Reliġjon Kristjana Waħda Vera—Realtà
ĠESÙ KRISTU stabbilixxa knisja, jew kongregazzjoni, waħda. Dik il-kongregazzjoni kienet ġisem spiritwali, familja spiritwali, jiġifieri, il-ġbir flimkien taʼ nies magħżulin mill-ispirtu qaddis t’Alla—kollha rikonoxxuti minn Alla sabiex ikunu ‘wliedu.’—Rumani 8:16, 17; Galatin 3:26.
Ġesù għallem li Alla uża mod wieħed biss biex jidderieġi lin-nies lejn il-verità u l-ħajja. Biex jagħti stampa taʼ dik il-verità importanti, Ġesù qabbel il-mogħdija għall-ħajja taʼ dejjem maʼ triq. Hu qal: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesaʼ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!”—Mattew 7:13, 14; Ġwanni 14:6; Atti 4:11, 12.
Kongregazzjoni Magħquda
M’għandniex naħsbu dwar il-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu bħala “soċjetà organizzata li kienet tinsab mad-dinja kollha, universali, bħalma nfissru llum meta nitkellmu dwar il-knisja Kattolika,” jgħid The New Dictionary of Theology. Għala le? Ikompli biex jgħid: “Għar-raġuni sempliċi li soċjetà universali organizzata qatt m’eżistiet.”
Ħadd ma jistaʼ jiċħad il-fatt li l-kongregazzjoni Kristjana bikrija xejn ma kienet tixbah lis-sistemi taʼ knejjes stabbiliti li naraw illum. Imma kienet organizzata. Kongregazzjonijiet individwali ma kinux jiffunzjonaw indipendenti minn xulxin. Kollha rrikonoxxew l-awtorità tal-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm. Dik il-ġemgħa—li kienet ifformata mill-appostli u xi rġiel ixjeħ tal-kongregazzjoni f’Ġerusalemm—għenet biex tippreserva l-għaqda tal-kongregazzjoni bħala l-“ġisem wieħed” taʼ Kristu.—Efesin 4:4, 11-16; Atti 15:22-31; 16:4, 5.
X’sar minnha dik il-kongregazzjoni waħda vera? Saret din il-Knisja Kattolika setgħana? Żviluppat din fis-sistema tal-knisja Protestanta mifruda u maqsuma fi gruppi differenti li naraw illum? Jew ġara xi ħaġa oħra?
“Il-Qamħ” u “s-Sikrana”
Sabiex insibu t-tweġibiet, ejja nikkunsidraw bir-reqqa dak li qal Ġesù Kristu stess dwar x’kellu jsir. Forsi tiskanta meta ssir taf li Ġesù kien jistenna li l-kongregazzjoni tiegħu kellha tisparixxi mix-xena storika u li hu kien se jħalli din is-sitwazzjoni taʼ niket tibqaʼ sejra għal sekli sħaħ.
Hu assoċja l-kongregazzjoni tiegħu mas-“Saltna tas-Smewwiet,” billi qal: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żaraʼ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żaraʼ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?’ Iżda hu qalilhom, ‘Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.’ ‘Tridx immorru niġbruha?’ qalulu l-qaddejja. ‘Le,’ qalilhom, ‘għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: “Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, mbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi.”’”—Mattew 13:24-30.
Ġesù spjega li hu kien “dak li jiżraʼ.” Iż-“żerriegħa t-tajba” ffigurat lid-dixxipli ġenwini tiegħu. L-“għadu” tiegħu kien Satana x-Xitan. “Is-sikrana” kienu Kristjani foloz li bil-mod il-mod saru parti mill-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu. Hu qal li kien se jħalli “l-qamħ” u “s-sikrana” jikbru flimkien sakemm jasal “il-ħsad,” li kien se jiġi “fi tmiem id-dinja.” (Mattew 13:37-43) Dan kollu xi jfisser?
Il-Kongregazzjoni Kristjana Tiġi Korrotta
Ftit wara li mietu l-appostli, għalliema apostati minn ġol-kongregazzjoni bdew jieħdu l-kontroll. Huma tkellmu “dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawwru d-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) B’riżultat taʼ dan, ħafna Kristjani ‘tbiegħdu mill-fidi.’ Huma ‘ġġerrew wara l-ħrejjef.’—1 Timotju 4:1-3; 2 Timotju 4:3, 4.
Sar-rabaʼ seklu E.K., jgħid The New Dictionary of Theology, ‘il-Kristjanità Kattolika kienet saret ir-reliġjon uffiċjali taʼ l-Imperu Ruman.’ Kien hemm “taħlita taʼ soċjetà ekkleżjastika u ċivili”—taħlita tar-reliġjon u l-Istat li kienet kompletament kontra t-twemmin tal-Kristjani tal-bidu. (Ġwanni 17:16; Ġakbu 4:4) L-istess dizzjunarju jistqarr li maż-żmien l-istruttura u n-natura kollha tal-knisja, kif ukoll ħafna mit-twemmin fundamentali tagħha, inbidlu b’mod drastiku “taħt l-influwenza taʼ taħlita stramba u taʼ ħsara taʼ xempji mit-T[estment] il-Q[adim] u dawk neoplatoniċi.” Bħalma bassar Ġesù Kristu, id-dixxipli ġenwini tiegħu sparixxew waqt li l-Kristjani foloz iffjorixxew.
Is-semmiegħa taʼ Ġesù kienu jafu kemm kien diffiċli biex jiddistingwu bejn il-qamħ ġenwin u l-ħaxix ħażin, bħas-sikrana bix-xniexel, li matul l-istaġun tat-tkabbir tixbah ħafna l-qamħ. Mela, Ġesù kien qed juri li għal xi żmien, kien se jkun diffiċli li tiddistingwi bejn Kristjani veri u dawk foloz. Dan ma jfissirx li l-kongregazzjoni Kristjana ma baqgħetx teżisti, għax Ġesù wiegħed li kien se jkompli jiggwida lill-ħutu spiritwali “dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” (Mattew 28:20) Ġesù qal li l-qamħ kien se jkompli jikber. Minkejja dan, matul is-sekli, Kristjani ġenwini—individwalment jew fi gruppi—mingħajr ebda dubju għamlu l-aħjar tagħhom biex iżommu mat-tagħlim taʼ Kristu. Imma ma kinux iktar miġburin f’organizzazzjoni jew ġemgħa viżibbli li tistaʼ tidentifikaha b’mod ċar. Żgur li xejn ma kienu jixbhu lis-sistema reliġjuża viżibbli u apostata li matul l-istorja ma ġabet xejn ħlief għajb u diżunur lill-isem taʼ Ġesù Kristu.—2 Pietru 2:1, 2.
“Il-Bniedem taʼ Mingħajr Liġi”
L-appostlu Pawlu bassar xi ħaġa oħra li kienet se tidentifika lil din is-sistema reliġjuża falza. Hu kiteb: “Tħallu lil ħadd jisseduċikom b’xi manjiera, għaliex [il-jum taʼ Jehovah] mhux se jiġi jekk l-ewwel ma tiġix l-apostasija u jiġi rivelat il-bniedem taʼ mingħajr liġi, bin il-qerda.” (2 Tessalonikin 2:2-4, NW) Dan “il-bniedem taʼ mingħajr liġi” m’hu ħadd ħlief il-klassi tal-kleru li tgħolli lilha nfisha f’pożizzjoni biex taħkem fuq il-kongregazzjoni “Kristjana.”a
L-apostasija bdiet lura fi żmien l-appostlu Pawlu. Malli mietu l-appostli u spiċċat l-influwenza tagħhom li kienet trażżan l-apostasija, din bdiet tinfirex iktar. Tiġi identifikata, qal Pawlu, mill-‘qawwa tax-xitan, li jagħmel kull xorta taʼ mirakli u sinjali u għeġubijiet foloz, u jinqeda b’kull xorta taʼ qerq u ħażen.’ (2 Tessalonikin 2:6-12) Kemm tiddeskrivihom eżatt din l-iskrittura l-attivitajiet taʼ tant u tant mexxejja reliġjużi matul l-istorja!
Biex jappoġġaw l-istqarrija tagħhom li l-Kattoliċiżmu Ruman huwa l-uniku reliġjon vera, mexxejja Kattoliċi jgħidu li l-isqfijiet tagħhom “ġejjin direttament mill-appostli tal-bidu permezz taʼ linja taʼ suċċessjoni li tmur lura sal-bidu tal-Kristjanità.” Fil-fatt, din l-istqarrija taʼ suċċessjoni appostolika m’għandha l-ebda bażi storika jew Skritturali. M’hemm l-ebda evidenza taʼ min joqgħod fuqha li s-sistema tal-knisja li żviluppat wara l-mewt taʼ l-appostli taʼ Ġesù kienet xi darba taħt id-direzzjoni taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla.—Rumani 8:9; Galatin 5:19-21.
U xi ngħidu għall-knejjes l-oħra li ġew stabbiliti wara ’l hekk imsejħa Riforma? Bdew dawn isegwu mill-ġdid ix-xempju tal-kongregazzjoni Kristjana bikrija? Irrestawraw dawn is-safa tal-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu? Huwa veru li wara r-Riforma, il-Bibbja saret disponibbli għal ħafna min-nies komuni fil-lingwa tagħhom. Iżda, l-istorja turi li dawn il-knejjes baqgħu jgħallmu duttrini foloz.b—Mattew 15:7-9.
Madankollu, innota dan. Żgur li Ġesù Kristu bassar li l-kongregazzjoni waħda vera kienet se tiġġedded matul dak li hu sejjaħ il-konklużjoni tas-sistema dinjija. (Mattew 13:30, 39) It-twettiq tal-profeziji Bibliċi juru li aħna issa qed ngħixu f’dak iż-żmien. (Mattew 24:3-35) Minħabba f’hekk, kull wieħed minna jrid jistaqsi, ‘Fejn hi dik il-knisja waħda vera?’ Din suppost li ssir iktar u iktar faċli biex tidentifikaha.
Forsi tħoss li inti diġà sibt dik il-knisja, jew kongregazzjoni. Huwa importanti li tkun ċert. Għala? Għaliex bħal fl-ewwel seklu, jistaʼ jkun hemm biss knisja waħda vera. Ħadt int il-ħin biex taċċerta ruħek jekk il-knisja tiegħek taqbilx max-xempju li ħalliet il-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu u jekk hijiex qiegħda bil-lealtà żżomm mat-tagħlim taʼ Ġesù Kristu? Għala ma teżaminax dan issa? Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma lesti jgħinuk tagħmel eżatt hekk.—Atti 17:11.
[Noti taʼ taħt]
a Iktar informazzjoni rigward l-identità tal-“bniedem taʼ mingħajr liġi” tistaʼ tinstab fit-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Mejju taʼ l-1990, paġni 3-7.
b Ara l-kapitlu “The Reformation—The Search Took a New Turn” fil-ktieb Mankind’s Search for God, paġni 306-28, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampi f’paġna 5]
It-tixbiha taʼ Ġesù dwar il-qamħ u s-sikrana x’tgħallimna dwar il-kongregazzjoni vera?
[Stampi f’paġna 7]
Il-knisja tiegħek tirrifletti x-xempju li ħallew il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu fl-ippridkar u l-istudju?