L-Aħbar Tajba Skont Mattew
11 Wara li Ġesù ta l-istruzzjonijiet lit-12-il dixxiplu tiegħu, hu mar jgħallem u jipprietka fi bliet oħrajn.
2 Waqt li Ġwanni kien qiegħed il-ħabs, hu semaʼ x’kien qiegħed jagħmel il-Kristu. Għalhekk, bagħat lid-dixxipli tiegħu 3 biex jistaqsuh: “Int Dak li kellu jiġi, jew irridu nistennew lil xi ħadd ieħor?” 4 Ġesù wiġibhom: “Morru għidu lil Ġwanni dwar dak li qed taraw u tisimgħu: 5 Dawk li ma kinux jaraw, issa qed jaraw; dawk li ma kinux jisimgħu, issa qed jisimgħu; dawk li ma setgħux jimxu, issa qed jimxu; dawk li kellhom il-ġdiem, qed jiġu mfejqin; il-mejtin qed jingħataw il-ħajja; u l-foqra qed jirċievu l-aħbar tajba. 6 Min ma jiddubitax fija,* se jkun ferħan.”
7 Waqt li dawn kienu sejrin lura, Ġesù beda jkellem lill-folla dwar Ġwanni: “Min kien ir-raġel li rajtu fid-deżert? Kien dan bħal xi qasba li tixxejjer mar-riħ? Le! 8 Mela min kien? Raġel liebes ħwejjeġ fini u sbieħ? Le! Dawk li jilbsu hekk qegħdin fid-djar tar-rejiet. 9 Allura min kien? Profeta? Iva, imma hu iktar importanti mill-profeti l-oħra. 10 Dan hu l-wieħed li dwaru hemm miktub: ‘Qed nibgħat il-messaġġier tiegħi qablek. Hu se jippreparalek it-triq!’ 11 Nassigurakom li min-nies kollha li twieldu, ma kien hemm ħadd iktar importanti minn Ġwanni l-Għammied. Imma persuna li m’għandhiex pożizzjoni għolja fis-Saltna t’Alla* hi iktar importanti minnu. 12 Minn meta Ġwanni l-Għammied beda jipprietka, in-nies bdew jirsistu biex jidħlu fis-Saltna t’Alla, u dawk li qed jirsistu se jirnexxilhom. 13 Għax saż-żmien li ġie Ġwanni, dak li kitbu l-profeti u l-Liġi taʼ Mosè kienu qalu x’se jiġri. 14 U temmnux jew le, Ġwanni hu Elija li l-profeti qalu li kellu jiġi. 15 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ.
16 “Maʼ xiex se nqabbilha din il-ġenerazzjoni? Hi bħal tfal bilqiegħda f’suq li jgħajtu lil sħabhom 17 u jgħidulhom, ‘Aħna daqqejnielkom il-flawt, imma intom ma żfintux; aħna bkejna ħafna, imma intom ma wrejtux li intom imdejqin.’* 18 Bl-istess mod, Ġwanni jsum u ma jixrobx inbid, imma n-nies jgħidu, ‘Għandu demonju fih.’ 19 U għalkemm jien, Bin il-bniedem, niekol bħal nies oħrajn u nixrob l-inbid, in-nies xorta jgħidu, ‘Dan ir-raġel moħħu fl-ikel u l-inbid, u hu ħabib taʼ dawk li jiġbru t-taxxi u l-midinbin.’* Imma bniedem juri li hu għaref b’dak li jagħmel.”
20 Imbagħad hu beda jikkundanna n-nies tal-bliet li fihom għamel ħafna affarijiet tal-għaġeb. Hu għamel hekk għax ma kinux nidmu u qalilhom: 21 “Ħażin għalikom nies taʼ Korażin u Betsajda! Għax kieku l-affarijiet tal-għaġeb li rajtu intom rawhom in-nies taʼ Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu, libsu l-ixkora, u qagħdu bilqiegħda fl-irmied. 22 Nassigurakom li Jum il-Ġudizzju se jkun iktar diffiċli għalikom milli għal Tir u Sidon. 23 U intom, nies taʼ Kafarnahum, taħsbu li se tingħataw pożizzjoni għolja? Le! Intom se tiġu mitfugħin fil-Qabar,* għax kieku l-affarijiet tal-għaġeb li rajtu ġraw f’Sodoma, kienet tkun għadha hemm sal-lum. 24 Nassigurakom li Jum il-Ġudizzju se jkun iktar diffiċli għalikom milli għal Sodoma.”
25 Dak il-ħin Ġesù qal: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd Missier, Mulej tas-sema u l-art, għax int ħbejt dawn l-affarijiet min-nies għorrief u intelliġenti, imma wrejthom lil dawk li huma bħal tfal żgħar. 26 Iva Missier, għax int hekk xtaqt li jsir. 27 Jien irċivejt kollox mingħand Missieri, u ħadd ma jafni* sew ħlief Missieri, u ħadd ma jaf lil Missieri sew ħlief jien u dawk li jien nurihom min hu. 28 Intom li tinsabu inkwetati minħabba l-problemi, ejjew għandi u jien insaħħaħkom. 29 Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli, u b’hekk se tħossukom aħjar.* 30 Għax il-madmad tiegħi hu ħafif biex iġġorru u t-tagħbija tiegħi mhix tqila.”