Ersaq Qrib Lejn Alla
Ragħaj li Jimpurtah
‘ALLA jimpurtah minni?’ Jekk xi darba staqsejt din il-mistoqsija, m’intix l-ewwel wieħed. Ħafna minna għaddew minn tbatija u problemi, u kultant għandna mnejn nitħassbu dwar jekk il-Ħallieq taʼ l-univers vast jagħtix kas tagħna. Aħna għandna bżonn inkun nafu jekk Ġeħova jimpurtahx minna bħala individwi. Meta kien fuq l-art, Ġesù, l-iktar wieħed li jaf lil Ġeħova, ta tixbiha li tikxef it-tweġiba li tqawwilek qalbek.
Billi uża r-realtajiet tal-ħajja taʼ ragħaj li jieħu ħsieb il-merħla, Ġesù qal: “Jekk raġel ikollu mitt nagħġa u tintilef waħda minnhom, ma jħallix hu lid-disgħa u disgħin fuq il-muntanji u jitlaq ifittex lil dik li ntilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew ngħidilkom li jifraħ biha iktar milli bid-disgħa u disgħin li ma ntilfux. Bl-istess mod, Missieri li hu fis-sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-ċkejknin.” (Mattew 18:12-14) Ejjew naraw kif Ġesù hawnhekk jiddeskrivi kemm Ġeħova tassew jikkonċernah minn kull aduratur Tiegħu.
Ir-ragħaj ħassu responsabbli għal kull nagħġa li kellu. Jekk xi nagħġa kienet tintilef, hu kien ikun jaf liema waħda kienet nieqsa. Hu jaf lil kull nagħġa bl-isem li jkun taha. (Ġwanni 10:3) Ir-ragħaj li jimpurtah ma kienx jistrieħ qabel ma jkun ġab lura n-nagħġa l-mitlufa. Għalkemm kien se jmur ifittex lil dik mitlufa, hu ma kienx se jqiegħed fil-periklu lid-99 li jkun ħalla warajh. Taʼ spiss, ir-rgħajja kienu joqogħdu flimkien, waqt li jħallu l-imrieħel tagħhom jitħalltu.a B’hekk, ir-ragħaj li kien jitlaq ifittex lil dik mitlufa kien jistaʼ jħalli temporanjament lin-nagħaġ l-oħra biex jieħdu ħsiebhom ir-rgħajja l-oħrajn. Hekk kif kien isib lin-nagħġa l-mitlufa qawwija u sħiħa, ir-ragħaj kien ikollu raġun jifraħ. Hu kien jerfaʼ n-nagħġa beżgħana fuq spallejh, u kien jiħodha lura f’post taʼ sigurtà fost il-merħla.—Luqa 15:5, 6.
Billi applika din it-tixbiha, Ġesù qal li Alla ma jridx “li jinqered wieħed minn dawn iċ-ċkejknin.” Iktar qabel, Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu dwar li wieħed ifixkel “lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jpoġġu l-fidi [fih].” (Mattew 18:6) Għalhekk, it-tixbiha taʼ Ġesù x’tgħallimna dwar Ġeħova? Tgħallimna li hu Ragħaj li verament jimpurtah minn kull waħda min-nagħaġ tiegħu, inkluż “iċ-ċkejknin”—dawk li jistgħu jidhru taʼ ftit importanza mill-ħarsa tad-dinja. Iva, fil-ħarsa t’Alla, kull aduratur tiegħu huwa individwu uniku u prezzjuż.
Jekk int tixtieq tkun assigurat li int prezzjuż għal Alla, għala ma titgħallimx iktar dwar ir-Ragħaj il-Kbir, Alla Ġeħova, u dwar kif tistaʼ tersaq eqreb lejh? Billi tagħmel hekk, int jistaʼ jkollok fiduċja bħal dik taʼ l-appostlu Pietru, li bla dubju semaʼ b’widnejh stess lil Ġesù jirrakkonta dik it-tixbiha dwar in-nagħġa l-mitlufa. Iktar tard Pietru kiteb: ‘Itfgħu l-ansjetà kollha tagħkom [fuq Alla], għax hu jimpurtah minnkom.’—1 Pietru 5:7.
[Nota taʼ taħt]
a Ma kienx diffiċli li tissepara l-merħla, ladarba kull nagħġa kienet tagħraf is-sejħa distintiva tar-ragħaj tagħha.—Ġwanni 10:4.