Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Luqa
L-EVANĠELJU taʼ Mattew huwa magħruf li nkiteb primarjament għall-qarrejja Lhud, u l-Evanġelju taʼ Marku għal dawk li ma kinux Lhud. Iżda l-Evanġelju taʼ Luqa nkiteb għal nies mill-ġnus kollha. Il-ktieb taʼ Luqa, li nkiteb madwar is-sena 56-58 E.K., huwa rakkont dettaljat dwar il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù.
Bħala tabib konċernat u attent, Luqa fittex “kollox mill-bidu b’eżattezza” u kiteb dwar perijodu taʼ 35 sena—mis-sena 3 Q.E.K sas-sena 33 E.K. (Lq. 1:3) Kważi 60 fil-mija mill-informazzjoni li hemm fl-Evanġelju taʼ Luqa hija unika, jiġifieri, ma tissemmiex fl-Evanġelji l-oħrajn.
IL-MINISTERU TAL-BIDU
Wara li jagħti dettalji dwar it-twelid taʼ Ġwanni l-Għammied u taʼ Ġesù, Luqa jgħidilna li Ġwanni beda l-ministeru tiegħu fis-sena 15 tar-renju taʼ Tiberju Ċesari, jiġifieri, fir-rebbiegħa tas-sena 29 E.K. (Lq. 3:1, 2) Ġesù jiġi mgħammed minn Ġwanni fil-ħarifa taʼ dik is-sena. (Lq. 3:21, 22) Sas-sena 30 E.K., ‘Ġesù mar lura l-Galilija u beda jgħallem fis-sinagogi tagħhom.’—Lq. 4:14, 15.
Ġesù jibda l-ewwel mawra tiegħu taʼ ppridkar fil-Galilija. Hu jgħid lill-folla: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll.” (Lq. 4:43) Hu jieħu miegħu lil Xmun is-sajjied u lil xi oħrajn. Hu jgħidilhom: ‘Minn issa ’l quddiem tibdew taqbdu nies ħajjin.’ (Lq. 5:1-11; Mt.4:18, 19) It-12-il appostlu jmorru maʼ Ġesù fit-tieni mawra tiegħu taʼ ppridkar fil-Galilija. (Lq. 8:1) Fit-tielet mawra, hu jibgħat lit-12 “jippridkaw is-saltna t’Alla u jfejqu.”—Lq. 9:1, 2.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:35—Iċ-ċellula tal-bajda taʼ Marija ġiet użata biex hi toħroġ tqila? Biex it-tifel taʼ Marija jkun dixxendent veru taʼ l-antenati tagħha Abraham, Ġuda, u David, bħalma kien wiegħed Alla, iċ-ċellula tal-bajda tagħha riedet tintuża biex hi toħroġ tqila. (Ġen. 22:15, 18; 49:10; 2 Sam. 7:8, 16) Iżda, l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova ntuża biex jittrasferixxi l-ħajja perfetta taʼ l-Iben t’Alla u jikkaġuna l-konċepiment. (Mt. 1:18) Jidher li b’dan il-mod tneħħiet kwalunkwe imperfezzjoni li kienet teżisti fiċ-ċellula tal-bajda taʼ Marija u mill-bidunett it-tarbija li kienet qed tiżviluppa fil-ġuf ġiet imħarsa minn xi ħsara.
1:62—Żakkarija sar mutu u trux? Le. Kliemu biss ġie effettwat. In-nies l-oħrajn staqsew “bis-sinjali” lil Żakkarija x’ried isemmi lit-tifel imma mhux għax hu kien trux. X’aktarx li semaʼ x’kienet qalet martu dwar x’se jsemmu lil binhom. Forsi oħrajn staqsew lil Żakkarija dwar dan b’xi sinjal jew mossa. Il-fatt li lsienu biss inħall jindika li s-smigħ taʼ Żakkarija ma kienx ġie effettwat.—Lq. 1:13, 18-20, 60-64.
2:1, 2—Ir-referenza għal “din l-ewwel reġistrazzjoni” kif tgħinna niddeterminaw iż-żmien tat-twelid taʼ Ġesù? Taħt Ċesari Awgustu saret iktar minn reġistrazzjoni waħda—l-ewwel waħda fis-sena 2 Q.E.K. bi twettiq taʼ Danjel 11:20 u t-tieni waħda fis-sena 6 jew 7 E.K. (Atti 5:37) Kirinu kien jaqdi bħala gvernatur tas-Sirja fi żmien dawn iż-żewġ reġistrazzjonijiet, għax milli jidher kien jokkupa din il-kariga darbtejn. Il-fatt li Luqa rrefera għal din l-ewwel reġistrazzjoni jfisser li t-twelid taʼ Ġesù kien fis-sena 2 Q.E.K.
2:35—“Xabla twila” kif kienet se tinfed ruħ Marija? Dan jirreferi għan-niket li kienet se ġġarrab Marija meta tara l-maġġuranza tan-nies jirrifjutaw lil Ġesù bħala l-Messija u l-għali li kienet se tħoss minħabba l-mewt kiefra tiegħu.—Ġw. 19:25.
9:27, 28—Luqa għala jgħid li t-trasfigurazzjoni seħħet “tmint ijiem” wara li Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu li xi wħud minnhom ‘żgur ma kinux se jduqu l-mewt’ qabel ma jarawh ġej fis-Saltna tiegħu, filwaqt li kemm Mattew u kemm Marku jgħidu li seħħet “sitt ijiem wara”? (Mt. 17:1; Mk. 9:2) Milli jidher, Luqa jinkludi jumejn oħra—il-jum li fih saret il-wegħda u l-jum tat-twettiq tagħha.
9:49, 50—Ġesù għala ma waqqafx lil wieħed raġel milli jkeċċi d-demonji, avolja dan ma kienx qed jimxi warajh? Ġesù ma waqqafx lil dan ir-raġel għax il-kongregazzjoni Kristjana kienet għadha ma ġietx ifformata. Għalhekk, ma kienx hemm bżonn li r-raġel jakkumpanja lil Ġesù sabiex jeżerċita l-fidi f’isem Ġesù u jkeċċi d-demonji.—Mk. 9:38-40.
Lezzjonijiet Għalina:
1:32, 33; 2:19, 51. Marija baqgħet tgħożż f’qalbha l-ġrajjiet u l-kliem li permezz tagħhom twettqu l-profeziji. Ngħożżu aħna dak li bassar Ġesù dwar “tmiem is-sistema,” billi nqabblu dak li qal maʼ dak li qed jiġri llum?—Mt. 24:3.
2:37. L-eżempju t’Anna jgħallimna li għandna dejjem inqimu lil Ġeħova b’fedeltà, ‘nipperseveraw fit-talb,’ u “ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien.”—Rum. 12:12; Ebr. 10:24, 25.
2:41-50. Ġużeppi poġġa l-interessi spiritwali l-ewwel f’ħajtu u ħa ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tal-familja tiegħu. F’dawn l-aspetti, huwa t’eżempju mill-aqwa għall-kapijiet tal-familji.
4:4. M’għandniex inħallu ġurnata tgħaddi bla ma naħsbu dwar affarijiet spiritwali.
6:40. Wieħed li jgħallem il-Kelma t’Alla għandu jkun t’eżempju tajjeb għal dawk li jistudja magħhom. Għandu jipprattika dak li jippriedka.
8:15. Biex ‘inżommu l-kelma u nagħtu l-frott bis-sabar,’ irridu nifhmu, napprezzaw, u ndaħħlu f’qalbna l-Kelma t’Alla. Meditazzjoni bit-talb hija essenzjali meta naqraw il-Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja.
L-AĦĦAR PARTI TAL-MINISTERU TAʼ ĠESÙ
Ġesù jibgħat 70 oħra qablu fi bliet u f’postijiet fil-Lhudija. (Lq. 10:1) Hu jivvjaġġa “minn belt għal belt u minn raħal għal raħal jgħallem.”—Lq. 13:22.
Ħamest ijiem qabel il-Qbiż tas-sena 33 E.K., Ġesù jidħol Ġerusalemm riekeb fuq felu. Wasal iż-żmien biex jitwettaq il-kliem li kien qal lid-dixxipli tiegħu: “Bin il-bniedem se jgħaddi minn ħafna tbatijiet u jiġi miċħud mix-xjuħ u l-qassisin ewlenin u l-iskribi, u jiġi maqtul, u fit-tielet jum jiġi mqajjem.”—Lq. 9:22, 44.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
10:18—Ġesù għal xiex kien qed jirreferi meta qal lis-70 dixxiplu: “Bdejt nara lil Satana diġà mwaqqaʼ bħal sajjetta mis-sema”? Ġesù ma kienx qed jgħid li Satana kien diġà tkeċċa mis-sema għax dan seħħ ftit wara li Kristu ġie maħtur bħala Sultan tas-sema fl-1914. (Riv. 12:1-10) Għalkemm ma nistgħux ngħidu fiż-żgur, billi rrefera għal ġrajja futura bħala li diġà seħħet, Ġesù kien milli jidher qed jenfasizza li din kienet se sseħħ żgur.
14:26—Is-segwaċi taʼ Kristu f’liema sens għandhom ‘jobogħdu’ lil qrabathom? Fil-Bibbja, li “tobgħod” jistaʼ jirreferi għal li tħobb bniedem jew oġġett inqas minn ieħor. (Ġen. 29:30, 31, KŻ) Il-Kristjani għandhom ‘jobogħdu’ lil qrabathom fis-sens li jħobbuhom inqas milli jħobbu lil Ġesù.—Mt. 10:37.
17:34-37—Min huma “l-ajkli,” u x’inhu “l-ġisem” fejn jinġemgħu flimkien? Dawk li ‘jittieħdu,’ jew jinħelsu, huma mxebbhin m’ajkli li jaraw fil-bogħod. “Il-ġisem” li jinġemgħu miegħu hu l-Kristu veru fil-preżenza inviżibbli tiegħu u l-ikel spiritwali li jipprovdilhom Ġeħova.—Mt. 24:28.
22:44—Ġesù għala għadda minn agunija daqshekk kbira? Dan ġara minħabba għadd taʼ raġunijiet. Ġesù kien konċernat dwar kif il-mewt tiegħu bħala kriminal kienet se teffettwa lil Alla Ġeħova u lil Ismu. Iktar minn hekk, Ġesù kien jaf tajjeb li l-ħajja eterna tiegħu u l-futur tal-familja umana kollha kienu jiddependu mill-fedeltà tiegħu sa l-aħħar.
23:44—Kien xi eklissi tax-xemx li kkaġuna d-dalma taʼ tliet sigħat? Le. L-eklissijiet tax-xemx iseħħu biss fi żmien qamar ġdid, mhux meta l-qamar ikun kwinta, kif ikun fi żmien il-Qbiż. Id-dalma li seħħet f’jum il-mewt taʼ Ġesù kienet miraklu minn Alla.
Lezzjonijiet Għalina:
11:1-4. Meta nqabblu dawn l-istruzzjonijiet mal-kliem li hu ftit li xejn differenti u li nsibu fit-talba mudell, li ngħatat fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja madwar 18-il xahar qabel, naraw ċar li t-talb tagħna m’għandux ikun sempliċi ripetizzjoni taʼ ċertu kliem.—Mt. 6:9-13.
11:5, 13. Għalkemm Ġeħova lest li jwieġeb it-talb tagħna, għandna nkunu persistenti meta nitolbuh.—1 Ġw. 5:14.
11:27, 28. L-hena ġenwin jiġi billi nagħmlu r-rieda t’Alla fedelment, u ma jiġix mir-relazzjonijiet tal-familja jew minn kisbiet materjali.
11:41. L-għotjiet tagħna taʼ ħniena għandhom ikunu mqanqlin mill-imħabba u mill-qalb.
12:47, 48. Bniedem li għandu ħafna responsabbiltà iżda jonqos li jwettaqha hu iktar ħati minn wieħed li ma jafx jew ma jifhimx bis-sħiħ x’inhuma d-dmirijiet tiegħu.
14:28, 29. Inkunu għaqlin jekk ma nonfqux iktar milli nifilħu.
22:36-38. Ġesù ma qalx lid-dixxipli tiegħu biex iġorru xi arma għall-protezzjoni jew biex jiddefendu lilhom infushom. Minflok, is-sjuf li kellhom fil-lejl meta ġie tradut għamluha possibbli għal Ġesù biex jgħallem lid-dixxipli lezzjoni importanti: “Kulmin jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.”—Mt. 26:52.
[Stampa f’paġna 32]
Ġużeppi kien t’eżempju tajjeb bħala kap tal-familja
[Stampa f’paġna 1]
Luqa kiteb l-iktar rakkont dettaljat dwar il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù