Luqa—Ħaddiem u Sieħeb Maħbub
KIENET is-sena 65 E.K. Il-post kien Ruma. Luqa kien jaf bir-riskji marbutin mal-fatt li jidentifika lilu nnifsu bħala ħabib taʼ l-appostlu Pawlu li dak iż-żmien kien għaddej ġuri minħabba t-twemmin tiegħu. Kien jidher li x’aktarx Pawlu kien se jirċievi s-sentenza tal-mewt. Imma f’dak iż-żmien kritiku, Luqa biss—u ħadd iktar ħliefu—kien maʼ l-appostlu.—2 Timotju 4:6, 11.
L-isem Luqa huwa familjari maʼ dawk li jaqraw il-Bibbja għaliex l-Evanġelju li kiteb hu jġib ismu. Luqa vvjaġġa distanzi twal maʼ Pawlu, li sejjaħlu “tabib maħbub” u ‘ħaddiem sieħbi.’ (Kolossin 4:14; Filemon 24) L-Iskrittura tipprovdi ftit informazzjoni dwar Luqa, billi ssemmi ismu tliet darbiet biss. Madankollu, hekk kif teżamina dak li nafu dwar Luqa, x’aktarx li int se tħoss l-istess apprezzament taʼ l-appostlu Pawlu lejn dan il-Kristjan leali.
Kittieb u Missjunarju
L-Evanġelju taʼ Luqa u l-ktieb taʼ l-Atti taʼ l-Appostli huma indirizzati lil Teofilu, u dan jindika li kien Luqa li kiteb dawn iż-żewġ dokumenti ispirati minn Alla. (Luqa 1:3; Atti 1:1) Luqa ma jgħidx li hu xehed għall-ministeru taʼ Ġesù Kristu. Minflok, Luqa jgħid li hu rċieva l-informazzjoni minn uħud li raw dan kollu b’għajnejhom stess u li hu ‘fittex kollox mill-bidu b’eżattezza.’ (Luqa 1:1-3) Għalhekk, x’aktarx li Luqa sar segwaċi taʼ Kristu f’xi żmien wara Pentekoste tas-sena 33 E.K.
Xi wħud jaħsbu li Luqa trabba f’Antjokja tas-Sirja. Huma jinnotaw li l-ktieb taʼ l-Atti jagħti dettalji dwar ġrajjiet li seħħew f’din il-belt u li l-ktieb isemmi wieħed mis-sebaʼ “rġiel kwalifikati” bħala “proselita minn Antjokja,” filwaqt li l-bliet tas-sitta l-oħrajn ma jsemmihomx b’mod speċifiku. M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux inkunu ċerti li dan jindika interess speċjali f’Antjokja bħala l-belt fejn trabba Luqa.—Atti 6:3-6.
Għalkemm Luqa ma jissemmiex fl-Atti, ċerti siltiet jużaw il-pronomi “aħna,” u “tagħna,” u dan jindika li hu ħa sehem f’xi ġrajjiet deskritti fil-ktieb. Meta Luqa kiteb dwar ir-rotta li ħadu Pawlu u sħabu mill-Asja Minuri, hu qal: “Qabżu l-Misja u niżlu Troas.” Kien fi Troas li Pawlu kellu viżjoni taʼ raġel mill-Maċedonja li talbu bil-ħrara: “Għaddi l-Maċedonja u għinna.” Luqa żied jgħid: “U malli ra l-viżjoni, fittixna mmorru l-Maċedonja.” (Atti 16:8-10) Minħabba li l-ewwel qal li huma “qabżu” mbagħad aħna “fittixna” mmorru, hu jindika li Luqa ngħaqad mal-grupp taʼ Pawlu fi Troas. Imbagħad, Luqa ddeskriva l-attività taʼ l-ippridkar ġo Filippi fl-ewwel persuna fil-plural, billi indika li ħa sehem fiha. Hu kiteb: “F’jum is-Sabat ħriġna mill-bieb tal-belt u morna ħdejn xmara, fejn ħsibna li kien hemm post tat-talb; u qgħadna bil-qiegħda u bdejna nkellmu lin-nisa li kienu nġemgħu.” B’riżultat taʼ dan, Lidja u n-nies kollha taʼ darha aċċettaw l-aħbar tajba u tgħammdu.—Atti 16:11-15.
Ġo Filippi, fejn Pawlu fejjaq qaddejja li kienet teħber taħt l-influwenza taʼ “demonju tat-teħbir,” huma ffaċċjaw xi oppożizzjoni. Meta s-sidien tagħha raw li l-mezz tal-qligħ tagħhom kien spiċċa fix-xejn, huma ħatfu lil Pawlu u lil Sila, li mbagħad ġew imsawtin u mitfugħin il-ħabs. Milli jidher, Luqa ma ġiex arrestat, għaliex hu jiddeskrivi s-sitwazzjoni diffiċli taʼ sħabu fit-tielet persuna. Malli nħelsu, Pawlu u Sila ‘raw lill-aħwa, inkuraġġewhom u telqu.’ Kien biss meta iktar tard Pawlu rritorna Filippi li Luqa reġaʼ beda jikteb fl-ewwel persuna. (Atti 16:16-40; 20:5, 6) Jistaʼ jkun li Luqa baqaʼ Filippi biex jindokra x-xogħol f’dan il-post.
Jiġbor l-Informazzjoni
Luqa kif kiseb il-materjal biex jikteb l-Evanġelju tiegħu u l-ktieb taʼ l-Atti? Is-sessjonijiet miktubin fl-ewwel persuna fil-ktieb taʼ l-Atti—dawk li fihom Luqa inkluda lilu nnifsu fl-istorja—jindikaw li hu akkumpanja lil Pawlu minn Filippi sa Ġerusalemm, fejn l-appostlu reġaʼ ġie arrestat. Huma u sejrin, il-ħbieb taʼ Pawlu baqgħu maʼ Filippu, li kien evanġelizzatur, fiċ-Ċesarija. (Atti 20:6; 21:1-17) Luqa setaʼ jiġbor l-informazzjoni għar-rakkont tiegħu dwar l-ewwel attivitajiet missjunarji fis-Samarija mingħand Filippu, li kien minn taʼ quddiem fix-xogħol taʼ l-ippridkar f’dan il-post. (Atti 8:4-25) Imma mingħand min iktar setaʼ Luqa jikseb l-informazzjoni?
Is-sentejn li Pawlu qattaʼ l-ħabs f’Ċesarija x’aktarx li taw l-opportunità lil Luqa biex jagħmel ir-riċerka għar-rakkont tiegħu taʼ l-Evanġelju. Ġerusalemm ma kinitx ’il bogħod, u minn hemm hu setaʼ jfittex fid-dokumenti dwar il-ġenealoġija taʼ Ġesù. Luqa niżżel bil-miktub ħafna ġrajjiet li seħħew fil-ħajja u fil-ministeru taʼ Ġesù li jinsabu biss fl-Evanġelju tiegħu. Wieħed studjuż innota li hemm xi 82 silta li jinsabu biss fl-evanġelju li jġib ismu.
X’aktarx li Luqa sar jaf affarijiet dwar it-twelid taʼ Ġwanni mingħand Eliżabetta, omm Ġwanni l-Għammied. Jistaʼ jkun li kiseb id-dettalji dwar it-twelid taʼ Ġesù u t-tfulija tiegħu mingħand omm Ġesù, Marija. (Luqa 1:5-80) Setgħu kienu Pietru, Ġakbu, u Ġwanni li qalu lil Luqa dwar il-qabda ħut mirakoluża. (Luqa 5:4-10) Huwa fl-Evanġelju taʼ Luqa biss li nitgħallmu dwar xi wħud mill-parabboli taʼ Ġesù, bħal dawk tas-Samaritan it-tajjeb, il-bieb id-dejjaq, il-munita tad-drakma li ntilfet, l-iben il-ħali, u r-raġel għani u Lazzru.—Luqa 10:29-37; 13:23, 24; 15:8-32; 16:19-31.
Luqa wera interess kbir fin-nies. Hu kiteb dwar l-offerta taʼ purifikazzjoni taʼ Marija, l-irxoxt taʼ bin l-armla, u dwar il-mara li dilket saqajn Ġesù. Luqa jsemmi lin-nisa li daru b’Ġesù u jgħidilna li Marta u Marija laqgħuh għandhom. L-Evanġelju taʼ Luqa jgħidilna dwar il-fejqan taʼ mara li kienet mgħawġa ganċ u taʼ raġel li kien marid bl-idropsija kif ukoll dwar il-fejqan t’għaxar imġiddmin. Luqa jgħidilna dwar ir-raġel qasir Żakkew, li telaʼ maʼ siġra biex jara lil Ġesù, u jinnota l-attitudni niedma tal-wieħed ħażin li kien imdendel maġenb Ġesù.—Luqa 2:24; 7:11-17, 36-50; 8:2, 3; 10:38-42; 13:10-17; 14:1-6; 17:11-19; 19:1-10; 23:39-43.
Taʼ min jinnota wkoll li l-Evanġelju taʼ Luqa jsemmi l-kura taʼ ferita mis-Samaritan it-tajjeb fit-tixbiha taʼ Ġesù. Minħabba li jidher ċar l-interess tiegħu bħala tabib, Luqa kiteb dwar id-deskrizzjoni taʼ Ġesù tal-kura li ngħatat, inkluż l-użu taʼ l-inbid bħala antisettiku, iż-żejt minħabba li jserraħ, u l-infaxxar.—Luqa 10:30-37.
Jieħu Ħsieb Ħabsi
Luqa kien konċernat dwar l-appostlu Pawlu. Meta Pawlu kien arrestat fiċ-Ċesarija, il-prokuratur Ruman Feliċ ordna li “ma jżomm lil ħadd minn niesu milli jdur bih.” (Atti 24:23) X’aktarx li Luqa kien fost dawk li ħadu ħsiebu. Ladarba Pawlu mhux dejjem kellu saħħa tajba, jistaʼ jkun li dan kien wieħed mill-modi kif kien ħa ħsiebu “t-tabib maħbub.”—Kolossin 4:14; Galatin 4:13.
Meta Pawlu appella lil Ċesari, il-prokuratur Ruman Festu bagħat lill-appostlu lejn Ruma. Luqa akkumpanja lill-ħabsi lealment fil-vjaġġ twil tiegħu lejn l-Italja u kiteb ir-rakkont ħaj tan-nawfraġju li ġarrbu. (Atti 24:27; 25:9-12; 27:1, 9-44) Waqt li kien miżmum arrestat f’daru meta kien Ruma, Pawlu kiteb diversi ittri ispirati, u hu rrefera għal Luqa fi tnejn minnhom. (Atti 28:30; Kolossin 4:14; Filemon 24) X’aktarx li kien matul dan il-perijodu taʼ sentejn li Luqa kiteb il-ktieb taʼ l-Atti.
Il-post fejn kien jgħix Pawlu f’Ruma żgur li kien mimli b’attivitajiet spiritwali. Hemmhekk Luqa kellu kuntatt m’oħrajn li ħadmu maʼ Pawlu—Tikiku, Aristarku, Marku, Ġustu, Epafra, u Oneżimu, biex insemmu ftit minnhom.—Kolossin 4:7-14.
Matul it-tieni arrest taʼ Pawlu, meta ħass li l-mewt kienet fil-qrib, Luqa b’lealtà u kuraġġ kien maġenbu, avolja oħrajn kienu abbandunaw lill-appostlu. Luqa setaʼ baqaʼ miegħu minkejja r-riskju li jitlef il-libertà tiegħu stess. X’aktarx li minħabba li għamilha taʼ skrib, Luqa setaʼ kiteb il-kliem taʼ Pawlu: “Luqa biss qiegħed miegħi.” Skond it-tradizzjoni, ftit wara dan lil Pawlu qatgħulu rasu.—2 Timotju 4:6-8, 11, 16.
Luqa kellu spirtu taʼ sagrifiċċju persunali u kien modest. Hu ma ftaħarx bit-tagħlim li ħa u lanqas ma stinka biex jiġbed l-attenzjoni fuqu nnifsu. Iva, hu setaʼ segwa l-karriera taʼ tabib, imma minflok għażel li jmexxi ’l quddiem l-interessi tas-Saltna. Bħal Luqa, jalla bla egoiżmu niddikjaraw l-aħbar tajba u naqdu bl-umiltà sabiex nagħtu glorja lil Ġeħova.—Luqa 12:31.
[Kaxxa f’paġna 19]
MIN KIEN TEOFILU?
Luqa indirizza kemm l-Evanġelju tiegħu kif ukoll l-Atti taʼ l-Appostli lil Teofilu. Fl-Evanġelju taʼ Luqa, dan ir-raġel huwa msejjaħ “wisq eċċellenti Teofilu.” (Luqa 1:3) L-espressjoni “wisq eċċellenti” kienet tintuża biex jiġi indirizzat individwu prominenti li jkollu għana kbir u għal uffiċjali taʼ kariga għolja fil-gvern Ruman. L-appostlu Pawlu indirizza lil Festu, il-prokuratur Ruman tal-Lhudija, bi kliem simili.—Atti 26:25.
Jidher ċar li Teofilu kien semaʼ l-messaġġ dwar Ġesù u kien interessat fih. Luqa ttama li r-rakkont tiegħu taʼ l-Evanġelju kien se jgħin lil Teofilu jkun ‘jaf bis-sħiħ iċ-ċertezza taʼ l-affarijiet li ġie mgħallem bil-fomm.’—Luqa 1:4.
Skond Richard Lenski, studjuż tal-kitbiet Griegi, m’huwiex probabbli li Teofilu kien wieħed li jemmen meta Luqa sejjaħlu “wisq eċċellenti,” għaliex “fil-letteratura Kristjana kollha, . . . qatt ma ssib li xi ħu Kristjan jiġi indirizzat b’titlu bħal dan li jġib unur.” Meta iktar tard Luqa kiteb il-ktieb taʼ l-Atti, hu m’użax it-titlu “wisq eċċellenti” imma sempliċement qal: “O Teofilu.” (Atti 1:1) Lenski jikkonkludi: “Meta Luqa kiteb l-Evanġelju tiegħu lil Teofilu, dan ir-raġel magħruf kien għadu ma sarx Kristjan imma kien interessat ħafna f’affarijiet marbutin mal-Kristjanità; imma meta Luqa bagħatlu l-Atti, Teofilu kien ikkonverta.”