glorja. Imma ċertu tallab li kien jismu Lażżru kien jitpoġġa ħdejn ix-​xatba tiegħu, mimli ulċeri u kien jixtieq li jimla żaqqu bl-​affarijiet li jaqgħu minn fuq il-​mejda tar-​raġel għani. Iva, wkoll, il-​klieb kienu jiġu u jilagħqu l-​ulċeri tiegħu.”

Ġesù hawnhekk juża lir-​raġel għani biex jirrappreżenta lill-​mexxejja reliġjużi Lhud, billi jinkludi mhux biss lill-​Fariżej u lill-​iskribi imma wkoll lis-​Sadduċej u lill-​qassisin ewlenin. Huma għonja bi privileġġi u opportunitajiet spiritwali, u jġibu ruħhom kif kien iġib ruħu r-​raġel għani. L-​ilbies tagħhom taʼ porpra rjali jirrappreżenta l-​pożizzjoni ffavorita tagħhom, u l-​għażel abjad jagħti stampa taʼ li huma jqisu lilhom infushom bħala li huma twajbin.

Din il-​klassi mkabbra tar-​raġel għani tħares lejn in-​nies komuni u foqra bi stmerrija assoluta, billi ssejħilhom ‛am ha·’aʹrets, jew nies tal-​art. It-​tallab Lażżru b’hekk jirrappreżenta lil dawn in-​nies li lilhom il-​mexxejja reliġjużi jiċħdu n-​nutriment u l-​privileġġi spiritwali xierqa. Għalhekk, bħal Lażżru miksi bl-​ulċeri, in-​nies komuni jiġu kkalkulati bħala li huma morda spiritwalment u li jixirqilhom biss li jassoċjaw mal-​klieb. Madankollu, dawk tal-​klassi taʼ Lażżru huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għal nutriment spiritwali u b’hekk qegħdin ħdejn ix-​xatba, jfittxu li jirċievu l-​loqom żgħar taʼ ikel spiritwali li jistgħu jaqgħu minn fuq il-​mejda tar-​raġel għani.

Ġesù issa jissokta jiddeskrivi xi bidliet fil-​kundizzjoni tar-​raġel għani u taʼ Lażżru. Dawn il-​bidliet x’inhuma, u x’jirrappreżentaw?

Ir-​Raġel Għani u Lażżru Jġarrbu Bidla

Ir-​raġel għani jirrappreżenta lill-​mexxejja reliġjużi li huma ffavoriti bi privileġġi u opportunitajiet spiritwali, u Lażżru jagħti stampa tan-​nies komuni li għandhom ġuħ għal nutriment spiritwali. Ġesù jkompli l-​istorja tiegħu, waqt li jiddeskrivi bidla drammatika fiċ-​ċirkustanzi tal-​irġiel.

“Issa mal-​medda taż-​żmien,” igħid Ġesù, “it-​tallab miet u nġarr mill-​anġli fi ħdan Abraham. Ukoll, ir-​raġel għani miet u ġie midfun. U f’Ħades hu rafaʼ għajnejh ’il fuq, billi kien itturmentat, u ra lil Abraham ’il bogħod, u lil Lażżru fi ħdanu miegħu.”

Billi r-​raġel għani u Lażżru m’humiex nies litterali imma jissimbolizzaw klassijiet taʼ nies, loġikament l-​imwiet tagħhom huma wkoll simboliċi. X’jissimbolizzaw jew x’jirrappreżentaw l-​imwiet tagħhom?

Ġesù għadu kif spiċċa juri bidla fiċ-​ċirkustanzi billi jgħid li ‘l-​Liġi u l-​Profeti kienu sa Ġwanni l-​Għammied, imma minn dak in-​nhar ’il hawn is-​Saltna t’Alla qiegħda tiġi ddikjarata.’ Għalhekk, huwa bl-​ippridkar taʼ Ġwanni u taʼ Ġesù Kristu li kemm ir-​raġel għani u kemm Lażżru jmutu rigward iċ-​ċirkustanzi jew kundizzjoni li kienu fihom qabel.

Dawk tal-​klassi umli u niedma taʼ Lażżru jmutu mill-​kundizzjoni spiritwali mċaħħda li kienu fiha qabel u jidħlu f’pożizzjoni taʼ favur divin. Fil-​waqt li qabel huma kienu jħarsu lejn il-​mexxejja reliġjużi għal dak il-​ftit li kien jaqaʼ mill-​mejda spiritwali, issa l-​veritajiet Skritturali mogħtijin permezz taʼ Ġesù qed jimlew il-​bżonnijiet tagħhom. Huma b’hekk miġjuba fi ħdan, jew f’pożizzjoni ffavorita, t’Abraham Akbar, Alla Jehovah.

Min-naħa l-​oħra, dawk li jiffurmaw il-​klassi tar-​raġel għani jiġu taħt in-​nuqqas taʼ favur divin minħabba li b’mod persistenti jirrifjutaw li jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna mgħallem minn Ġesù. Għalhekk huma jmutu mill-​pożizzjoni taʼ favur li jidher li kellhom qabel. Fil-​fatt, huma msejħin bħala li qegħdin f’turment figurattiv. Ismaʼ issa, hekk kif ir-​raġel għani jitkellem:

“Missieri Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lażżru biex ibill tarf sebgħu fl-​ilma u jberridli lsieni, għaliex qiegħed f’dieqa f’dan in-​nar jaqbad.” Il-​messaġġi taʼ ġudizzju jaħarqu t’Alla pproklamati mid-​dixxipli taʼ Ġesù huma dawk li jittormentaw lil individwi tal-​klassi tar-​raġel għani. Huma jridu li d-​dixxipli jieqfu milli jiddikjaraw dawn il-​messaġġi, biex b’hekk jipprovdulhom ftit mistrieħ mit-​turmenti tagħhom.

“Imma Abraham qal, ‘Tfajjel, ftakar li int irċevejt bis-​sħiħ l-​affarijiet tajbin tiegħek meta kont għadek ħaj, imma Lażżru bl-​istess mod l-​affarijiet li jweġġgħu. Issa, madankollu, hu qed ikollu l-​faraġ hawnhekk imma inti qiegħed f’dieqa. U minbarra dawn l-​affarijiet kollha, dagħbien kbir ġie ffissat bejna u bejnkom; biex dawk li jkunu jridu jaqsmu minn hawn għal għandkom ma jistgħux, lanqas ma jistgħu n-​nies jaqsmu minn hemm għal għandna.’”

Kemm hu ġust u xieraq li qlib drammatiku bħal dan iseħħ bejn il-​klassi taʼ Lażżru u l-​klassi tar-​raġel għani! Il-​bidla fil-​kundizzjonijiet hi mwettqa ftit xhur wara f’Pentekoste tat-​33 E.K., meta l-​patt il-​qadim tal-​Liġi jiġi mibdul mal-​patt il-​ġdid. Imbagħad jidher bla dubju ċar li d-​dixxipli, mhux il-​Fariżej u mexxejja reliġjużi oħra, huma ffavoriti minn Alla. Id-​“dagħbien kbir” li jifred lir-​raġel għani simboliku mid-​dixxipli taʼ Ġesù għalhekk jirrappreżenta l-​ġudizzju taʼ tjieba u li ma jitbiddilx t’Alla.

Ir-raġel għani issa jitlob lil “missieri Abraham”: “Ibagħtu [lil Lażżru] f’dar missieri, għax għandi ħamest aħwa.” Ir-​raġel għani b’hekk jistqarr li hu għandu relazzjoni iktar mill-​qrib maʼ missier ieħor, li hu fil-​fatt Satana x-​Xitan. Ir-​raġel għani jitlob li Lażżru jmur inaqqas mill-​qawwa tal-​messaġġi taʼ ġudizzju t’Alla biex ma jpoġġix lill-​“ħamest aħwa,” allejati reliġjużi tiegħu, “f’dan il-​post taʼ turment.”

“Imma Abraham qal: ‘Għandhom lil Mosè u lill-​Profeti; ħalli jisimgħu minn dawn.’” Iva, jekk il-​“ħamest aħwa” jridu jaħarbu t-​turment, kulma għandhom jagħmlu hu li jagħtu kas tal-​kitbiet taʼ Mosè u l-​Profeti li jidentifikaw lil Ġesù bħala l-​Messija u mbagħad isiru dixxipli tiegħu. Imma r-​raġel għani joġġezzjona: “Le, tabilħaqq, missieri Abraham, imma jekk xi ħadd mill-​imwiet imur għandhom, huma se jindmu.”

Madankollu, jintqallu: “Jekk ma jisimgħux minn Mosè u mill-​Profeti, lanqas se jkunu pperswaduti jekk xi ħadd iqum mill-​imwiet.” Alla mhux se jipprovdi sinjali speċjali jew mirakli biex jikkonvinċi lin-​nies. In-​nies iridu jaqraw u japplikaw l-​Iskrittura jekk iridu jiksbu l-​favur tiegħu. Luqa 16:​14-31; Ġwann 9:​28, 29; Mattew 19:​3-9; Galatin 3:24; Kolossin 2:14; Ġwann 8:44.

▪ L-​imwiet tar-​raġel għani u taʼ Lażżru għala jridu jkunu simboliċi, u x’inhu ffigurat mill-​imwiet tagħhom?

▪ Bil-​bidu tal-​ministeru taʼ Ġwanni, Ġesù jindika li sseħħ liema bidla?

▪ Wara l-​mewt taʼ Ġesù liema ħaġa trid titwarrab, u dan kif se jeffettwa l-​kwistjoni tad-​divorzju?

▪ Fit-​tixbieha taʼ Ġesù, min huma rrappreżentati mir-​raġel għani u minn Lażżru?

▪ X’inhuma t-​turmenti li r-​raġel għani jsofri, u b’liema mod huwa jitlob li dawn jitnaqqsu?

◆ Id-​“dagħbien kbir” x’jirrappreżenta?

◆ Min hu l-​veru missier tar-​raġel għani, u min huma l-​ħamest aħwa tiegħu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja