L-Aħbar Tajba Skont Mattew
13 Dakinhar, Ġesù telaq mid-dar u mar bilqiegħda ħdejn il-baħar. 2 U nġabret madwaru folla kbira. Għalhekk, hu telaʼ f’dgħajsa u poġġa fiha waqt li n-nies kienu max-xatt. 3 Imbagħad għallimhom ħafna affarijiet bl-eżempji, u qalilhom: “Kien hemm raġel li ħareġ jiżraʼ. 4 Waqt li kien qed jiżraʼ, xi żrieragħ waqgħu fil-ġenb tat-triq, u l-għasafar kiluhom. 5 Xi żrieragħ oħra waqgħu fuq il-blat fejn ma kienx hemm ħafna ħamrija, u għalhekk mill-ewwel bdew jinbtu. 6 Imma meta ħarġet ix-xemx, dawn inħarqu u nixfu għax ma kellhomx għeruq. 7 Xi żrieragħ oħra waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber, għattiehom, u ma ħallihomx jikbru. 8 Imma kien hemm xi żrieragħ li waqgħu f’ħamrija tajba u għamlu l-frott. Min għamel 100, min 60, u min 30. 9 Kull min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ.”
10 Għalhekk id-dixxipli resqu lejh u staqsewh: “Għala tgħallem lin-nies bl-eżempji?” 11 Hu wiġibhom: “Intom ingħatajtu l-privileġġ li tifhmu s-sigrieti* tas-Saltna t’Alla,* imma huma le. 12 Għax min għandu, se jingħatalu iktar u se jkollu bl-abbundanza; imma min m’għandux, anki l-ftit li għandu se jittiħidlu. 13 Huwa għalhekk li nkellimhom bl-eżempji, għax għalkemm iħarsu, ma jarawx, u għalkemm jisimgħu, ma jagħtux kas u ma jifhmux. 14 Dak li kiteb dwarhom il-profeta Isaija qed iseħħ. Hu qal: ‘Għalkemm tisimgħu m’intomx se tifhmu, u għalkemm tħarsu m’intomx se taraw. 15 Għax dan il-poplu rasu iebsa. Huma jisimgħu imma ma jagħtux kas u jagħlqu għajnejhom u widnejhom sabiex la jaraw u lanqas jisimgħu. Minħabba f’hekk, ma jifhmux x’għandhom bżonn jagħmlu u ma jdurux lura għandi biex inkun nistaʼ nfejjaqhom.’
16 “Imma intom ferħanin għax taraw u tisimgħu dawn l-affarijiet. 17 Naċċertakom li ħafna profeti u nies sewwa xtaqu jaraw l-affarijiet li qed taraw intom u jisimgħu l-affarijiet li qed tisimgħu intom.
18 “Mela, issa isimgħu xi jfisser l-eżempju tar-raġel li ħareġ jiżraʼ. 19 In-nies li huma mqabblin mal-ġenb tat-triq, huma dawk li jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna imma ma jifhmuhx. Imbagħad jiġi l-Ħażin u jiħdilhom dak li jkun inżeraʼ f’qalbhom. 20 U n-nies li huma mqabblin mal-blat, huma dawk li jisimgħu l-messaġġ u jaċċettawh bil-ferħ mill-ewwel. 21 Għalkemm dawn jaċċettawh għal xi żmien, dan ma jrabbix l-għeruq f’qalbhom. Għalhekk, meta jinqalgħu l-problemi jew il-persekuzzjoni, jitfixklu mill-ewwel. 22 U dawk li huma mqabblin mal-post mimli xewk, huma dawk li jisimgħu l-messaġġ imma ma jħalluhx jikber għax jinkwetaw fuq il-ħajja u jaħsbu li bil-flus jistgħu jagħmlu kollox. B’hekk ma jagħmlux frott. 23 Imma dawk li jitqabblu maʼ ħamrija tajba, huma dawk li jisimgħu l-messaġġ, jifhmuh, u jagħmlu l-frott. Min jagħmel 100, min 60, u min 30.”
24 Hu qalilhom eżempju ieħor: “Is-Saltna t’Alla tistaʼ titqabbel maʼ raġel li żeraʼ l-għalqa tiegħu b’żerriegħa tajba. 25 Waqt li n-nies kienu reqdin, mar l-għadu tiegħu u żeraʼ ħaxix ħażin* fuq il-qamħ u telaq. 26 Meta l-qamħ kiber, telaʼ wkoll il-ħaxix ħażin. 27 Allura, l-ilsiera taʼ dan ir-raġel waslu u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Allura kif telaʼ l-ħaxix ħażin?’ 28 Hu qalilhom, ‘Xi għadu għamel dan.’ L-ilsiera qalulu, ‘Tridna mmorru nneħħuh?’ 29 Hu qalilhom, ‘Le, għax nibżaʼ li meta tneħħu l-ħaxix ħażin, taqilgħu l-qamħ ukoll. 30 Ħalluhom jikbru flimkien, imbagħad fi żmien il-ħsad ngħid lil dawk li jaħsdu biex l-ewwel jaqilgħu l-ħaxix ħażin u jiġbruh f’qatet ħalli jaħarquh, imbagħad jiġbru l-qamħ u jpoġġuh fil-maħżen tiegħi.’”
31 Imbagħad qalilhom eżempju ieħor: “Is-Saltna t’Alla hi bħal żerriegħa tal-mustarda li raġel żeraʼ fl-għalqa tiegħu. 32 Din hi l-iżgħar żerriegħa, imma meta tikber, issir akbar mill-ħxejjex l-oħrajn kollha u ssir siġra li l-għasafar ikunu jistgħu jistkennu fiha.”
33 Wara tahom eżempju ieħor: “Is-Saltna t’Alla hi bħal ħmira li mara ħalltitha maʼ ħafna dqiq,* u mbagħad l-għaġina kollha għoliet.”
34 Ġesù għallem dawn l-affarijiet kollha bl-eżempji. Infatti, ma kienx ikellimhom mingħajr ma juża xi eżempju. 35 B’hekk, seħħ dak li qal Alla permezz tal-profeta: “Jien se nkellimhom bl-eżempji. Se ngħidilhom affarijiet li ilhom moħbijin minn żmien twil ilu.”*
36 Wara li spiċċa jkellem lill-folla, hu mar id-dar. Id-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Spjegalna xi jfisser l-eżempju tal-ħaxix ħażin fl-għalqa.” 37 Hu wiġibhom: “Dak li żeraʼ ż-żerriegħa t-tajba hu jien, Bin il-bniedem. 38 L-għalqa hi d-dinja u ż-żerriegħa t-tajba huma dawk li se jidħlu fis-Saltna* t’Alla, imma l-ħaxix ħażin huma t-tfal tax-Xitan.* 39 L-għadu li żeraʼ l-ħaxix il-ħażin hu x-Xitan. Il-ħsad hu l-aħħar jiem taʼ din id-dinja* u dawk li jaħsdu huma l-anġli. 40 Għalhekk, bħalma l-ħaxix ħażin jinġabar u jinħaraq, hekk se jiġri fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja. 41 Jien, Bin il-bniedem, se nibgħat l-anġli tiegħi biex ineħħu mis-Saltna tiegħi lil dawk li jġiegħlu lil oħrajn jidinbu u lil dawk li jagħmlu l-ħażen, 42 u mbagħad jitfgħuhom fin-nar. Hemmhekk se jibku u jħossuhom iddisprati.* 43 F’dak iż-żmien, in-nies sewwa se jiddu bħax-xemx fis-Saltna taʼ Missierhom. Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ.
44 “Is-Saltna t’Alla hi bħal teżor moħbi f’għalqa li raġel isibu u jerġaʼ jaħbih. Hu tant jifraħ li jmur u jbigħ kulma għandu u jixtri dik l-għalqa.
45 “Is-Saltna t’Alla tistaʼ titqabbel ukoll maʼ negozjant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-isbaħ. 46 Meta sab perla taʼ valur kbir, mar mill-ewwel ibigħ kulma kellu u xtraha.
47 “Jerġaʼ s-Saltna t’Alla tistaʼ titqabbel maʼ xibka li tintefaʼ fil-baħar u tiġbor kull tip taʼ ħut. 48 Meta timtela, is-sajjieda jtellgħuha x-xatt, joqogħdu bilqiegħda, u jitfgħu l-ħut tajjeb fil-kannestri, imma l-bqija jarmuh. 49 Hekk se jiġri fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja. L-anġli se jmorru u jifirdu lin-nies sewwa mill-ħżiena, 50 u lill-ħżiena jitfgħuhom fin-nar. Hemmhekk se jibku u jħossuhom iddisprati.”*
51 Ġesù qalilhom: “Fhimtu kollox?” Huma qalulu: “Iva.” 52 Imbagħad qalilhom: “La fhimtu, kunu afu li kull għalliem li sar jaf dwar is-Saltna t’Alla hu bħal sid taʼ dar li joħroġ mit-teżori tiegħu affarijiet ġodda u qodma.”
53 Wara li Ġesù qal dawn l-eżempji, telaq minn hemmhekk. 54 Meta wasal fl-inħawi fejn trabba, hu beda jgħallem lin-nies fis-sinagoga tagħhom, tant li huma baqgħu mbellhin u qalu: “Dan ir-raġel minn fejn ġab dan l-għerf u l-qawwa biex jagħmel dawn il-mirakli? 55 Dan mhux it-tifel tal-mastrudaxxa? Ommu mhux Marija? U ħutu mhux Ġakbu, Ġużeppi, Xmun, u Ġuda? 56 U ħutu l-bniet mhux kollha nafuhom? Allura, minn fejn ġab dan l-għerf u l-qawwa biex jagħmel il-mirakli?” 57 B’hekk m’emmnuhx. Imma Ġesù qalilhom: “Profeta jiġi rrispettat kullimkien minbarra fejn trabba u mill-familja tiegħu.” 58 Peress li ma kellhomx fidi fih, hu m’għamilx ħafna mirakli hemm.