Nimxu m’Alla—Bl-Eternità Quddiem Għajnejna
“Aħna nimxu f’isem il-Mulej, Alla tagħna,
għal dejjem taʼ dejjem.”—MIKEA 4:5.
1. Jehovah għala jistaʼ jissejjaħ is-“Sultan taʼ l-eternità”?
ALLA JEHOVAH ma kellux bidu. Hu bix-xieraq jissejjaħ ix-“Xiħ fl-għomor,” ladarba l-eżistenza tiegħu testendi bla limiti fil-passat. (Danjel 7:9, 13) Jehovah se jgawdi wkoll futur etern. Hu waħdu s-“Sultan taʼ l-eternità.” (Apokalissi 10:6; 15:3, NW) U f’għajnejh, elf sena huma “bħal jum taʼ lbieraħ li għadda, jew bħal sahra tal-lejl.”—Salm 90:4.
2.(a) X’inhu l-iskop t’Alla għall-bnedmin ubbidjenti? (b) Fuq liema ħaġa għandna niffokaw it-tamiet u l-pjanijiet tagħna?
2 Ladarba d-Donatur tal-ħajja hu etern, setaʼ joffri lill-ewwel koppja umana, Adam u Eva, il-prospett taʼ ħajja bla tmiem fil-Ġenna taʼ l-Art. Madankollu, minħabba d-diżubbidjenza, Adam tilef id-dritt għall-ħajja taʼ dejjem, u hekk għadda d-dnub u l-mewt lid-dixxendenti tiegħu. (Rumani 5:12) Iżda l-irvell taʼ Adam ma fixkilx l-iskop oriġinali t’Alla. Hija r-rieda taʼ Jehovah li bnedmin ubbidjenti jgħixu għal dejjem, u żgur li se jwettaq l-iskop tiegħu. (Isaija 55:11) Kemm huwa xieraq, għalhekk, li niffokaw it-tamiet u l-pjanijiet tagħna fuq li naqdu lil Jehovah bl-eternità quddiem għajnejna! Fil-waqt li rridu nżommu l-“Jum taʼ Alla” qrib f’moħħna, huwa vitali li niftakru li l-mira tagħna hija li nimxu m’Alla għal dejjem.—2 Pietru 3:12.
Jehovah Jaġixxi fiż-Żmien Maħtur Minnu
3. Kif nafu li Jehovah għandu “żmien” maħtur biex iwettaq l-iskopijiet tiegħu?
3 Bħala wħud li nimxu m’Alla, jinteressana ħafna li nagħmlu r-rieda tiegħu. Aħna nafu li Jehovah hu l-Kronometrista l-Kbir, u għandna fiduċja li qatt ma se jonqos li jwettaq l-iskopijiet tiegħu fiż-żmien maħtur minnu. Per eżempju, “meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu.” (Galatin 4:4) Lill-appostlu Ġwanni ntqallu li kien hemm “żmien” maħtur għat-twettiq taʼ l-affarijiet profetiċi li ra permezz taʼ sinjali. (Apokalissi 1:1-3) Hemm “iż-żmien [maħtur] li jsir ħaqq mill-mejtin.” (Apokalissi 11:18) Iktar minn 1,900 sena ilu, l-appostlu Pawlu ġie mnebbaħ jgħid li Alla “għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-dinja.”—Atti 17:31.
4. Kif nafu li Jehovah jixtieq itemm dis-sistema t’affarijiet mill-agħar?
4 Jehovah se jtemm lil dis-sistema t’affarijiet mill-agħar, għax ismu qed jiġi mżeblaħ fid-dinja tal-lum. Il-ħżiena nibtu bħall-ħaxix. (Salm 92:8 [Salm 92:7, NW]) Permezz tal-kliem u l-għemil tagħhom, huma jinsulentaw lil Alla, u hu jweġġaʼ meta jara lill-qaddejja tiegħu mżebilħin u ppersegwitati. (Żakkarija 2:12 [Żakkarija 2:8, NW]) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah ddikjara li l-organizzazzjoni taʼ Satana kollha kemm hi dalwaqt se tinġieb fi tmiem! Alla ddeċieda eżattament meta dan se jseħħ, u t-twettiq tal-profeziji Bibliċi jagħmilha ċara li issa qegħdin ngħixu fiż-“żmien taʼ l-aħħar.” (Danjel 12:4) Hu dalwaqt se jaġixxi biex ikunu jistgħu jitbierku dawk kollha li jħobbuh.
5. Lot u Ħabakkuk kif kienu jħarsu lejn il-kundizzjonijiet li kienu mdawrin bihom?
5 Il-qaddejja taʼ Jehovah tal-passat kienu jixxennqu li jaraw it-tmiem tal-ħażen. It-twajjeb Lot kien ‘mifni ħtija taʼ l-imġiba bla rażan tal-ħżiena.’ (2 Pietru 2:7) Imnikket minħabba l-kundizzjonijiet li kien imdawwar bihom, il-profeta Ħabakkuk talab bil-ħniena: “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax! Jew ngħajjat: ‘Vjolenza!’ u int ma ssalvax! Għaliex turini l-ħażen, u int toqgħod tħares lejn il-ħtija? Quddiemi qerda u vjolenza, hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.”—Ħabakkuk 1:2, 3.
6. Jehovah x’qal bi tweġiba għat-talba taʼ Ħabakkuk, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
6 Dan li ġej hu parti minn dak li Jehovah qal lil Ħabakkuk bi tweġiba: “Id-dehra sseħħ meta jkun waqtha, tistenna se ma ttemm, u ma tqarraqx. Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!” (Ħabakkuk 2:3) B’hekk, Alla għarrafna li se jaġixxi fiż-“żmien” maħtur. Għalkemm ikun donnu jidher li hemm xi dewmien, Jehovah se jwettaq l-iskop tiegħu—mingħajr ma jonqos!—2 Pietru 3:9.
Naqdu b’Żelu Kontinwu
7. Għalkemm Ġesù ma kienx jaf eżatt meta kellu jiġi jum Jehovah, hu kif wettaq l-attivitajiet tiegħu?
7 Hemm xi ħtieġa li nkunu nafu l-waqt eżatt meta se jseħħu l-ġrajjiet biex nimxu m’Alla b’mod żeluż? Le, m’hemmx. Ikkunsidra xi ftit eżempji. Ġesù wera interess kbir dwar iż-żmien meta r-rieda t’Alla kellha ssir fl-art bħalma hi fis-sema. Tabilħaqq, Kristu għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.” (Mattew 6:9, 10) Għalkemm Ġesù kien jaf li din it-talba kienet se titwieġeb, ma kienx jaf il-waqt preċiż meta kellhom iseħħu dawn l-affarijiet. Fil-profezija l-kbira tiegħu rigward it-tmiem taʼ dis-sistema t’affarijiet, hu qal: “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn la meta se jaslu, la l-anġli tas-sema u lanqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier waħdu.” (Mattew 24:36) Ladarba Ġesù Kristu huwa ċentrali fit-twettiq taʼ l-iskopijiet t’Alla, hu se jkun involut direttament fl-esekuzzjoni taʼ l-għedewwa taʼ Missieru tas-sema. Madankollu, meta Ġesù kien fuq l-art, lanqas hu ma kien jaf meta Alla kellu jaġixxi. Għamlu dan inqas żeluż fis-servizz taʼ Jehovah? Dażgur li le! Meta raw lil Ġesù jnaddaf it-tempju b’żelu, “id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, ‘Il-ħeġġa għal darek fnietni’” (Ġwann 2:17; Salm 69:10 [Salm 69:9, NW]) Ġesù żamm ruħu okkupat bis-sħiħ fix-xogħol li kien intbagħat jagħmel, u għamlu b’żelu kontinwu. Qeda wkoll lil Alla bl-eternità quddiem għajnejh.
8, 9. Meta d-dixxipli staqsew dwar ir-restawr tas-Saltna, x’intqalilhom, u kif irreaġixxew?
8 Dan kien veru wkoll fil-każ tad-dixxipli taʼ Kristu. Ġesù ltaqaʼ magħhom eżatt qabel ma telaʼ s-sema. Ir-rakkont jgħid: “Kif kienu flimkien staqsewh: ‘Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġaʼ twaqqaf is-Saltna taʼ Iżrael?’” Bħall-Imgħallem tagħhom, kienu mxennqin biex tiġi s-Saltna. Iżda Ġesù weġibhom: “M’hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.”—Atti 1:6-8.
9 M’hemm ebda indikazzjoni li d-dixxipli kienu skuraġġiti b’din it-tweġiba. Minflok, ħabirku b’mod żeluż fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Fi ftit ġimgħat, kienu mlew ’il Ġerusalemm bit-tagħlim tagħhom. (Atti 5:28) U fi żmien 30 sena, kienu espandew l-attività tagħhom taʼ ppridkar sa tali punt li Pawlu setaʼ jgħid li l-aħbar tajba kienet tħabbret “lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.” (Kolossin 1:23) Għalkemm is-Saltna ma reġgħetx ġiet ‘imwaqqfa f’Iżrael’ bħalma kienu stennew b’mod żbaljat id-dixxipli u ma ġietx stabbilita fis-sema matul ħajjithom, huma baqgħu jaqdu b’mod żeluż lil Jehovah bl-eternità quddiem għajnejhom.
Neżaminaw il-Motivi Tagħna
10. Li ma nafux meta Alla se jeqred lis-sistema taʼ Satana jippermettilna nagħtu evidenza taʼ liema ħaġa?
10 Qaddejja taʼ Jehovah fi żmienna wkoll jixxennqu biex jaraw it-tmiem taʼ dis-sistema t’affarijiet mill-agħar. Madankollu, it-tħassib prinċipali tagħna m’huwiex li niġu meħlusin għal ġod-dinja ġdida mwiegħda t’Alla. Irridu naraw isem Jehovah jitqaddes u s-sovranità tiegħu vvindikata. Minħabba f’dan, nistgħu nifirħu li Alla ma qalilniex ‘il-jum jew is-siegħa’ li ġew stabbiliti għall-qerda tas-sistema taʼ Satana. Dan jippermettilna nagħtu evidenza li aħna determinati li nimxu m’Alla eternament għax inħobbuh u mhux għax għandna miri immedjati u egoistiċi.
11, 12. L-integrità taʼ Ġob b’liema mod kienet ġiet sfidata, u aħna fiex nidħlu f’dik l-isfida?
11 Iż-żamma taʼ l-integrità tagħna lejn Alla tgħinna wkoll nuru li x-Xitan kien żbaljat meta allega li r-raġel rett, Ġob—u b’hekk il-bnedmin bħalu—jaqdu lil Alla minħabba interessi persunali. Wara li Jehovah ddeskriva lill-qaddej tiegħu Ġob bħala raġel bla ħtija, rett, u li jibżaʼ minn Alla, Satana b’ħażen allega: “Tgħid għal xejn Ġob jibżaʼ minn Alla? Forsi int ma bnejtx ħajt madwaru u madwar daru, u madwar kull ma għandu kif iddur? Berikt kull ma għamlu jdejh, u ġidu kotor maʼ l-art kollha kemm hi. Imma midd idek u olqot kull ma għandu, u tara jekk jisħtekx f’wiċċek.” (Ġob 1:8-11) Billi żamm l-integrità tiegħu meta kien taħt prova, Ġob wera li din l-allegazzjoni malizzjuża hi falza.
12 Billi bl-istess mod inżommu maʼ korsa taʼ integrità, nistgħu nwaqqgħu kwalunkwe akkuża satanika, li aħna naqdu lil Alla biss għax nafu li hemm premju jistenniena. Il-fatt li ma nafux il-waqt eżatt meta se tiġi esegwita l-vendetta t’Alla fuq il-ħżiena jagħtina l-opportunità li nuru li aħna verament inħobbu lil Jehovah u li rridu nimxu fil-mogħdijiet tiegħu għal dejjem. Dan juri li aħna leali lejn Alla u nafdaw fil-mod kif hu jmexxi l-affarijiet. Iktar minn hekk, li ma nafux il-jum u s-siegħa jgħinna nibqgħu għassa u mqajmin spiritwalment għax nirrealizzaw li t-tmiem jistaʼ jiġi fi kwalunkwe ħin, bħal ħalliel bil-lejl. (Mattew 24:42-44) Billi kuljum nimxu maʼ Jehovah, aħna nferrħulu qalbu u nagħtu tweġiba lix-Xitan, li jgħajru.—Proverbji 27:11.
Nippjanaw għall-Eternità!
13. Il-Bibbja x’tindika dwar li nippjanaw għall-futur?
13 Dawk li jimxu m’Alla jafu li huwa għaqli li tagħmel pjanijiet raġunevoli għall-futur. Billi huma konxji dwar il-problemi u l-limitazzjonijiet tax-xjuħija, ħafna nies jipprovaw jagħmlu użu tajjeb minn żgħożithom u saħħithom sabiex meta jikbru fl-età jistgħu jkollhom sigurtà finanzjarja. Xi ngħidu, allura, dwar il-futur spiritwali tagħna li hu ferm iktar importanti? Proverbji 21:5 jgħid: “Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu; imma min jgħaġġel jiġi fil-bżonn.” Li nippjanaw għall-futur bl-eternità quddiem għajnejna huwa verament vantaġġuż. Ladarba ma nafux eżatt meta se jiġi t-tmiem taʼ dis-sistema t’affarijiet, għandna bżonn naħsbu dwar il-bżonnijiet futuri tagħna. Imma ejjew inkunu bbilanċjati u npoġġu l-interessi divini l-ewwel fil-ħajja. Nies neqsin mill-fidi forsi jikkonkludu li jekk wieħed jiċċentra l-interessi tiegħu fuq li jagħmel ir-rieda t’Alla, ikun qed jara sa mnieħru. Imma veru hekk?
14, 15. (a) Ġesù liema tixbieha rrakkonta rigward pjanijiet għall-futur? (b) L-għani tat-tixbieha taʼ Ġesù għala kien jara biss sa mnieħru?
14 Ġesù rrakkonta tixbieha li titfaʼ dawl f’dan ir-rigward. Qal: “Wieħed raġel għani ġabar kotra taʼ frott mir-rabaʼ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira taʼ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!’ Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura’. U ħwejjeġ li ħejjejt għalik, taʼ min ikunu?’ Hekk jiġrilu min jiġmaʼ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”—Luqa 12:16-21.
15 Kien Ġesù qed jagħmel il-punt li l-għani ma kienx imissu ħadem bl-iskop li jkollu sigurtà materjali? Le, għax l-Iskrittura tinkuraġġixxi li wieħed jaħdem iebes. (2 Tessalonikin 3:10) L-iżball taʼ l-għani kien li hu m’għamilx dak li kien neċessarju biex “jistagħna quddiem Alla.” Anki li kieku setaʼ jgawdi l-ġid materjali tiegħu għal bosta snin, eventwalment xorta kien se jmut. Hu kellu vista qasira, billi ma ħasibx dwar l-eternità.
16. Għala nistgħu nistrieħu b’fiduċja fuq Jehovah għal futur taʼ sigurtà?
16 Il-mixi tagħna maʼ Jehovah bl-eternità quddiem għajnejna huwa kemm prattiku u kemm għaqli. Huwa l-aħjar mod li nippjanaw għall-futur. Fil-waqt li huwa għaqli li nagħmlu pjanijiet prattiċi rigward l-edukazzjoni, l-impjieg, u r-responsabbiltajiet tal-familja, għandna dejjem niftakru li Jehovah qatt ma jabbanduna ’l-qaddejja leali tiegħu. Is-Sultan David kanta: “Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittalbu ħobżhom.” (Salm 37:25) Ġesù bl-istess mod assigurana li Alla jipprovdi lil dawk kollha li jfittxu l-ewwel is-Saltna u jimxu fil-mogħdijiet taʼ tjieba taʼ Jehovah.—Mattew 6:33.
17. Kif nafu li t-tmiem huwa qrib?
17 Għalkemm aħna naqdu ’l Alla bl-eternità quddiem għajnejna, xorta waħda rridu nżommu f’moħħna jum Jehovah. It-twettiq tal-profezija Biblika jixhed b’mod elokwenti li dan il-jum huwa tassew viċin. Dan is-seklu kien ikkaratterizzat bi gwerer, pesti, terremoti, u skarsezzi taʼ ikel, flimkien mal-persekuzzjoni taʼ Kristjani veri u l-ippridkar globali taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Dawn kollha huma karatteristiċi taż-żmien tat-tmiem taʼ dis-sistema t’affarijiet mill-agħar. (Mattew 24:7-14; Luqa 21:11) Id-dinja mimlija b’nies mogħtijin “għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb; tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla.” (2 Timotju 3:1-5) F’dawn l-aħħar jiem kritiċi, il-ħajja hija diffiċli għalina bħala qaddejja taʼ Jehovah. Kemm nixxennqu għal dan il-jum meta s-Saltna t’Alla se tiknes il-ħażen kollu! Sadattant, ejjew inkunu determinati li nimxu m’Alla bl-eternità quddiem għajnejna.
Naqdu bil-Ħajja bla Tmiem Quddiem Għajnejna
18, 19. Kif nafu li wħud leali tal-qedem qdew lil Alla bl-eternità quddiem għajnejhom?
18 Hekk kif nimxu maʼ Jehovah, ejjew inżommu f’moħħna l-fidi taʼ Abel, Ħenok, Noè, Abraham, u Sara. Wara li semmiehom, Pawlu kiteb: “Kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu li huma kienu barranin u għorba fuq l-art.” (Lhud 11:13) Dawn l-uħud leali kienu “jixtiequ pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema.” (Lhud 11:16) Bil-fidi, huma ħarsu ’l quddiem lejn post aħjar taħt il-ħakma tas-Saltna Messjanika t’Alla. Nistgħu nkunu żguri li Alla se jippremjahom bil-ħajja eterna f’dak il-post aħjar—il-Ġenna taʼ l-art taħt il-ħakma tas-Saltna.—Lhud 11:39, 40.
19 Il-profeta Mikea esprima d-determinazzjoni tal-poplu taʼ Jehovah li jqim lil Alla eternament. Kiteb: “Il-popli kollha jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu; imma aħna nimxu f’isem il-Mulej, Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.” (Mikea 4:5) Sa mewtu, Mikea qeda lil Jehovah lealment. Meta jiġi rxoxtat fid-dinja l-ġdida, bla dubju dan il-profeta se jkompli jimxi m’Alla għall-eternità kollha. X’eżempju mill-aħjar għalina li qegħdin ngħixu fl-aħħar taż-żmien tat-tmiem!
20. X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
20 Jehovah japprezza l-imħabba li nuru għal ismu. (Lhud 6:10) Hu jaf li huwa diffiċli għalina li nżommu l-integrità lejh f’did-dinja ddominata mix-Xitan. Fil-waqt li “d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi,” madankollu, “min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:17; 5:19) Bil-għajnuna taʼ Jehovah, mela, ejjew inkunu determinati li nissaportu l-provi li niffaċċjaw minn jum għall-ieħor. Jalla dak li naħsbu dwaru u l-mod taʼ ħajja tagħna jiffokaw fuq il-barkiet taʼ l-għaġeb imwegħdin minn Missierna tas-sema kollu mħabba. Dawn jistgħu jkunu tagħna jekk nibqgħu nimxu m’Alla bl-eternità quddiem għajnejna.—Ġuda 20, 21.
Kif Twieġeb Int?
◻ X’inhu l-iskop t’Alla għall-bnedmin ubbidjenti?
◻ Jehovah għala għadu m’aġixxiex biex itemm lid-dinja li ma ssegwix prinċipji divini?
◻ Il-fatt li ma nafux eżatt meta Alla se jaġixxi għala m’għandux inaqqsilna ż-żelu tagħna?
◻ Liema huma xi benefiċċji li jiġu meta nimxu m’Alla bl-eternità quddiem għajnejna?
[Stampa f’paġna 17]
Li nimxu m’Alla jirrikjedi li naqduh b’żelu bħalma għamlu d-dixxipli bikrin taʼ Kristu