It-Twelid taʼ Ġesù—l-Istorja Vera
AĦSEB f’xi ġrajja li hi magħrufa sew fl-istorja taʼ pajjiżek. Hemm ħafna evidenza li tappoġġaha, u ġiet iddokumentata minn iktar minn storjografu wieħed. Issa, xi ngħidu jekk xi ħadd jgħidlek li din il-ġrajja qatt ma seħħet, li kienet biss ħrafa? Jew, xi ngħidu kieku s-sitwazzjoni kienet tolqtok iktar mill-viċin, u xi ħadd isostni li ħafna milli kienu qalulek tal-familja tiegħek dwar it-twelid u l-ħajja bikrija taʼ nannuk m’huwiex veru? Fiż-żewġ każi, li dan sempliċement jiġi ssuġġerit għandu mnejn jirrabjak. Żgur li ma tkunx trid taċċetta pretensjonijiet bħal dawn kif ġieb u laħaq!
Madankollu, hija ħaġa komuni li l-kritiċi llum jinjoraw l-iddokumentar tal-Vanġeli minn Mattew u Luqa dwar it-twelid taʼ Ġesù. Huma jgħidu li dawn ir-rakkonti huma kontradittorji għall-aħħar, li qatt ma jistgħu jaqblu, u li t-tnejn li huma fihom gideb sfaċċat u żbalji taʼ l-istorja. Jistaʼ dan ikun veru? Minflok ma naċċettaw akkużi bħal dawn, ejjew neżaminaw dak li hemm iddokumentat fil-Vanġeli aħna stess. Waqt li nagħmlu dan, ejjew naraw x’għandhom x’jgħallmuna llum.
L-Iskop tal-Kitba
Qabel nibdew, ikun t’għajnuna li niftakru x’inhu l-iskop taʼ dawn ir-rakkonti Bibliċi. Dawn m’humiex bijografiji; huma Vanġeli. Huwa importanti li nagħrfu d-differenza. F’bijografija, l-awtur għandu mnejn jimla mijiet taʼ paġni, biex jipprova juri kif is-suġġett tiegħu żviluppa fl-individwu li hu magħruf tant sew. B’hekk, f’xi bijografiji nsibu paġni fuq paġni b’dettalji dwar l-arblu tar-razza, it-twelid, u t-tfulija tas-suġġetti tagħhom. Fil-każ tal-Vanġeli nsibu xi ħaġa differenti. Mill-erbaʼ Vanġeli li ġew iddokumentati, dawk taʼ Mattew u Luqa huma l-uniċi tnejn li jirrakkontaw dwar it-twelid u t-tfulija taʼ Ġesù. Madankollu, l-iskop tagħhom m’huwiex li juru kif Ġesù sar il-bniedem li sar. Ftakar, is-segwaċi taʼ Ġesù rrikonoxxew li hu kien eżista bħala ħlejqa spirtu qabel ma rifes għall-ewwel darba fuq wiċċ id-dinja. (Ġwann 8:23, 58) Għalhekk, Mattew u Luqa ma wżawx it-tfulija taʼ Ġesù sabiex jispjegaw x’tip taʼ bniedem sar. Minflok, irrakkontaw ġrajjiet li qdew l-iskop tal-Vanġeli tagħhom.
U għal liema skop kitbuhom? Il-kelma “vanġelu” tfisser “aħbar tajba.” Iż-żewġt irġiel kellhom l-istess messaġġ—li Ġesù huwa l-Messija mwiegħed, jew Kristu; li miet biex ipatti għad-dnubiet taʼ l-umanità; u li ġie rxoxtat u reġaʼ lura fis-sema. Imma ż-żewġ kittieba kienu ġejjin minn sfondi li kienu differenti ħafna, u kitbu għal qarrejja differenti. Mattew, li kien kollettur tat-taxxi, fassal ir-rakkont tiegħu għal qarrejja li fil-biċċa l-kbira kienu Lhud. Luqa, li kien tabib, kiteb lill-“għażiż Teofilu”—li jistaʼ jkun li kellu xi kariga għolja—u fl-istess ħin, lil numru akbar taʼ qarrejja Lhud u Ġentili. (Luqa 1:1-3) Kull kittieb għażel l-iktar ġrajjiet li kienu rilevanti għall-qarrejja partikulari tiegħu u li x’aktarx setgħu jikkonvinċuhom. B’hekk, dak li ddokumenta Mattew jenfasizza l-profeziji taʼ l-Iskrittura Ebrajka li twettqu f’konnessjoni maʼ Ġesù. Luqa, mill-banda l-oħra, juża l-mod iktar klassiku taʼ ddokumentar li setgħu jagħrfu l-qarrejja tiegħu li ma kinux Lhud.
B’hekk, mhix sorpriża li r-rakkonti tagħhom huma differenti. Imma, kuntrarju għal dak li jsostnu l-kritiċi, iż-żewġ rakkonti ma jikkontradixxux lil xulxin. Dawn jikkomplimentaw lil xulxin, u jimminċottaw tajjeb flimkien biex jifformaw stampa iktar sħiħa.
It-Twelid taʼ Ġesù f’Betlehem
Kemm Mattew u kemm Luqa jiddokumentaw miraklu taʼ l-għaġeb rigward it-twelid taʼ Ġesù—hu twieled minn verġni. Mattew juri li dan il-miraklu wettaq profezija li kienet tlissnet sekli qabel minn Isaija. (Isaija 7:14; Mattew 1:22, 23) Luqa jispjega li Ġesù twieled f’Betlehem għaliex Ġużeppi u Marija ġew imġegħlin jivvjaġġaw s’hemmhekk minħabba ċensiment ordnat minn Ċesari. (Ara l-kaxxa f’paġna 7.) Il-fatt li Ġesù twieled f’Betlehem kien sinjifikanti. Sekli qabel, il-profeta Mikea kien bassar li l-Messija kellu jkun minn din il-belt żgħira ħdejn Ġerusalemm li tant kienet tidher insinjifikanti.—Mikea 5:1 [Mikea 5:2, New World Translation].
Il-lejl tat-twelid taʼ Ġesù sar famuż bħala l-bażi għax-xeni tat-Twelid tiegħu. Madankollu, l-istorja vera hija differenti għalkollox minn dik li taʼ spiss tintwera. L-istorjografu Luqa, li jgħidilna biċ-ċensiment li ġab lil Ġużeppi u Marija sa Betlehem, jgħidilna wkoll li r-rgħajja qattgħu dak il-lejl importanti barra mal-merħliet tagħhom. Dawn iż-żewġ ċirkustanzi wasslu lil ħafna riċerkaturi tal-Bibbja biex jikkonkludu li Ġesù ma setax twieled f’Diċembru. Huma jiġbdu għall-attenzjoni l-improbabbilità li Ċesari setaʼ ġiegħel lil-Lhud, nies li malajr setgħu jsiru vjolenti, jivvjaġġaw lejn l-ibliet taʼ twelidhom waqt l-istaġun tal-kesħa u x-xita, xi ħaġa li setgħet tirvellah iktar lil poplu ribelluż. L-istudjużi jinnotaw li huwa daqstant improbabbli li r-rgħajja setgħu kienu qed jgħixu barra mal-merħliet tagħhom f’dan it-temp qalil.—Luqa 2:8-14.
Innota li Jehovah għażel li jħabbar it-twelid taʼ Ibnu, mhux lill-mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-żmien, li kienu taʼ skola u kapaċi jinfluwenzaw lin-nies, imma lil ħaddiema raffi li kienu jgħixu barra. X’aktarx li l-iskribi u l-Fariżej ftit li xejn kellhom kuntatt mar-rgħajja, li l-ħinijiet irregolari tax-xogħol tagħhom ma kinux jippermettulhom josservaw ċerti dettalji tal-liġi orali. Imma Alla ffavorixxa lil dawn l-irġiel umlin u leali b’unur kbir—delegazzjoni t’anġli informathom li l-Messija, li lilu l-poplu t’Alla kien ilu jistenna għal eluf taʼ snin, kien għadu kif twieled f’Betlehem. Kienu dawn in-nies, u mhux it-“tliet slaten maġi” li taʼ spiss huma rrappreżentati fix-xeni tat-Twelid taʼ Ġesù, li żaru lil Marija u ’l Ġużeppi u raw lil din it-tarbija innoċenti f’maxtura.—Luqa 2:15-20.
Jehovah Jiffavorixxi lill-Uħud Umlin li Jfittxu l-Verità
Jehovah jiffavorixxi lil nies umlin li jħobbuh u huma interessati b’mod ħerqan f’li jaraw it-twettiq taʼ l-iskopijiet tiegħu. Din hi tema li tibqaʼ titfaċċa fil-ġrajjiet marbutin mat-twelid taʼ Ġesù. Meta, madwar xahar wara t-twelid tat-tifel, Ġużeppi u Marija jippreżentawh fit-tempju b’ubbidjenza għal-Liġi Mosajka, hemmhekk jagħmlu offerta taʼ “par gamiem jew żewġ bċieċen.” (Luqa 2:21-24) Il-Liġi attwalment kienet titlob li jiġi offrut muntun, imma kienet tippermetti din l-għażla inqas għalja f’każi taʼ faqar. (Levitiku 12:1-8) Aħseb dwar dan. Alla Jehovah, is-Sovran taʼ l-univers, għażel, mhux familja sinjura, imma waħda fqira biex tkun dik li fiha kellu jiġi mrobbi l-Iben uniġenitu tiegħu li tant kien maħbub minnu. Jekk int ġenitur, dan għandu jservi taʼ tfakkira ħajja illi l-aħjar rigal li tistaʼ tagħti lil uliedek—wisq aħjar mill-ġid materjali jew minn edukazzjoni prestiġjuża—huwa ambjent fid-dar fejn il-valuri spiritwali jingħataw l-ewwel post.
Fit-tempju, żewġ qaddejja umlin u leali oħrajn jiġu ffavoriti minn Jehovah. Waħda minnhom hi Anna, armla taʼ 84 sena li “ma kienet titwarrab qatt mit-tempju.” (Luqa 2:36, 37) L-ieħor huwa raġel leali li kien imdaħħal fiż-żmien u li kien jismu Xmun. It-tnejn li huma jinsabu ferħanin ħafna bil-privileġġ li Alla għoġbu jagħtihom—li qabel ma jmutu jaraw b’għajnejhom stess lil dak li kellu jkun il-Messija mwiegħed. Xmun ilissen profezija dwar it-tifel. Din hija profezija mimlija tama imma fl-istess ħin fiha ħjiel taʼ niket. Hu jbassar li din l-omm żagħżugħa, Marija, xi darba kellha tiġi minfuda bil-għali minħabba binha l-maħbub.—Luqa 2:25-35.
Tifel fil-Periklu
Il-profezija taʼ Xmun hija tfakkira taʼ swied il-qalb li dan it-tifel innoċenti kellu jsir bniedem mibgħud. Saħansitra meta kien għadu tifel, din il-mibegħda kienet diġà bdiet tintwera. Ir-rakkont taʼ Mattew jagħti dettalji dwar kif dan seħħ. Għaddew ftit tax-xhur, u Ġużeppi, Marija, u Ġesù issa qegħdin jgħixu f’dar f’Betlehem. Jiġu jżuruhom bla mistenni xi nies barranin. Minkejja dak li juru viżibilju taʼ xeni tat-Twelid taʼ Ġesù, Mattew ma jispeċifikax kemm marru minn dawn l-irġiel, lanqas isejħilhom “għorrief,” u wisq inqas “tliet slaten maġi.” Juża l-kelma Griega maʹgoi, li tfisser “astrologi.” Dan waħdu għandu jagħti ħjiel lill-qarrej li hemm xi ħaġa ħażina minn taħt, għax l-astroloġija hija arti li l-Kelma t’Alla tikkundannaha u li l-Lhud leali kienu jevitawha skrupolożament.—Dewteronomju 18:10-12; Isaija 47:13, 14.
Dawn l-astrologi segwew kewkba mil-Lvant u għandhom xi rigali għal “dak li twieled sultan tal-Lhud.” (Mattew 2:2) Imma l-kewkba ma tmexxihomx lejn Betlehem. Tiħodhom lejn Ġerusalemm u għand Erodi l-Kbir. Ebda bniedem fid-dinja m’għandu mezzi u motivi daqshekk qawwijin biex jagħmel il-ħsara liċ-ċkejken Ġesù. Dan ir-raġel ambizzjuż u qattiel kien qatel diversi membri tal-familja tiegħu stess li kien iqishom taʼ theddida.a Billi jħossu inkwetat wara li samaʼ bit-twelid taʼ “sultan tal-Lhud” futur, hu jibgħat lill-astrologi biex isibu lil dak il-Wieħed f’Betlehem. Huma u sejrin, tiġri xi ħaġa stramba. Il-“kewkba” li mexxiethom lejn Ġerusalemm tidher qed tiċċaqlaq!—Mattew 2:1-9.
Issa, jekk dan kienx attwalment dawl fis-sema jew sempliċement viżjoni, aħna ma nafux. Imma dak li nafu żgur hu li din il-“kewkba” ma kinitx minn Alla. Bi preċiżjoni malinna, din twassal lil dawn l-adoraturi pagani dritt għand Ġesù—tifel vulnerabbli, li ma jistax jiddefendi lilu nnifsu, u li huwa protett biss minn mastrudaxxa fqir u martu. L-astrologi, li Erodi kien inqeda bihom mingħajr ma indunaw b’xejn, x’aktarx li kienu se jirrapportaw lura lill-monarka vendikattiv, u dan kien iwassal għall-qerda tat-tifel. Imma Alla jintervieni f’ħolma u jibgħathom lura d-dar minn triq oħra. Allura l-“kewkba” żgur li kienet biċċa għodda taʼ l-għadu t’Alla, Satana, li kien jasal għal kollox biex jagħmel id-deni lill-Messija. Kemm hi ħaġa ironika li l-“kewkba” u l-astrologi jintwerew fix-xeni tat-Twelid taʼ Ġesù bħala aġenti t’Alla!—Mattew 2:9-12.
Xorta waħda, Satana ma jaqtax qalbu. Is-Sultan Erodi, il-wieħed li kien qed jinqeda bih fil-kwistjoni, jordna li t-tfal kollha taħt is-sentejn f’Betlehem kellhom jinqatlu. Imma Satana ma jistax jirbaħ battalja waħda kontra Jehovah. Mattew jinnota li Alla kien ilu li ra bil-quddiem saħansitra dan it-tbiċċir brutali taʼ tfal innoċenti. Jehovah għal darb’oħra laqagħlu lil Satana, billi wissa lil Ġużeppi permezz t’anġlu biex jaħrab mill-periklu u jmur l-Eġittu. Mattew jirrapporta li f’xi żmien iktar tard, Ġużeppi għal darb’oħra ttrasferixxa lill-familja żgħira tiegħu f’post ieħor u fl-aħħar stabbilew ruħhom f’Nazaret, fejn Ġesù kiber flimkien maʼ ħutu subjien u bniet iżgħar minnu.—Mattew 2:13-23; 13:55, 56.
It-Twelid taʼ Ġesù—Dak li Jfisser Għalik
Ħassejtek int xi ftit jew wisq sorpriż b’din il-ġabra fil-qosor tal-ġrajjiet konnessi mat-twelid u t-tfulija bikrija taʼ Ġesù? Ħafna hekk iħossuhom. Jissorprendu ruħhom meta jsibu li r-rakkonti attwalment jaqblu u huma eżatti, minkejja li ħafna bil-wiċċ tost jiddikjaraw il-kuntrarju. Jissorprendu ruħhom meta jsiru jafu li xi ġrajjiet ġew imbassrin mijiet taʼ snin bil-quddiem. U jissorprendu ruħhom għall-fatt li xi elementi fundamentali fil-Vanġeli huma differenti b’mod li jispikka minn dak li jingħata stampa tiegħu fl-istejjer tradizzjonali tat-Twelid taʼ Ġesù u fil-presepji.
Forsi l-iktar ħaġa sorprendenti minn dan kollu, iżda, hija li ħafna miċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-Milied iħallu barra l-punti vitali tar-rakkonti tal-Vanġeli. Per eżempju, ftit tingħata attenzjoni lil Missier Ġesù—mhux Ġużeppi, imma Alla Jehovah. Immaġina kif ħassu meta ġie biex jafda lill-maħbub Ibnu f’idejn Ġużeppi u Marija biex irabbuh u jipprovdu għalih. Immaġina l-agunija tal-Missier tas-sema f’li jħalli lil Ibnu jikber f’dinja li fiha sultan mimli mibegħda kien se jippjana biex joqtlu saħansitra meta kien għadu sempliċi tifel! Kienet l-imħabba profonda li għandu għall-umanità li wasslet lil Jehovah biex jagħmel dan is-sagrifiċċju.—Ġwann 3:16.
Il-personalità vera taʼ Ġesù ħafna drabi tintilef fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied. Oħroġ il-għaġeb, ma jeżisti xejn bil-miktub li juri li qatt xi darba qal lid-dixxipli tiegħu id-data taʼ meta twieled; lanqas ma teżisti xi indikazzjoni li s-segwaċi tiegħu kienu jiċċelebraw għeluq sninu.
Ma kienx it-twelid taʼ Ġesù imma mewtu—u s-sinjifikat tagħha li biddel l-istorja—li hu kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jikkommemoraw. (Luqa 22:19, 20) Le, Ġesù ma riedx li nibqgħu niftakruh bħala tarbija fil-maxtura dipendenti fuq ħaddieħor, għaliex issa ċertament li m’għadux hekk. Iktar minn 60 sena wara li ġie maqtul, Ġesù rrivela lilu nnifsu f’viżjoni lill-appostlu Ġwanni bħala Sultan setgħan riekeb għall-battalja. (Apokalissi 19:11-16) Huwa f’dan l-irwol, bħala Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla, li jeħtieġ li nsiru nafu lil Ġesù llum, għaliex huwa Sultan li se jbiddel lid-dinja.
[Nota taʼ taħt]
a Fil-fatt, Ċesari Awgustu osserva li iktar kellek ċans li tibqaʼ ħaj jekk tkun il-qażquż taʼ Erodi milli jekk tkun it-tifel taʼ Erodi.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]
LUQA KIEN ŻBALJAT?
KIF jistaʼ jkun li Ġesù, li trabba f’Nazaret u kulħadd kien jafu bħala Ġesù n-Nazzarenu, twieled fʼBetlehem, li tinsab xi [150 kilometru] ’l bogħod? Luqa jispjega: “F’dik il-ħabta [qabel it-twelid taʼ Ġesù] Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha; (dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja;) u kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.”—Luqa 1:1; 2:1-3.
Il-kritiċi jattakkaw bl-aħrax din is-silta billi jgħidu li hija żbaljata, jew, iktar agħar, ivvintata. Huma jinsistu li ż-żmien li fih sar dan iċ-ċensiment u li fih Kirinu kien gvernatur kien fis-sena 6 jew 7 E.K. Jekk għandhom raġun, dan iqajjem dubju serju dwar ir-rakkont taʼ Luqa, għaliex l-evidenza tindika li Ġesù twieled fis-sena 2 Q.E.K. Imma dawn il-kritiċi jinjoraw żewġ fatti fundamentali. L-ewwelnett Luqa jirrikonoxxi li kien hemm iktar minn ċensiment wieħed—innota li hu jgħid li “dan kien l-ewwel ċensiment.” (Korsiv tagħna.) Kien jaf tajjeb li sar ċensiment ieħor, iktar tard. (Atti 5:37) Dan iċ-ċensiment li sar iktar tard huwa l-istess wieħed li ddeskriva l-istorjografu Ġużeppi Flavju, u li sar fis-sena 6 E.K. It-tieni, iż-żmien li fih Kirinu kien gvernatur ma jġagħalniex nikkonkludu li Ġesù twieled fʼdin id-data iktar tard. Għala? Għax l-evidenza turi li Kirinu kien f’din il-kariga darbtejn. Ħafna studjużi jirrikonoxxu li l-ewwel kariga tiegħu kienet tinkludi s-sena 2 Q.E.K.
Xi kritiċi jgħidu li Luqa vvinta dan iċ-ċensiment sabiex joħloq raġuni biex Ġesù jitwieled f’Betlehem, u b’hekk iwettaq il-profezija taʼ Mikea 5:1 [Mikea 5:2, NW]. Din it-teorija toħroġ lil Luqa taʼ giddieb intenzjonat, u ebda kritiku ma jistaʼ jagħmel xi konnessjoni bejn allegazzjoni bħal din u l-istorjografu li kien joqgħod attent sa l-inqas tikka u li kiteb il-Vanġelu u l-ktieb taʼ l-Atti.
Hemm xi ħaġa oħra li ebda kritiku ma jistaʼ jispjega: Iċ-ċensiment innifsu wettaq profezija! Fis-sitt seklu Q.E.K., Danjel ipprofetizza dwar ħakkiem li kien se “jibgħat uffiċjal tat-taxxi fil-post glorjuż tas-saltna.” Kien dan japplika għal Awgustu u l-ordni tiegħu biex isir ċensiment f’lżrael? Sewwa, il-profezija tkompli tbassar li l-Messija, jew il-“prinċep tal-patt,” kellu ‘jitfarrak’ matul ir-renju tas-suċċessur taʼ dan il-ħakkiem. Ġesù tassew ġie ‘mfarrak,ʼ jew maqtul, matul ir-renju tas-suċċessur t’Awgustu, Tiberju.—Danjel 11:20-22.
[Stampi]
Ċesari Awgustu (27 Q.E.K.–14 E.K.)
Tiberju Ċesari (14-37 E.K.)
[Sorsi]
Musée de Normandie, Caen, France
Photograph taken by courtesy of the British Museum
[Stampa 8]
L-anġlu taʼ Jehovah ffavorixxa lil rgħajja umlin bl-aħbar tajba tat-twelid taʼ Ġesù